Jista' l-Ministru jara li d-dipartiment konċernat jieħu passi biex jirranġa t-traffic lights li hemm fi Triq Prinċipali (Triq il-Kunsill ta' l-Ewropa) li tagħti u twassal għall-ajruport u li hemm ħdejn il-cross road li tagħti għaċ-Ċimiterju ta' Ħal Luqa, biex dawn it-traffic lights ma jibqgħux fil-għoli daqsekk tant li bilkemm jidhru minbarra li huma moħbija ġos-siġar?
Billi ftit ilu f'dan il-post sar inċident fatali u billi dan il-post jintuża ħafna biex in-nies jaqsmu għaċ-ċimiterju ta' Ħal Luqa, jistgħu jittieħdu passi biex jiġi evitat inċident ieħor fatali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-għoli tat-`Traffic Lights` huwa stabbilit minn regoli nternazzjonali w għalhekk ma jistax ikun immodifikat. Minn naħa l-oħra dawn ma jistgħux jitattew mis-siġar u għalhekk id-Dipartiment informa lid-Dipartiment ta` l-Agrikoltura biex jisbor is-siġar skond il-bżonn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba instabet droga fil-ħabs taħt l-amministrazzjoni preċedenti Laburista?
Kemm-il priġunier ħarab mill-ħabs jew waqt li kien qed jiġi eskortat lejn jew mill-qorti u/jew l-isptar taħt l-amministrazzjoni Laburista preċedenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fiż-żmien tal-amministrazzjoni preċedenti Laburista, instabet id-droga fil-Ħabs 13-il darba, filwaqt li fl-istess perijodu, in-numru ta` priġunieri li ħarbu kien ta` 4.
26.10.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il operazzjoni tal-qalb jew/u Thoracic Surgery saret minn kardjoloġista Malti, Mr Albert Manche', u t-team Malti tiegħu kemm ilu li nġieb Malta?
Kemm kienet il-medja ta' pazjenti Maltin li kienu jintbagħtu barra minn Malta għal open heart surgery kull sena, qabel ġie Mr. A. Manche' u kemm hi issa l-medja ta' pazjenti li qed jintbagħtu barra għal open heart surgery kemm ilu hawn Malta dan il-kardjoloġista?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni qiegħda tinġabar. Tweġiba tingħata f`seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-titjiriet ta'l-Air Malta humiex "No Smoking"?
Jekk le, jaħseb il-Ministru li l-Air Malta għandha tadotta "a smoke free environment" kif qed jagħmlu bosta airlines oħra prominenti fl-Ewropa (eżempju l-British Airways)?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li ħlief għat-titjiriet lejn l-Afrika ta' fuq u Lvant Nofsani, it-titjiriet l-oħra kollha ta' l-Air Malta, li jirrapreżentaw il-maġġoranza kbira tar-rotot tal-Kumpanija, huma 'non-smoking'.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fatt li lis-Sur Richard Cachia Caruana, assistent personali tal-Prim Ministru, kienet tneħħitlu s-sigurta' tal-pulizija minn miegħu fuq ordni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru preċedenti jikkostitwixxi każ ta' indħil lill-pulizija? Din l-ordni kienet ikkundannata anke mill-ombudsman, ingħatat bil-fomm jew bil-kitba mill-Uffiċċju ta' l-ex-Prim Ministru? Lil min ingħatat fil-korp tal-pulizija din l-ordni u meta ngħatat?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba mogħtija mill-Onorevoli Prim Ministru għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. W123 fis-Seduta Nru. 145.
26.10.99 (a.m.)
Billi rċevejt diversi ilmenti minn Maltin emigranti f'Detroit, fl-Istati Uniti li l-posta lejn Malta qed iddum ħafna aktar mis-soltu ma tasal, jista'l-Ministru permezz tal-Maltapost jinvestiga dan l-ilment li ġie kkonfermat lili anke mill-club tal-Maltin f'dawn l-inħawi?
Ladarba jien ġejt informat li sa ftit żmien ilu din il-posta minn Detroit kienet tasal Malta fi żmien ġimgħa, għaliex issa qed ikun hemm dan id-dewmien, jekk fil-fatt dan jiġi kkonfermat u jirriżulta mill-investigazzjonijiet li nittama li tagħmel il-Maltapost wara dan l-ilment?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-valiġġa minn Detroit via JFK Airport, New York, normalment tgħaddi minn Amsterdam jew Frankfurt qabel tasal Malta. Biex tasal minn Detroit għal Malta, il-valiġġa ddum bejn tlieta w erbat ijiem. Ma` dan wieħed iżid minn ġurnata sa jumejn sakemm il-valiġġa titqassam lokalment.
Ma jidhirx li kien hemm xi ħafna lmenti mal-Maltapost plc ta` dewmin f`dan ir-rigward.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il darba l-Parlament iltaqa' għal seduti twal li ma kenux bħas-seduti b'ħinijiet normali tul l-amministrazzjoni Laburista preċedenti?
Jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jelenka meta saru dawn is-seduti (mhux ta' ħinijiet normali) taħt l-amministrazzjoni preċedenti u kemm-il siegħa damet kull seduta?
Kemm-il darba kellha issir mozzjoni ta' proċedura biex setgħu isiru dawn is-seduti taħt l-amministrazzjoni Laburista preċedenti?
Kemm-il darba l-Parlament iltaqa' b'seduti filgħodu u filgħaxija taħt l-Amministrazzjoni preċedenti Laburista?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm damu ma joħorġu kontijiet tad-dawl u l-ilma, wara li dawn għolew, taħt it-tmexxija preċedenti Laburista?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ħarġet l-ewwel kontijiet bit-tariffi kif imħabbra fl-estimi għall-1998 għall-aħħar ġimgħa ta' Mejju 1998.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il darba Malta messha tirrappreżenta l-Bristih Islands and Mediterranean Region fuq l-eżekuttiv tal-Commonwealth Parliamentary Association?
Liema kienu s-snin u min kien ir-rappreżentant kull darba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-informazzjoni li għandna jidher li Dr Lino Gauci Borda kien serva bħala membru tal-Kumitat Eżekuttiv tas-CPA bejn l-1990 u l-1993.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'futur hemm għan-numru żgħir ta' membri parlamentari miż-żewġ naħat li għax ġew eletti biex iservu fil-Parlament tilfu (temporanjament) l-impjieg tagħhom mal-Gvern, b'konsegwenza li d-dħul finanzjarju tagħhom naqas drastikament għax l-impjieg tal-Parlament hu kkonsidrat part-time?
X'sens jagħmel li deputati miż-żewġ naħat fl-istess ħin jitħallew iżommu l-impjieg tagħhom mal-gvern, dan kollu għax għandhom post ta'lecturers fl-Universita' ta' Malta meta dawn ħafna minnhom għandhom ukoll dħul konsidervoli mill-professjoni privata tagħhom (eżempju nutara, tobba, periti, avukati, eċċ)?
Il-Viċi Prim Ministru ma jaħsibx li din l-inġustizzja li qed titfa' piż kbir finanzjarju fuq numru żgħar ta'deputati miż-żewġ naħat inkluż fuq il-familji tagħhom għandha tiġi rranġata?
Jaf il-Viċi Prim Ministru li din il-materja tqajjmet ħafna xhur ilu kemm fil-Welfare Committee kif ukoll fil-House Business Committee u dwarha jidher li hemm qbil miż-żewġ naħat tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-punt li qed iressaq l-Onor. Membru qed jiġi kkunsidrat u huwa ttamat li tiġi identifikata soluzzjoni fil-viċin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kunsill lokali hawn f'Malta u f'Għawdex?
Kemm-il kunsillier hawn f'Malta u f'Għawdex?
Kemm tqassmu flus globalment lill-kunsilli lokali f'Malta u f'Għawdex, kemm ilhom jeżistu, biex jintnefqu fil-lokalitajiet tagħhom?
Kemm kien naqqas flus lill-kunsilli lokali l-gvern preċedenti Laburista u kemm reġgħu żdiedu taħt din l-amministrazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
In-numru ta` Kunsillli f`Malta huwa ta` tlieta u ħamsin (53) li jinkorporaw 355 kunsillier waqt li f`Ghawdex hemm erbatax (14) b`72-il kunsillier.
Minn mindu twaqqfu, fl-1994, il-Kunsilli Lokali nghataw Lm48,142,263 f`allokazzjoni skond il-formola u bħala fondi speċjali.
Fil-Budget ghas-sena 1997 il-Gvern preċedenti kien ivvota l-ammont ta` 6.25 miljun liri maltin bħala allokazzjoni skond il-formola. Dan kien ifisser tnaqqis ta` miljun lira fuq is-sena ta` qabel. Ghal budget tas-sena 1998, il-Gvern preċedenti kien reġa naqqas l-allokazzjoni b`LM419,000 meta vvota is-somma ta` Lm5,831,000.
Taħt din l-amministrazzjoni, l-allokazzjoni tal-Kunsilli Lokali reġghet żdiedet. Fil-fatt ghal budget ta` din is-sena, 1999, il-Gvern alloka is-somma ta` Lm6.5 miljun - żieda ta` Lm669,000.
L-ammonti vvotati bħala fondi speċjali mill-1996 l`hawn baqghu dejjem l-istess - Lm2.5 miljun.
Wied il-Għajn — Triq il-Qaliet - Qtugħ fis-servizz ta' l-elettriku
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba nqata' d-dawl fi Triq il-Qaliet, Wied il-Għajn, f'din l-aħħar sena?
Jista' l-Ministru jagħti l-ġranet ta' kull meta nqata' d-dawl kemm dam maqtugħ?
Hemm alternattiva li d-dawl ma jibqax jinqata' daqstant ta' spiss?
Hemm xi raġuni komuni għaliex id-dawl qed jinqata' daqstant ta' spiss u jekk hemm, x'inhi r-raġuni?
F'dan il-każ, x'inhi s-soluzzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm-il biċċa xogħol ta' printing ingħata mill-Enemalta mill-1996 sa l-1 ta' Ottubru, 1999 xahar b'xahar?
Meta ngħatat kull biċċa xogħol u kemm ġiet tiswa?
Liema printing press ingħatat kull biċċa xogħol, kull biċċa xogħol ingħatat b'tender, quotations jew direct order?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru ġentilment tgħid jekk mill-vapuri eżistenti tal-Gozo Channel li joperaw bejn Malta u Għawdex, liema minnhom għadhom bis-sistema ta' drenaġġ li tmur direttament għal ġol-baħar?
Xi prekawzjonijiet jittieħdu biex ma ssir kontaminazzjoni tal-port? Il-vapuri l-ġodda tal-Gozo Channel li qed jinbnew x'sistema ta' drenaġġ se jkollhom biex tiġi evitata l-pollution tal-baħar mid-drenaġġ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li mill-vapuri eżistenti, l-M.V. Mġarr u l-M.V. Ċittadella għandhom sistema antika ta' drenaġġ li jmur direttament għal-baħar. Pero' dawn il-vapuri għandhom holding tank li jitbattal meta dawn ikunu barra l-port.
Jiena nfurmata wkoll li l-vapuri l-ġodda ukoll ser ikollhom holding tank. Hemm ukoll il-ħsieb li fuq il-mollijiet ta' l-Mġarr jiġu mogħddija pajpijiet tad-drenaġġ biex id-drenaġġ tal-vapuri jiġi mbattal ġos-sistema tad-drenaġġ ta' l-art.
Tista' l-Ministru ġentilment tgħid x'sar minnu l-imraddar li kien hemm quddiem l-islipway tal-Menqa f'Marsalforn (fuq in-naħa ta' ġewwa nett quddiem il-public convenience) li kien jintuża biex jitellgħu id-dgħajjes mill-isplipway bih?
Veru m'għadux hemm u jekk m'għadux, għaliex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-imraddar li jinsab fil-menqa ta' Marsalforn ħdejn il-latrina ġie maqlugħ għar-raġuni li kellu bżonn manutenzjoni li ma setgħetx issir fuq il-post.
Dan l-imraddar ser jerġa' jitpoġġa f'postu mill-aktar fis possibbli.
Tista' l-Ministru tgħid meta hu maħsub li se jiġi mgħarraq il-vapur tal-Gozo Channel "Ix-Xlendi"?
Meta nxtara oriġinarjament mill-Gozo Channel u kemm ġie jiswa?
Fejn se jiġi mgħarraq?
Meta kien involut f'ħabta ma' Kemmuna?
Kemm kienet l-ispiża tal-ħsara?
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-inkjesta li kienet saret wara din il-ħabta?
Possibbli li l-Gozo Channel tgħid bejn wieħed u ieħor kemm-il trip għamel l-vapur "Ix-Xlendi" bejn Malta u Għawdex?
Kemm se tiġi tiswa l-operazzjoni biex jiġi mgħarraq, inkluż ix-xogħol ta' tindif u żarmar ta' apparat, li diġa' sar fuqu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-vapur tal-Gozo Channel 'Ix-Xlendi' se jiġi mgħarraq fix-Xatt l-Aħmar bħala attrazzjoni għall-għaddasa meta jinkisbu l-permessi meħtieġa.
Jiena nfurmata li dan il-vapur nxtara mill-kumpanija Gozo Channel fi Frar tal-1990. Dan kien involut f'ħabta ma' Kemmuna fis-16 ta' April 1992. Jiena nfurmata li mhuwiex xieraq li tingħata informazzjoni ta' natura kummerċjali. Ma narax il-ħtieġa li npoġġi r-rapport imsemmi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Bejn wieħed u ieħor saru madwar 24,096 vjaġġi bejn Ottubru 1990 u d-9 ta' Mejju 1997 (l-aħħar vjaġġ tax-Xlendi). Dan l-ammont jeskludi vjaġġi li saru bejn is-17 ta' Ġunju 1990 u t-30 ta' Ottubru 1990 peress li ma kienux inżammu rekords. Jiena nfurmata wkoll li l-Kumpanija Gozo Channel mhix mistennija li tħallas xi flejjes biex dan il-vapur jiġi mgħarraq.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn pulizija magħruf tat-traffiku (li lest nagħti n-numru tiegħu under separate cover) qed iwaqqaf karozzi, jagħtihom ċitazzjoni u jheddidhom li joħodhom bil-karozza tagħhom id-depot, dan kollu għaliex ikollhom stickers imwaħħla mal-karozza tagħhom, li la jkunu qed jostakolaw il-front jew ir-rear wind-screen, wisq anqas id-dawl tal-karozza?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jgħaddili d-dettalji tal-membru tal-Korp li qed jirreferi għalih.
14.10.99
Possibbli l-Enemalta tieħu passi biex żewġt arbli li hemm fi Triq il-Bidni, limiti ta' Wied il-Għajn, ħdejn il-"borehole taċ-ċirku" jiġu rranġati u mibdula għaliex jinsabu imsadda u mgħawwġin għal isfel minkejja li minn fuqhom għaddejjin għadd ta' wires tad-dawl?
Tista' l-Enemalta tieħu passi mmedjati biex tbiddel dawn iż-żewġ arbli li minnhom qed jieħdu d-dawl kemm il-"borehole taċ-ċirku" kif ukoll remissa u farmhouse li hemm ħdejn il-borehole?
Taf l-Enemalta li dawn iż-żewġ arbli qegħdin fi stat tant ħażin li se jispiċċaw jaqgħu fuq xi ħadd ma' l-ewwel buffara riħ bir-responsabbilta' tkun totalment ta' l-Enemalta li ilha snin li biddlet l-arbli tad-dawl kollha tal-Bidni iżda ħalliet biss lil dawn iż-żewġt arbli li llum saru ta'periklu?
Minħabba pressjoni kbira mir-residenti ta' din it-triq kif ukoll dawk li jiffrekwentaw din it-triq, possibbli l-Ministru ġentilment jintervjeni biex dawn l-arbli jinbiddlu qabel iweġġa' xi ħadd u possibbilment jinbidlu qabel tidħol aktar ix-xitwa?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta' l-onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni Enemalta biex tinvestigah u tieħu l-passi meħtieġa.
Jista' l-Ministru jara li l-Enemalta tieħu l-passi neċessarji biex tirranġa b'mod permanenti phase tad-dawl fi Triq il-Merkanti fil-Belt liema phase qed imur ta' spiss, m'hemmx għalfejn ngħid li, Strada Merkanti hija triq ewlenija għaliex fiha hemm għadd ta' ħwienet u numru ta' uffiċini?
Response (BONNICI, JOSEF)
Din il-mistoqsija diġa' weġibtha meta rrispondejt il-mistoqsija numru 9892 fis-Seduta numru 148. Madankollu nista' nżid li ninsab infurmat li l-ilment ġie investigat mill-Korporazzjoni Enemalta u li l-proċess meħtieġ biex is-sitwazzjoni titranġa beda u huwa ppjnat li jitlesta f'qasir żmien.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu casual porters/loaders ma' l-Air
Malta jew/u mal-Malta International Airport dan is-sajf? Kemm damu jew se jdumu fl-impjieg? Kien hemm min minnhom ingħata l-impjieg fuq bażi permanenti? Jekk iva, kemm? Hemm il-ħsieb li mill-casual porters/loaders jittieħdu numru fuq bażi permanenti? Kull min daħal casual porter jew loader għax-xhur tas-sajf ma' l-Air Malta jew ma' l-MIA kien qiegħed jirreġistra ma' l-ETC? Għalxiex kienu qed jirreġistraw?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul is-sajf, waqt li l-Malta International Airport ma impjegatx ħaddiema fil-grad ta' casual porters/loaders, l-Air Malta mpjegat mija u ħdax. Dawn ġew reklutati permezz tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ u għandhom jibqgħu fl-impjieg sa l-aħħar ta' Novembru ta' din is-sena. Ninsab infurmat ukoll li għadha ma ttieħdet ebda deċiżjoni dwar jekk, u fil-każ kemm, xi numru minn dawn il-loaders/cleaners każwali li għandhom jibqgħu fl-impjieg fuq bażi regolari.