Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #14670 Sitting 261 2000-03-13 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Ambjent

Żejtun — Tneħħija ta' containers

Question

Jista' d-dipartiment konċernat jieħu passi biex jitneħħew trailers u containers u vetturi oħra li jinsabu biswit u f'għalqa li tinsab 'il isfel minn Triq Strejnu, viċin triq id-Daħla ta' San Tumas li qed tkerraħ dan il-post? Kif baqa' ma sar xejn meta dan l-individwu biddel l-għalqa tiegħu f'industrial zone meta mhijiex qegħda f'Industrial Area u qed jimla' t-triq u l-għalqa b'containers, trailers, vetturi u żjut?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Traffic Control Board — Zabbar - Double lines yellow

Question

Jista' l-Ministru jara li t-Traffic Control Board jinvestiga lment li wasal għandi minn persuna nieqsa mid-dawl li double lines sofor, jiġifieri "no parking lines" li kien hemm fi Sqaq San Ġużepp, Zabbar, tneħħew ħesrem biex issa f'dan l-isqaq li ma tantx hu wiesgħa qed issir parking bil-konsegwenza li dan ir-raġel anzjan nieqes mid-dawl ma jkunx jista' jgħaddi mingħajr periklu minn dan l-isqaq fi triqtu lejn il-knisja u lura billi dan hu l-uniku sqaq minn fejn ikun jista' jgħaddi? Min awtorizza t-tneħħija ta' dawn id-double lines?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għad-Domanda Parlamentari Nru. 14348.
Leg 9 PQ #14672 Sitting 261 2000-03-13 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Tipjip

Question

Meta hu fatt magħruf li l-konsum tat-tabakk hu fattur ewlieni ta' morbidity u mortality, jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk ma tinżammx rata jew statistika mid-diviżjoni tas-saħħa ta' mard jew każi ta' mortalita' relatati mat-tipjip? Jekk le, jaħseb il-Ministru li għandha tibda tinżamm din l-istatistika kif jiġri f'diversi pajjiżi Ewropej?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba ta` l-Interpellanza Parlamentari 12964.

Traffic Control Board — Razzett tal-Ħbiberija - Parking

Question

Filwaqt li m'hemm xejn ħażin li r-razzett tal-ħbiberija jorganizza fund raising activities f'Wied il-Għajn, jaħseb il-Ministru li t-traffic control board, flimkien mal-kunsill lokali ta' Wied il-Għajn, għandu jfassal minnufih parking scheme għal dan il-post, biex il-parking waqt dawn l-attivitajiet isir kif suppost, skond il-liġi u bl-inqas inkonvenjent possibbli lir-residenti ta' madwar ir-razzett tal-ħbiberija? Jaf li t-traffic control board li qed isir traffic "on both sides" fil-bypass ta' Wied il-Għajn biswiet ir-Razzett tal-Ħbiberija meta din it-triq, għaliex hi klassifikata bħala bypass u allura priority road, mhux permess li jsir parking fiha għallinqas skond kif jien informat? Jaf ukoll l-istess board li residenti fi Triq il-Gemmugħa, Triq l-Iskal, Triq Salv Buhagiar, Triq Qasam tal-Bujar u toroq oħrajn fil-viċinanzi qed jispiċċaw b'parking saħansitra quddiem garages u drive-in privati meta jkun hemm attivitajiet fir-Razzett tal-Ħbiberija? Possibbli jinstab bilanċ biex waqt li dan ir-razzett, li għandu funzjoni nobbli ħafna jkun jista' jibqa' għaddej bl-attivita' tiegħu, dan isir bl-anqas inkonvenjent u riskju kemm għar-residenti tal-viċinanzi kif ukoll għall-istess persuni li jattendu dan il-post?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li r-Razzett tal-Ħbiberija diġa` għandu `parking space` għal xi mitt (100) vettura. Il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku mhux f`pożizzjoni li joħloq spazju addizzjonali għal parkeġġ meta r-Razzett tal-Ħbiberija jkollhom xi attivita` speċjali. Ir-responsabilta` li tiġi osservata l-liġi u li ma jsirx parking fejn mhux permess hija tal-Puluzija, u għaldaqstant nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Storm Water Division

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12229 jaħseb il-Ministru, kif ikkonferma hu stess fil-Parlament f'supplimentary question li jien għamiltlu fuq l-istess mistoqsija parlamentari, ladarba dan il-car park qed jagħmel ħsarat kbar mir-raba' li hemm fi Triq il-Gardel, Wied il-Għajn, u dan minħabba deviation ta'l-istorm water, possibbli li jsiru xi channels - anke bi ftehim ma' sid ir-restaurant - biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata u ma tibqax issir ħsara lir-raba' li hu tajjeb?

Response (GALEA, ĊENSU)

M`hemm xejn x`inżid fuq ir-risposta mogħtija għad-domanda parlamentari Nru. 12229.
Leg 9 PQ #13528 Sitting 252 2000-02-29 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali

Elezzjoni Ġenerali — Kawżi dwar Corrupt Practice

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta bdiet il-kawża tal-Corrupt Practices li ġraw fl-elezzjoni ta' Mejju 1987 dwar partitarji Nazzjonalisti li ssawtu jew ma tħallewx jivvutaw minn partitarji Laburisti? Kemm-il seduta saret? Min kien l-imħallef jew il-maġistrat? Meta nqatgħet is-sentenza? Kemm kienu akkużati? Kemm instabu ħatja? Kemm issejjħu xhieda mid-difiża u mill-prosekuzzjoni separatament? Għal kemm-il darba d-difiża sejħet l-istess xhud jixhed?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-kawza ta` `Corrupt practices` li ġraw fl-elezzjoni ta` Mejju 1987 bdiet b`kumpilazzjoni fl-10 ta` Ġunju 1987 quddiem il-Magistrat Michael Mallia u ġiet deċiza fl-24 ta` Gunju 1997. F`dan il-perjodu saru 139 seduta. L-akkuzati kienu ħdax (11) li minnhom 10 ġew misjuba ħatja u wieħed ġie lliberat. Issejħu 92 xhud mill-Prosekuzzjoni u 24 xhud mid-difiza. Mix-xhieda tad-difiza kien hemm żewġ (2) xhieda li xehdu fi tlett seduti differenti u żewġ (2) xhieda oħra li xehdu f` żewġ seduti differenti. Id-deċizjoni tal-Magistrat ġiet appellata minn tnejn mill-akkuzati li kellhom sentenza ta` prigunerija. L-appell (numru 214`97) ġie appuntat ghas-27 ta` Ottubru 1997 mill-Imħallef Victor Caruana Colombo li mbaghad ġie assenjat lill-Imħallef Patrick Vella wara li l-ewwel Imħallef irtira bl-eta`. B`kollox saru seba` (7) seduti fl-appell li ġie deċiż fit-3 ta` Settembru 1998. Il-Qorti ta` l-Appell biddlet id-deċizjoni ta` l-ewwel Qorti minn waħda karċerarja ghal waħda ta` multa.
Leg 9 PQ #14347 Sitting 252 2000-02-29 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Gudja

Question

B'riferenza għall-ittra iffirmata li dehret fuq il-ħarġa tal-ġurnal ta' "In-Nazzjon" f'paġna 10, tal-Ġimgħa 18 ta' Frar, 2000 iffirmata mis-Sur Karmenu Dalli, Gudja fejn ġie allegat li nhar il-Ħamis 3 ta' Frar, il-Gudja PTA ta' l-iskola primarja tal-gvern organizzat coffee morning f'lukanda fejn ġew mistiedna biss kandidati għall-elezzjoni tal-kunsilli lokali mal-Partit Laburista u fil-preżenza tas-surmast infurmaw lill-udjenza li kienu se jikkontestaw għall-elezzjoni tal-kunsill lokali mal-MLP, u saħansitra talbuhom jgħinuhom fil-kampanja elettorali u biex jivvotawlhom bħala kandidati tal-MLP, billi din kienet ittra pubblika iffirmata - kopja tagħha qed tintbagħat separatament - jista'l-Ministru jew id-diviżjoni ta'l-edukazzjoni tinvestiga l-kontenut tagħha? Billi din kienet attivita' tal-PTA ta' l-iskola tal-gvern u li fiha allegatament kien preżenti s-surmast ta' l-iskola primarja tal-Gudja, jaħseb il-Ministru li hu inaċċettabbli li din tinbidel f'waħda puramament politika? Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' investigazzjonijiet għamlet id-diviżjoni ta'l-edukazzjoni, min għamilhom, x'irriżultalu, lil min kellmu, ħadux statement bil-miktub jew verbalment, x'passi ttieħdu, kontra min ttieħdu, u fiex kienu jikkonsistu?

Response (GALEA, LOUIS)

Jidhirli li l-fatti indikati mill-Onor. Membru jagħtu lok għal nuqqas ta' stima u kredibilita` tal-Kunsill ta' l-Iskola anke jekk id-deċiżjoni dwar id-dettalji ma tkunx ittieħdet formalment mill-Kunsill. Barra minn hekk informat li l-Kap ta' l-Iskola ma kienx preżenti għal laqgħa. Dak inhar kien qed jattendi sessjoni ta' Taħriġ fi Programm tal-Computer. Il-Kap ta' l-Iskola ġie mitlub mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jagħmel statement u nforma li l-laqgħa msemmija ġiet organizzata mill-ġenituri membri tal-Kunsill Skolastiku. Ser inkompli nsegwi l-każ biex infiehem li dawn il-ħwejjeġ ma jagħmlux ġid lill-edukazzjoni.

Traffic Control Board — Zabbar

Question

Possibbli li t-Traffic Control Board jara għaliex tneħħew id-double yellow lines minn Sqaq San Ġużepp, Zabbar? Jista' l-Ministru jinnota li konsegwenza ta' dan persuna li hija nieqsa għal kollox mid-dawl saret ma tistax tgħaddi minn dan l-isqaq biex tmur il-quddies?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku m`għandu l-ebda rekord li approva biex isiru jew jitneħħew `double yellow lines` ġo Sqaq San Guzepp, Ħaż Żabbar.
Leg 9 PQ #14247 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kunsill Skolastiku

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm ilu li ġie elett il-kunsill skolastiku f'kull skola tal-gvern f'Malta u Għawdex: (a) kemm-il darba iltaqa' l-kunsill ta' kull skola; (b) x'kienet l-aġenda f'kull laqgħa; u (ċ) x'attivitajiet organizza kull kunsill skolastiku f'kull skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-ġbir tat-tagħrif mitlub jirrikjedi ħafna xogħol, nitlob l-Onor. Membru jispeċifika t-tagħrif li l-aktar hu rilevanti għall-kwestjoni li qed jindaga.
Leg 9 PQ #14256 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Ambjent

Żejtun — Triq il-Gwiedi - Ħajt

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga s-sitwazzjoni rigward ħajt li se jaqa' fejn qed isir bini ġdid fi Triq Gwiedi, Żejtun li hi ferm dejqa u li jekk jaqa' dan il-ħajt ikun ta' periklu għar-residenti? Jistgħu jittieħdu passi biex din is-sitwazzjoni riskjuża tiġi rimedjata qabel issir xi traġedja?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Leg 9 PQ #14257 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Enrolled nurse

Question

Jista' l-Ministru jara jekk il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, hijiex reġistrata bħala enrolled nurse billi damet numru ta' snin taħdem San Vincenz de Paule bħala enrolled nurse?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li d-dettalji tal-persuna msemmija ma jindikawx li hija reġistrata fir-reġistru ta' l-enrolled nurses li jinżamm mill-Bord ta' l-Infermiera u l-Qwiebel.
Leg 9 PQ #14259 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Mobile Unit

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid x'tip ta' protezzjoni għandhom il-membri tal-mobile unit li fin-natura tax-xogħol ta' spiss isibu ruħhom wiċċ imb'wiċċ ma' kriminali armati? Għandhom, fost l-oħrajn, bullet proof vests, peress li mhux l-ewwel darba li ġew sparati tiri fil-konfront tal-membri tal-mobile?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent il-membri tal-Mobile Squad għandhom permess iġorru arma tan-nar għall-protezzjoni tagħhom u ta` terzi. Kull vettura li jużaw hija wkoll mgħammra b`apparat ta` kommunikazzjoni li jintuża, fost oħrajn, sabiex tintalab assistenza meta meħtieġ. Hemm il-ħsieb li `l quddiem din l-iskwadra jkollha għad-dispożizzjoni tagħha numru ta` bullet proof vests.
Leg 9 PQ #14324 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Telemalta — Transfers ta' telephones

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex transfer ta' telephone minn post ġo Ħaż-Żabbar għal ġo post ieħor f'Ħaż-Żabbar ta' l-istess sid baqa' ma sarx sal-lum minkejja li l-klijent mar il-Maltacom diversi drabi u minkejja li kont anki intervenjent jien? (Id-dettalji kollha qed nibgħathom under separate cover)

Response (BONNICI, JOSEF)

Twegiba tinghata f`xi Seduta ohra.
Leg 9 PQ #13416 Sitting 248 2000-02-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Care takers

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13008 imwieġba fi Seduta Nru. 225 fl-24/01/2000 billi fit-tweġiba intqal li: "Il-fatt li l-politiċi ma jistgħux jagħmluha ta' referees tidher li hija politika tal-Public Service Commission u l-Management and Personnel Office ..." - (f'dan il-każ skond il-Gazzetta tal-Gvern tal-Ġimgħa 7 ta' Jannar, 2000 f'paġna 74, fejn intqal li: "Politikanti ... ma jistgħux jagħmluha bħala referees" għal postijiet ta' care workers fid-Dipartiment tal-Ħarsien ta' l-Anzjani), jaħseb il-Prim Ministru li l-fatt innifsu li l-politiċi, inkluż membri parlamentari, ma jistgħux jagħmlulha ta' referees, timplika nuqqas ta' fiduċja fil-klassi politika Maltija u/jew li m'humiex responsabbli biżżejjed biex jagħmluha ta' referees, meta l-istess membri parlamentari jistgħu jagħmluha ta' referees f'diversi applikazzjonijiet oħra ta' xogħol u jistgħu jiffirmaw ukoll ritratti ta' applikanti biex jikkonfermaw li dak ikun ritratt awtentiku tal-persuna konċernata? Ladarba l-membri parlamentari jistgħu jiffirmaw applikazzjonijiet uffiċjali bħal dawk tal-passaport, għaliex f'dan il-każ inħasset il-ħtieġa li fil-Gazzetta uffiċjali tal-Gvern jingħad li l-politikanti ma jistgħux jagħmlu ta' referees? Il-Prim Ministru jaħseb li l-Public Service Commission u l-Management and Personnel Office għandhom juru aktar rispett lejn ir-rappreżentanti tal-poplu Malti u Għawdxi u billi klawsoli bħal dawn jiġu evitati fil-futur? Possibbli li l-PSC u l-MPO jinnotaw ukoll dak li ntqal ukoll fil-mistoqsija parlamentari numru 13008 li l-kelma adatta hi: "Politiċi" u mhux "Politikanti"?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-klawsola li qed jirreferi għliha l-Onorevoli Membru ntużat ukoll f'sejħiet oħrajn simili fil-passat; darbtejn għall-post ta' Care Worker (fl-1991 u fl-1996) u darba għall-post ta' Casual Care Worker (fl-1991). Nassigura lill-Onorevoli Membru li din il-klawsola ma saritx b'xi disprezz lejn il-klassi politika imma iktar bl-iskop li l-proċess kollu ta' l-għażla jkun trasparenti kemm jista' jkun u ħieles minn kull influwenza politika partiġġjana. It-talba għall-referees saret minħabba li x-xogħol ta' Care Worker huwa wieħed delikat u fejn, min jiġi magħzul, ikun mistenni li jidħol fi djar privati, ġeneralment ta' anzjani. Fl-aħħarnett, naqbel perfettament ma' l-Onorevoli Membru li l-kelma addattata hija Politiċi u mhux Politikanti. Qed nagħti struzzjonijiet biex, mill-lum il hemm, tintuża l-kelma korretta fil-verżjoni Maltija.
Leg 9 PQ #13550 Sitting 248 2000-02-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — MRI

Question

Issa li l-Gvern iddeċieda li jixtri MRI għall-Isptar San Luqa, jista' l-Ministru ġentilment jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ispecifications tal-makna? X'funzjonijiet se jkollha l-MRI u kif se jtejjeb is-servizzi tas-saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Is-sejħa għall-offerti kienet għall-kiri għal tliet snin (jew kif inhu magħruf internazzjonalment ``leasing'') bil-fakulta' li l-Gvern jixtri l-magna bi prezz li hu diġa' miftiehem meta jgħaddu t-tliet snin tal-kirja. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-ispeċifikazzjonijiet tat-tender kif ukoll informazzjoni fil-qosor dwar l-MRI li ser jinkera mingħand il-kumpanija General Electric Medical Systems. Magnetic Resonance Imaging hija metodoloġija li permezz tagħha t-tobba jistgħu jeżaminaw il-partijiet interni ta' l-organi tal-ġisem mingħajr l-użu ta' X-Rays. Din it-teknoloġija tikkombina ``radio waves'' normali ma' ``magnetic field'' li għalkemm qawwija ħafna ma tagħmel ebda ħsara lill-bniedem. Bħala riżultat, ikollna ritratti ċari u dettaljati ta' l-intern tal-organi bħal ma huma l-moħħ, is-sinsla tad-dahar, il-ġogi, u l-organi l-oħra tal-ġisem. Permezz tal-MRI, mard jew ħsara f'xi organi tal-ġisem jistgħu jinqabdu aktar kmieni. Fl-istess ħin jista' jiġi determinat b'aktar preċiżjoni l-benefiċċju li jista' jkun hemm minn operazzjoni. Meta dan is-servizz ġdid jibda' jiffunzjona, fil-futur qrib Ser ikun possibbli li s-servizz ta' MRI jiġi estiż għad-Dipartimenti kliniċi kollha u għalhekk ma jibqgħux jiġu referuti biss pazjenti mid-Dipartimenti tan-Newroloġija u Newrokirurġija. Sal-lum l-użu ta' l-MRI għal pazjenti oħra kien ristrett ħafna. Ser jonqos bil-kbir l-inkonvenjent għall-pazjenti li kellhom bżonn MRI. Dawn sa issa kellhom jiġu trasportati (sa Londra ftit snin ilu u sa klinika privata minn sentejn 'l hawn) barra mill-isptar biex isirilhom it-test meħtieġ u dan b'inkonvenjent sostanzjali barra milli b'riskju għal saħħithom. Il-waiting list għall-MRI li bħalissa tlaħħaq madwar 200 pazjent ma tibqax teżisti. Ser jiżdied sostanzjalment in-numru ta' testijiet u allura ser jibbenifikaw numru akbar ta' pazjenti. L-ispiża globali u l-ispiża għal kull test ser tonqos b'benefiċċju għat-taxpayer li bi spiża inqas ser jiġi provdut b'servizz aħjar u aktar komprensiv.

Wied il-Għajn — Triq il-Gardiel - Traffic lights

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 11213, jista' l-Ministru ġentilment jgħid xi progress sar għax diversi residenti fosthom anzjani li jkollhom jaqsmu din it-triq perikoluża u qed jilmentaw miegħi biex issir zebra crossing? Jikkonsidra t-Traffic Control Board li nagħmlu site visit flimkien ħalli qabel jieħdu deċiżjoni nispjegalu fid-dettall l-ilmenti tar-residenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku lest li jiltaqa` mall-Kunsill Lokali u l-Onor. Membru biex jispezzjonaw il-post ħalli jaraw hemmx ħtieġa ta` `Traffic Lights` jew `Zebra Crossing`.
Leg 9 PQ #14064 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Ambjent

Skart domestiku u kummerċjali

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk teżistix statistika dwar kemm jinġabar skart domestiku u kummerċjali lokal b'lokal kull ġimgħa f'Malta u f'Għawdex?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Għalkemm tista' tinġabar statistika ta' kemm jiġi mormi skart minn kull lokal mhux rikommandat li wieħed joqgħod fuq din l-informazzjoni li tingħata mix-xufiera tal-vetturi li jġorru l-iskart. Dan għaliex huwa fatt magħruf li qiegħed isir taħlit ta' skart, minn lokalitajiet differenti, meta jsir il-ġbir ta' l-iskart biex jonqsu l-ispejjeż fil-ġarr ta' dan il-materjal. Ħafna mill-iskart kummerċjali qiegħed jinġabar ma' dak domestiku. L-istatistika li teżisti hija tal-piż totali ta' l-iskart li jinġabar mil-lokalitajiet kollha, magħrufa bħala 'Municipal Solid Waste'. Minn din l-istatistika huwa kkalkulat li l-iskart jiġi ġġenerat bir-rata ta' madwar 7 kilogrammi kull persuna fil-ġimgħa. Min-numru ta' residenti wieħed jista' jasal għal kemm jinġabar skart imħallat kull ġimgħa minn kull lokal f'Malta u Għawdex. Hemm il-ħsieb li l-quddiem tidħol is-sistema ta' 'Duty of Care' biex id-Dipartiment ikun infurmat minn fejn ikun ġie ġġenerat kull skart li jintrema.
Leg 9 PQ #13841 Sitting 242 2000-02-15 Oral · Interim From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — PA 2272/97

Question

B'riferenza għall-estensjoni ta' bini fil-guest house Ramla Lodge fi Triq il-Gardiel, Wied il-Għajn Nru. PA 2272/97, jista' l-Ministru wara konsultazzjonijiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar jispjega: (a) kif ħareġ il-permess biex jinbena it-tielet sular meta f'ittra li ġġib id-data tas-16 ta' Ġunju, 1998 numru ta' referenza GF/GC - 55/667 id-Director of Planning kien qal li "PA 2272/97 is being recommended for refusal as proposal will intensify the commercial/tourism characteristics in a predominantly residential area"? (Kopja ta' l-ittra qed tintbagħat separatament) (b) Kif għadhom ma ttieħdu ebda passi biex struttura llegali li nbniet fil-front garden tar-Ramla Lodge u li dwarha diġa' weħel multa u nħarġitlu ordni biex imwaqqa' din l-istruttura, jiġifieri il-bar, u s'issa għadha hemm? Jekk dan hu minnu, x'inhu jżomm lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar milli tipproċedi kif tipprovdi l-liġi? (ċ) Kif bungalow fl-istess area, ta' l-istess sid u li hu f'residential area ħariġlu l-permess biex isir bar and restaurant li jesa' madwar 140 ruħ meta l-parking capacity li ngħatat mill-Planning Authority hi biss ta' 24 karozza meta jien informat li suppost skond ir-regolamenti - Policy TRA 4, din kellha tkun ta' bejn wieħed u ieħor 60 karozza? (d) Kif tispjega l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li l-istess sid għandu bini ta' sular taħt l-art jew parti sostanzjali minnu taħt l-art li suppost kien basement ta' disa' filati għoli u fil-fatt hu ta' sular sħiħ u li issa ngħata l-permess li jintuża bħala bedrooms meta skond il-liġi l-ebda basement ma jista' jintuża għall-irqad?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-każijiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant qed jiġu nvestigati mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Leg 9 PQ #13842 Sitting 242 2000-02-15 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Ramla Lodge

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif tispjega l-Planning Authority li r-Ramal Lodge fi Triq il-Gardiel, Wied il-Għajn inħarġilha permess għal tielet sulari f'area li skond il-planning schemes hi ta' żewġt sulari?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li r-Ramla Lodge ingħatat permess għal tlett livelli, 2 'l fuq u 1 'l isfel mit-triq. Skond il-Planning Schemes dan l-għoli hu permess fi Triq il-Gardiel kantuniera ma` Triq il-Maħsel, f`Wied il-Għajn.
Leg 9 PQ #13843 Sitting 242 2000-02-15 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Ref. No. GF/GC 55/667

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex minkejja diversi ittri ta' resident li ismu qed jintbagħat under separate cover GF/GC 55/667 fejn talab biex ikun preżenti meta jinstema' l-każ ta' Ramla Lodge, dan ġie deċiż meta l-persuna msemmija qatt ma ġiet informata biex tkun preżenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-proċedura dwar il-preżenza tal-pubbliku waqt laqgħat tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp (DCC) hi li dawn il-laqgħat ikunu miftuħa għall-pubbliku. L-agenda tad-DCC tkun kemm fuq l-Internet kif ukoll fuq Notice Board għal ta` l-apposta fil-Foyer tal-Planning Authority. Mhix il-prattika li kull min jikteb jiġi nfurmat bid-data preċiża, ħlief meta l-applikazzjoni tasal għar-rikonsiderazzjoni, u dan fuq talba ta` min irid ikun preżenti.