Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-500 unit b'xejn li kienu jieħdu l-ħaddiema ta' l-enemalta u li kienu ngħataw mill-amministrazzjoni Nazzjonalista, għadhomx jingħataw?
Jekk le, meta tneħħew u għalfejn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-haddiema ta` l-Enemalta ghadhom jiehdu l-units li ghalihom qed issir riferenza.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11686, jista' l-Ministru ġentilment igħidilna kif filwaqt li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għadha għaddejja minn riforma, nħoloq post ġdid ta' office administrator - liema vakanza mtliet diġa'?
Fl-istess tweġiba ntqal ukoll li l-kariga ta' personnel assistant se tiġi eliminata. Jekk iva, meta?
Response (BORG, TONIO)
Il-post il-ġdid ta` 'HR Office Administrator' inħoloq fil-proċess tar-riforma li qegħda ssir fl-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Wara li eżaminat il-bżonnijiet tal-funzjoni tar-Riżorsi Umani, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar iddeċidiet li l-pożizzjoni ta` Senior Administrative Assistant (Personnel) m`huwiex bżonnjuż f`dan l-uffiċċju.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy ta' re-instatement ta' pulizija nisa f'dan il-każ, tfajla ta' 26 sena, li diġa' kellha ħames snin servizz fil-Korp tal-Pulizija?
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11273 fejn tlabt trasferiment ta' bozza minn ma' razzett antik fejn qed tagħmel ħsara strutturali għal ma' arblu diġa' eżistenti li huwa faċċata. Jista' l-Ministru jara għaliex l-Enemalta għadha ma lestitx din il-biċċa xogħol żgħira minkejja li ilhom isiru diversi lmenti dwarha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li ma jirrizultax li l-hsara qed tigi kkawzata mil-lampa msemmija. Barra minn hekk, is-suggeriment biex din il-lampa titpogga fuq arblu fil-qrib mhuwiex accettabbli ghall-Korporazzjoni Enemalta peress li hemm lampa ohra fil-qrib.
Mir-rapport ta' l-esperti Belgjani li kien ġab il-Gvern Nazzjonalista bejn l-1992 u l-1996, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti fl-Isptar Monte Carmeli li jistgħu joħorġu mill-isptar u jgħixu fil-komunita'? X'inhu jagħmel il-gvern u xi pjanijiet għandu biex jipprovdi support fil-komunita' bit-tama li dawn il-pazjenti xi darba joħorġu mill-Isptar Monte Carmeli u jerġgħu jintegraw ruħhom fil-komunita'?
Jikkonsidra l-Ministru li jaħtar task force fi ħdan id-diviżjoni tas-saħħa, magħmula minn team multi-dixxiplinarju bil-għan li jaħdem speċifikament fuq dan il-għan, jiġifieri li fl-aħħar in-nies li m'għandhomx għalfejn joqgħodu f'Monte Carmeli jsibu l-għajnuna u s-support biex jgħixu fil-komunita'?
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm hemm pazjenti f'Monte Carmeli u jekk teżisti statistika riċenti ta'kemm minnhom jiġu jarawhom nieshom u kemm le?
X'inhi l-eta' medja ta' dawn il-pazjenti? Kemm għandu l-iżgħar pazjent u kemm għandu eta' l-akbar wieħed?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u r-risposta tingħata aktar tard.
Billi l-gvern bejn l-1992 u l-1996 kien fi trattativi biex jilliberalizza l-ispiżeriji, fejn waslu dawn it-tentattivi?
Billi n-naħa ta' Bir id-Deheb, Żejtun m'hemmx spiżeriji u hemm mixja ta' madwar għoxrin minuta biex tmur fl-eqreb spiżerija, x'irid jagħmel individwu li diġa' għandu sit u jixtieq li jiftaħ spiżerija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant illi t-trattativi biex l-ispiżeriji jiġu liberalizzati spiċċaw u r-rapport li kien ippreżentat lill-Gvern qed jiġi evalwat.
Dak l-individwu li diġa għandu s-sit u jixtieq jiftah spiżerija għandu japplika mad-Dipartiment tas-Saħħa.
Jista' l-Viċi Prim MInistru ġentilment jgħid, kemm ilu li nfetah dan il-Parlament f'din il-Leġislatura sad-9 ta' Diċembru 1999: (1) kemm-il seduta tal-Parlament saret; (2) kemm-il siegħa ltaqa' l-Parlament; (3) kemm-il mistoqsija parlamentari saret; (4) kemm-il liġi ġdida għaddiet mill-Parlament; (5) kemm-il liġi ġiet emendata tul dan il-Parlament; (6) kemm-il liġi ġdida jew emendi għal-liġi bdew jiġu diskussi u għadhom m'għaddewx mill-istadji kollha; (7) kemm-il darba ltaqa' kull kumitat permanenti tal-Kamra; u (8) kemm-il ruling ingħata mis-Sedja f'dan il-Parlament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista'l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li l-Istorm Water Division u d-Dipartiment tat-Toroq jagħmlu spezzjonijiet fl-iqsar żmien possibbli fl-għelieqi li jagħtu għal Triq in-Nissieġ, Ħaż-Żabbar, minħabba li infaqgħu xi dorog ta' l-ilma bil-konsegwenza li l-ilma kollu mill-għelieqi u mill-by-pass ta' Wied il-Għajn qed jispiċċa f'din it-triq fejn qed jegħrqu diversi djar u qed isiru ħsarat f'diversi djar u basements? Billi din it-triq hi kollha abitata, possibbli jittieħdu passi fl-iqsar żmien possibbli?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt l-informazzjoni mgħoddija mill-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tat-Toroq biex ikun jista jara sewwa l-każ x`hemm bżonn li jsir.
Jista' l-Ministru jikkonferma li meta fi żmien amministrazzjoni Laburista ġie deċiż li jiġi rdoppjat l-isptar tal-Qroqq ma sar ebda pjan konkret biex jespandi wkoll is-servizzi ta' l-utilities, fosthom ta'l-ilma, toroq, elettriku u drenaġġ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Sa dak l-istadju ma kien sar l-ebda pjan konkret biex jespandi wkoll is-servizzi ta` utilities fosthom ta` l-ilma, toroq, eletriku u drenaġġ.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm u min ġie mistieden għall-konferenza li saret fis-7 ta' Diċembru 1999 għan-nurses Maltin lejliet il-Millennium bit-titolu "Nursing - our future - the way ahead" u li kienet organizzata mid-direttorat tan-nursing? Min ħa ħsieb l-istedin għal din il-konferenza? Possibbli li l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-papers li nqraw tul din il-konferenza?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li n-nies mistiedna sabiex jattendu għal konferenza li ġiet organizzata mid-Direttorat tan-Nurses, kienu l-Ministru tas-Saħħa u d-Direttur Ġenerali tas-Saħħa.
Id-dettalji dwar din il-konferenza tqassmu fis-swali kollha ta' l-isptarijiet u l-kliniċi kemm governattivi u kemm privati, f'Malta kif ukoll f'Għawdex. Għal din il-konferenza kienu mistiedna biex jattendu l-infermiera u l-qwiebel kollha.
Il-'papers' li nqraw waqt din il-konferenza sejrin jiġu ppublikati f'forma ta' ktejjeb. Kopja ta' dan il-ktejjeb titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta dan ikun lest.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari numri 11113 u 11777, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm reserved parking quddiem djar ta' persuni b'diżabilita'?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li skond ir-`records` tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku, in-numru ta` persuni b`diżabilita` li għandhom `reserved parking` quddiem id-dar tagħhom huwa ta` 472.
Minn dan it-total ta` min jinnota li fl-1999 ġew approvati mhux inqas minn 159.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari numru 11221 u 11732?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul dawn l-aħħar għaxar snin, it-Tarzna ta' Malta spiċċat is-sena bi profitt f'okkażjoni waħda u cioe fl-1989 meta rreġistrat qliegħ ta' Lm372,463.
Ta' min jinnota li fl-1990, il-qliegħ ta' Lm830,144 li għamlet it-Tarzna, irriżulta f'telf ta' Lm5,021,866 minħabba ħlas li l-azjenda kellha tagħmel in konnessjoni mal-vapur 'Princess Tanya'
Possibbli li l-Ministru jerġa' jidħol personalment, kif naf li għamel dan l-aħħar, biex il-lift prinċipali f'St Luke's, fuq in-naħa tal-casualty li sar ġdid f'Novembru 1996, ma jibqax ikun bil-ħsara b'mod regolari u ta' spiss?
Billi dan il-lift għandu jintuża mhux biss biex jittellgħu pazjenti mill-casualty għas-swali u għall-main operating theatre, u biex jittellgħu pazjenti mis-swali għall-operazzjonijiet ġol-main operating theatre, iżda jintuża wkoll biex jitniżżlu cardiac cases mill-main operating theatre, għall-ITU (billi jinsab l-aktar lift viċin l-ITU) jaqbel il-Ministru li għandha tinsab soluzzjoni permanenti biex dan il-lift ma jibqax jieqaf bil-ħsara ta' spiss?
Jikkonsidra d-dipartiment li jieħu passi kontra l-kuntrattur li għamel dan il-lift ġdid minħabba l-fatt li qed jieqaf ta' spiss?
Kemm kien sewa dan il-lift?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kien hemm diversi drabi meta it-temperatura tal-mutur ta` dan il-lift laħqet valuri aktar minn normali.
Dawn il-każi wasslu biex il-mutur inaqqas mill-effiċċjenza tiegħu u fil-fatt kellu jinbidel. Dan sar ix-xahar li għadda.
Kien hemm diversi raġunijiet tekniċi għal din il-ħsara u biex nipproteġu il-mutur il-ġdid iddeċidejna li l-lift jintuża biss mill-istaff, dan bil-kontrol tan-Nursing Officer fis-sala ta` l-operazzjonijiet.
Sadanittant il-kuntrattur responsabbli għal manutenzjoni ta` dan il-lift kellu jkompli jinvestiga l-każ biex isib soluzzjoni permanenti.
It-team tekniku tal-kuntrattur għandu jiġi fuq il-post biex ikun jista` josserva għal ħin twil l-operazzjoni ta` dan il-lift biex jidentifika kull element li mhux qed jaħdem kif suppost fit-3 ta` Diċembru, 1999.
Il-prezz totali kien madwar Lm 19,800.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11605?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kienu sitta min-nies li marru Dusseldorf sabiex jaraw apparat mediku għall-Isptar il-Ġdid f'Tal Qroqq.
Attendew għal din il-fiera: Dr Joe Zarb Adami Chairman MEC, Emanuel Bezzina Nursing Manager SLH, Rosario Attard Principal Technical Officer SLH, Dr. Kenneth Grech Head Institutional Operations FMS, Eng. Chris Attard Montalto Medical Equipment Manager FMS, Mario Hili Nursing Officer SLH.
Dawn intgħażlu mill-Board ta' l-FMS.
In-nefqa totali kienet ta' Lm2983 u ser tħallas għaliha l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u mid-Dipartiment tas-Saħħa.
B'riferenza għall-korrispondenza bejni u bejn l-Awtorita'ta'l-Ippjanar (Ref. GFA 45/97 u PA/ZTN/98) billi din l-area tinsab fil-village core (kif kien qal l-ex-Ministru Michael Falzon f'mistoqsija parlamentari numru 13941 f'Seduta Parlamentari tad-9 ta' Novembru 1993) u billi din hi area ferm mibnija u waħda mill-aktar antika taż-Żejtun, ma taħsibx l-Awtorita' ta'l-Ippjanar li hu diffiċli li jinfetħu toroq ġodda f'din l-area għax ikollhom jitwaqqgħu numru ta' residenzi antiki?
Taqbel l-Awtorita' ta'l-Ippjanar li issa għadda żmien biżżejjed biex tasal għal deċiżjoni peress li hi inġusta għar-residenti in kwestjoni li ilhom snin sħaħ u ma jafux x'se jiġri mid-djar tagħhom?
Possibbli għal ġid ta' dawn ir-residenti l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tgħid meta se tiddeċiedi finalment dwar din il-kwestjoni li issa saret waħda ta'natura kronika?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` ġie ndikat lill-Onor. Interpellant fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 11180, il-każ tas-sit tas-Sur Alex Mercieca u l-każ tar-residenti fl-istess inħawi jridu jiġu kkunsidrati flimkien minħabba li ma tistax telimina t-toroq proposti kollha. Ta` minn jgħid ukoll li jridu jiġu kkunsidrati kemm it-tqassim tad-drenaġġ kif ukoll il-problema ta` l-ilma tax-xita.
Ninsab infurmat ukoll li bħalissa hemm proposta li taffettwa mill-anqas residenti (effittivament binja/residenza waħda). Bħalma jaf l-Onor. Membru kien qed jipprova jintlaħaq ftehim mas-Sur Mercieca biex ikun hemm residenza alternattiva għall-binja affetwata.
Possibbli li l-Enemalta tara għalfejn cheque ta' sussidju fuq l-għoli tal-pitrolju, li kien għola taħt il-Gvern Laburista liema cheque ingħata lill-furnara mill-Gvern Nazzjonalista, wara li f'Ottubru 1998 lil wieħed furnar li ismu qed jintbagħat separatament baqa ma rċeviehx, wara li c-cheque kien ħareġ fuq isem żbaljat u l-persuna konċernata kienet irritornatu lura permezz tal-koperattiva tal-furnara lill-Enemalta?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex jiġi mistħarreġ u tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11219 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u li ġiet riferuta lilek u cioe: peress li dan l-aħħar il-General Workers Union qalet li ma kenitx lesta li taċċetta ħlas ta' arretrati lill-ħaddiema tat-Tarzna f'forma ta' bonus, jista'jinforma lill-Kamra jekk hux veru li l-istess GWU aċċettat din il-kondizzjoni f'każijiet simili imma f'kumpanniji oħra tal-Gvern? Jekk fil-pożittiv, jista'l-Ministru jispeċifika għal-liema każi l-union aċċettat dawn il-kondizzjonijiet u jgħid x'qed iwassal lil union issa ma taċċettax din il-ħaġa għal ħaddiema tat-Tarzna?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant jagħmel riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 11730.
Tista' l-Ministru issa twieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 11197?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-użu li qed isir mill-ispazju li baqa' fil-Port ta' l-Imġarr ma jippermettix li jiġu nstallati pontoons oħra billi dawn ikunu jostakolaw l-irmiġġjar u l-manuvrar tal-vapuri li jużaw l-istess port.