Legislature:
Category:
Reset
Active:

Marsaxlokk — Triq il-Port Ruman

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiġi rranġata Triq il-Port Ruman, f'Marsaxlokk li minkejja li fiha hemm għadd ta' residenti, it-triq għadha qatt ma saret u allura hi responsabbilta' tal-Gvern Ċentrali? Meta hemm il-ħsieb li ssir din it-triq u kemm se tiġi tiswa'?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-toroq ħareġ sejħa għall-offerti biex it-triq tkun asfaltata u bħalissa dawn l-offerti qiegħdin fil-proċess ta` għażla u adġudikazzjoni.
Leg 9 PQ #15830 Sitting 288 2000-05-08 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Immigration officers

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk sarx short listing ta' l-applikanti għall-post ta' immigration officers li ħarġu madwar seba' xhur ilu u li fil-fatt għalqu fis-16 ta' Lulju, 1999? Fiex wasal il-proċess ta' l-għażla? Saru interviews? Jekk iva, kemm ġew intervistati u kemm intgħażlu? Jekk il-proċess ta'l-għażla għadu ma intemmx, għadx hemm il-ħsieb li jiġu mpjegati dawn l-immigration officers?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-process ta` l-ghazla ghall-post ta` Immigration Officer ghalissa hu sospiz.

Assistenza soċjali — Persuna b'diżabilita'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi drittijiet u benefiċċji għandha persuna ta' 20 sena li hi unemployed, hi reġistrata bħala permanent disabled mal-kummissjoni nazzjonali persuni bi bżonnijiet speċjali,u li tgħix ma missierha għax ommha mejta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuna li għandha ċ-ċirkostanzi msemmija tista' tkun intitolata għall-Pensjoni għal Persuni b'Diżabilita jekk tbati minn xi waħda mill-kundizzjonijiet indikati fl-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Għaldaqstant il-persuna kkonċernata jew l-amministratur tagħha għandha tingħata parir li tagħmel applikazzjoni għal din il-Pensjoni fl-eqreb Uffiċċji Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Leg 9 PQ #15542 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk l-anzjani li jgħixu f'dar tal-gvern u li m'għandhomx dar oħra ħlief dik tal-gvern, humiex intitolati li jieħdu l-flus mogħtija tal-gvern fl-aħħar budget?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nissuggerixxi lill-Onorecoli Interpellant jaghmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.
Leg 9 PQ #15027 Sitting 271 2000-03-27 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — MRSA

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta feġġgħet għall-ewwel darba fl-isptarijiet tagħna l-MRSA? Kemm pazjenti nstabu positive fl-1996, 1997, 1998, 1999 u s-sena 2000, sa l-1 ta' Marzu? Kemm jintnefqu fix-xahar mid-dipartiment tas-saħħa f'antibiotics? Hemm ħsieb li ssir antibiotic policy biex ikun hemm użu aħjar u aktar għaqli ta' l-antibiotics?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-ewwel każijiet ta` MRSA ġraw fl-1995. Il-każijiet ta` MRSA kull sena kienu: 1996 34 1997 224 1998 314 1999 350 2000 (Jannar/Frar) 87 Bħala medja d-Dipartiment tas-Saħħa jonfoq LM63,429 fix-xahar. Din il-figura hi bbażata fuq kemm intefqu flus fuq 'Antibiotics' tul is-sena 1999. Ma hemmx statistika speċifikament għall-MRSA. Il-Ministeru tas-Saħħa għadu kif waqqaf kumitat multi-dxxiplinarju sabiex jistudja u jipproponi metodi ġodda għal użu aktar għaqli ta` antbijotiċi kemm fl-isptarijiet kif ukoll fil-komunita`. Dan il-kumitat għandu jippreżenta r-rapport tiegħu sa l-aħħar ta` Mejju.

Żejtun — Tneħħija ta' containers

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 14670 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li ġiet riferuta lilek u cioe: jista' d-dipartiment konċernat jieħu passi biex jitneħħew trailers u containers u vetturi oħra li jinsabu biswit u f'għalqa li tinsab 'l isfel minn Triq Strejnu, viċin triq id-Daħla ta' San Tumas li qed tkerrah dan il-post? Kif baqa' ma sar xejn meta dan l-individwu biddel l-għalqa tiegħu f'industrial zone meta mhijiex qiegħda f'industrial area u qed jimla' t-triq u l-għalqa b'containers, trailers, vetturi u żjut?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, il-Ministru ta' l-Intern.
Leg 9 PQ #15029 Sitting 271 2000-03-27 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Stormwater division

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari numri 12229 u 14675, lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni, ladarba l-Ministru konċernat jidher li ma jista' jagħmel xejn, possibbli jintervjeni d-dipartiment ta' l-agrikoltura u sajd għax minħabba dan il-car park qed issir ħsara kbira lill-bdiewa f'dan il-post? Possibbli li, għax il-car park hu privat, ħadd ma jista' jagħmel xejn għal dawn il-bdiewa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jiena nfurmat li d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura qajjem dan il-każ ma l-Awtorita' ta' l-Ippjanar sabiex jittieħdu l-passi neċessarji.
Leg 9 PQ #15205 Sitting 271 2000-03-27 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Ambjent

Palazz — Lift

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-lift li kellu jsir fil-Palazz, il-Belt, fejn jiltaqa' l-Parlament? Meta beda dan il-proġett? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa? Fejn se jsir eżatt? Meta hu maħsub li jitlesta? Min qed jagħmel ix-xogħol? Veru saret sub-station biex tipprovdi l-elettriku għal dan il-lift? Veru twaqqaf kumitat biex jieħu ħsieb dan il-proġett? Minn min hu kompost u kemm-il darba ltaqa'? Min kien preżenti f'kull laqgħa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq il-lift li qed isir fil-Palazz tal-President il-Belt jinsab fi stadju ta' progress sodisfaċenti. Ix-xogħol fuq l-istruttura tal-ħadid hija prattikament lesta (ċirka 90%). Ix-xogħol fuq l-istallazzjoni tal-lift ser jibda matul il-ġimgħa li tibda 27 ta' Marzu u mistenni jitlesta fi żmien ħames ġimgħat oħra. Ix-xogħol ta' cladding madwar l-istruttura ser isir fl-istess żmien u jitlesta fi żmien madwar disa' ġimgħat oħra. Il-proġett, li kien ikopri fl-ewwel fażi tiegħu xi civil works, inbeda fil-bidu tas-sena l-oħra. Il-lift mistenni jkun kommissjonat sa l-aħħar ta' Mejju ta' din is-sena. Is-sit fejn qed isir il-proġett hi l-bitħa Prince Alfred Courtyard. Ix-xogħol tal-lift qed tagħmlu l-kumpanija CSL Co. Ltd. Kienet saret substation li nofs il-kapaċita' tagħha ser jintuża esklussivament għall-Palazz. Ma twaqqaf l-ebda kumitat biex jieħu ħsieb dan il-proġett partikolari. Il-proġett qed jieħu ħsiebu Perit mit-Taqsima tar-Restawr fit-Taqsima tax-Xogħlijiet, Ministeru għall-Ambjent.
Leg 9 PQ #15021 Sitting 268 2000-03-21 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Fishing Trawlers

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 14750, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura u li issa ġiet riferuta lilek u cioe: jista' jgħid mill-1 ta' Jannar, 1998 sal-5 ta' Marzu, 2000 kemm saru searches mill-AFM fuq fishing trawlers li joħorġu u jsorġu f'Xatt ir-Risq? Kemm-il search saret? Fuq liema lanċa saret, meta saret u x'ħin saret? F'kull każ kemm kienet 'il barra l-lanċa meta ntalbet biex terġa' tidħol 'il ġewwa? X'instab f'kull każ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li bejn is-7 ta' Jannar 1998 u 17 ta' Frar 1998 saru seba tfittxijiet fuq laneċ tas-sajd mill-Patrol Boats tal-Forzi Armati kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Rigward tfittxijiet li saru wara s-17 ta' Frar 1998 sal-5 ta' Marzu 2000 nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 14538 f'seduta 256. Jekk dawn il-laneċ tas-sajd ħarġux minn jew kienux sorġuti f'Xatt ir-Risq nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #15022 Sitting 268 2000-03-21 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Inċident tar-Rabat

Question

Jista' l-Ministru, permezz tal-Kuammissarjua tal-Pulizija jinformani kemm mit-28 membru tal-pulizija ta' l-SMU involuti fl-inċidenti tar-Rabat ta' l-1987 għadhom kif korp tal-pulizja? Jista' jgħid fejn qegħdin stazzjonati (mingħajr ma jsemmi isimhom)? Kemm minnhom għandhom aċċess għall-armi uffiċjali tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li hemm 17-il membru tal-Korp tal-Pulizija li għadhom iservu fil-Korp tal-Pulizija, minn dawk li f`April ta` l-1987 kienu stazzjonati l-S.M.U. Fil-preżent dawn qegħdin stazzjonati hekk : Disretti - 6; S.A.G. - 3; Traffic - 3; Ħabs - 1; Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili - 1; Ajruport - 1; Akkademja - 1; Sospiż - 1. L-aċċess għall-armi fil-Korp tal-Pulizija dejjem jiddependi skond kif iċ-ċirkostanzi jkunu jirrikjedu.
Leg 9 PQ #15023 Sitting 268 2000-03-21 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Delitt ta' Raymond Caruana

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn mindu sar id-delit ta' Raymond Caruana fil-każin Nazzjonalista tal-Gudja fil-a5 ta' Diċembru, 1996, min investiga dan id-delitt? Kemm u meta ġew arrestrati nies jew interogati? Il-pulizija qatt irċeviet informazzjoni ġdida fuq dan il-każ? Jekk iva, meta u x'għamlet? Jista' l-poplu Malti jserraħ rasu li dan il-każ ikraħ qed jittieħed bis-serjeta' li jixraqlu min-naħa tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Kif jaf kulħadd u kif għidt fit-Tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 3970 u Nru. 14307, hemm proċeduri kriminali pendenti quddiem il-Qorti dwar dan il-każ, u għalhekk ma nħossx li huwa opportun li t-tagħrif mitlub jingħata f`dan l-istadju.
Leg 9 PQ #15024 Sitting 268 2000-03-21 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Qtil ta' Raymond Caruana

Question

Wara l-qtil ta' Raymond Caruana fil-Gudja, kemm-il gun shot residue test sar mill-pulizija? Liema uffiċjal (isem, kunjom u grad) għamlu? F'liema ġurnata u ħin sar kull gun shot residue test? Fejn kienu joqogħdu (mingħajr ma jsemmi isimijiet) in-nies li fuqhom sar il-gun shot residue test?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15023 f`din l-istess Seduta.
Leg 9 PQ #15026 Sitting 268 2000-03-21 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Traffic Control Board — Razzett ta' Ħbiberija - Parkeġġ

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14674, li għamilt lill-Ministru għat-trasport u komunikazzjoni, jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi mill-pulizija rigward l-aħħar parti tat-tweġiba tal-Ministru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa sabiex tassigura li l-ipparkjar fil-post li rrefera għalih l-Onor. Interpellant isir skond ir-regolamenti tat-traffiku.
Leg 9 PQ #14757 Sitting 266 2000-03-20 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Ambjent

Żejtun — Triq il-Gwiedi - Ħajt

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14256 fejn tlabt li jittieħdu passi biex ħajt li qed iċedi fi triq dejqa ħafna iżda passaġġjuża u residenzjali, jiġifieri Triq Gwiedi, Żejtun, billi l-Ministru talabni "nindirizza l-mistoqsija tiegħi lill-kunsill lokali konċernat" u peress li s'issa ma sar xejn u jien bħala membru parlamentari għandi dritt biss li nagħmel mistoqsijiet parlamentari lill-ministri u mhux lill-kunsilli lokali, jista' l-Ministru jara li jittiedu passi immedjati, ladarba dan il-ħajt qed joffri periklu għax jekk jaqa' tista' ssir xi traġedja?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirringrazzja lill-Onorevoli Interpellant li nfurmani b'dan il-każ. It-Taqsima tax-Xogħlijiet bagħtet perit biex isir rapport fuq il-każ. Dan ir-rapport tlesta u ntbagħat lill-Għassa tal-Pulizija taż-Żejtun fl-10 ta' Marzu 2000. Il-ħajt huwa ta' Developer Privat u t-Taqsima tax-Xogħlijiet irrakkomandat lill-Pulizija biex jieħdu l-passi meħtieġa mmedjatament biex dan id-Developer jirranġa l-ħajt.
Leg 9 PQ #13841 Sitting 265 2000-03-15 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — PA 2272/97

Question

B'riferenza għall-estensjoni ta' bini fil-guest house Ramla Lodge fi Triq il-Gardiel, Wied il-Għajn Nru. PA 2272/97, jista' l-Ministru wara konsultazzjonijiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar jispjega: (a) kif ħareġ il-permess biex jinbena it-tielet sular meta f'ittra li ġġib id-data tas-16 ta' Ġunju, 1998 numru ta' referenza GF/GC - 55/667 id-Director of Planning kien qal li "PA 2272/97 is being recommended for refusal as proposal will intensify the commercial/tourism characteristics in a predominantly residential area"? (Kopja ta' l-ittra qed tintbagħat separatament) (b) Kif għadhom ma ttieħdu ebda passi biex struttura llegali li nbniet fil-front garden tar-Ramla Lodge u li dwarha diġa' weħel multa u nħarġitlu ordni biex imwaqqa' din l-istruttura, jiġifieri il-bar, u s'issa għadha hemm? Jekk dan hu minnu, x'inhu jżomm lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar milli tipproċedi kif tipprovdi l-liġi? (ċ) Kif bungalow fl-istess area, ta' l-istess sid u li hu f'residential area ħariġlu l-permess biex isir bar and restaurant li jesa' madwar 140 ruħ meta l-parking capacity li ngħatat mill-Planning Authority hi biss ta' 24 karozza meta jien informat li suppost skond ir-regolamenti - Policy TRA 4, din kellha tkun ta' bejn wieħed u ieħor 60 karozza? (d) Kif tispjega l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li l-istess sid għandu bini ta' sular taħt l-art jew parti sostanzjali minnu taħt l-art li suppost kien basement ta' disa' filati għoli u fil-fatt hu ta' sular sħiħ u li issa ngħata l-permess li jintuża bħala bedrooms meta skond il-liġi l-ebda basement ma jista' jintuża għall-irqad?

Response (BORG, TONIO)

B`referenza għat-Tweġiba li jien tajt għal din il-Mistoqsija fis-Seduta Nru. 242 tal-15 ta` Frar, 2000, ninsab infurmat li : - (a) ma nħareġ l-ebda permess għal tlett sulari `l fuq mit-triq, imma għal tlett livelli, 2 `l fuq u wieħed `l isfel mit-triq kif permess mill-ischemes u l-policy DC 1/88. Dan il-permess inħareġ wara tibdil estensiv fil-pjanti sottomessi li oriġinarjament ma kienux jaqblu mal-policies, u għaldaqstant kien se jkun rakkomandat biex jiġi rifjutat. Wara t-tibdil, il-proposta saret konformi mar-regoli. (b) ma jirriżultax li dik il-parti msemmija mill-Onorevoli Interpellant hija llegali jew inħarġilha xi ordni biex titwaqqa`. Il-multa u l-ordni tat-twaqqiegħ kien inħareġ kontra it-twaqqiegħ ta` boundary wall, bini ta` ieħor ġdid, u twaħħil ta` tabella mingħajr il-permessi meħtieġa. Irid jingħad li l-imsemmija parti trid tiġi mneħħija mis-sid skond il-permess maħruġ P.A. 2272/97. Għaldaqstant l-Awtorita` qegħda tieħu ħsieb li l-bini isir skond il-permessi u pjanti approvati. (c) il-bungalow diġa` kien liċenzjat bħala parti mill-kumpless tal-guest house. Dan il-kumpless fil-fatt ma kellux post ta` parkeġġ u għaldaqstant kien gwadann li l-basement ġie riservat għal dan il-għan. Il-maġġorparti ta` dawk li ser jużaw dan ir-restaurant ser ikunu r-residenti ta` dan il-kumpless, b`40 kamra tas-sodda, li jirrikjedu spazju ta` parkeġġ għal 20 karozza. Fil-fatt ġew provduti 24 spazju ta` ir-regoli tas-Sanita`, livell taħt it-triq jista` jintuża għal skop ta` abitazzjoni sakemm ikun hemm dawl u ventilazzjoni adegwata. (Kapitlu 10 - Code of Police Laws. Sez. 97 & 106)
Leg 9 PQ #14753 Sitting 263 2000-03-14 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Telemalta — Transfer ta' telephone

Question

Jista' l-Ministru ġentilment iwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 14324 li għamiltlu fit-23 ta' Frar, 2000 dwar transfer ta' telephone f'Ħaż-Żabbar?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li fil-fatt it-trasferiment tat-telefon sar.
Leg 9 PQ #14749 Sitting 262 2000-03-14 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Ċittadinanza

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna barranija li ilha miżżewġa Maltija għal tliet snin u li jgħix mal-familja tiegħu f'Malta għandux dritt, jew hux se jkollu ċ-ċans, għal ċittadinanza Maltija? F'dan il-każ se jkun jista' jżomm dik barranija?

Response (BORG, TONIO)

Skond l-aħħar emendi għall-liġi taċ-ċittadinanza li ġew fis-seħħ fl-10 ta` Frar 2000, persuna barranija miżżewġa ċittadin ta` Malta tista` tapplika sabiex tiġi reġistrata bħala ċittadin ta` Malta wara ħames snin ta` żwieġ u sakemm il-koppja jkunu għadhom jgħixu flimkien meta ssir l-applikazzjoni. Meta takkwista ċ-ċittadinanza Maltija din il-persuna tkun tista` żżommha ċ-ċittadinanza barranija li jkollha.
Leg 9 PQ #14750 Sitting 262 2000-03-14 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Sajd — Fishing trawlers

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar, 1998 sal- 5 ta' Marzu, 2000 kemm saru searches mill-AFM fuq fishing trawlers li joħorġu u jsorġu f'Xatt ir-Risq? Kemm-il search saret? Fuq liema lanċa saret, meta saret u x'ħin saret? F'kull każ kemm kienet 'il barra l-lanċa meta ntalbet biex terġa' tidħol 'il ġewwa? X'instab f'kull każ? X'passi jieħu, jista' jieħu jew beħsiebu jieħu d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u Sajd biex filwaqt li l-AFM taċċerta li ma jsirx abbuż illegali minn fishing trawlers fl-istess ħin ma jispiċċawx jagħmlu harassment mill-istess trawler li f'kull tfittxija suspettata qed tispiċċa fin-negattiv?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru nkonċernat.
Leg 9 PQ #14751 Sitting 262 2000-03-14 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Surgical Department

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' dawk l-SHOs fil-qasam tas-surgical department li, minkejja li ġabu l-FRCS waqt li baqgħu jaqdu dmirhom St Lukes, s'issa għadhom jagħmlu xogħol ta' SHOs? Meta hemm min ilu SHO għal aktar minn sitt snin x'ċans hemm li dawn isiru registrars? X'vacancies hemm? Hemm registrars barranin li jistgħu jiġu sostitwiti b'registrars Maltin li għandhom l-FRCS, li huma kwalifikati u għandhom l-esperjenza? Għaliex hemm diversi tobba li ilhom snin jagħmluha ta' acting SMOs jew acting senior registrars u għadhom ma ngħatawx il-post formalment? Xi tfisser eżatt it-terminoloġija permanent SMOs? Hemm ħsieb li fil-futur tiġi riattivata ir-registration level fil-qasam tal-kirurġija?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-dewmien fil-mili ta` postijiet fil-gradi mediċi minn Registrars 'l fuq kien dovut għall-fatt li kien hemm diskussjonijiet għaddejjin bejn id-Diviżjoni tas-Saħħa u l-Medical Association of Malta (MAM) dwar il-kwalifiki rikjesti għall-mili tal-postijiet msemmija hawn fuq. Ninsab infurmat li issa li ntlaħaq ftehim li jonqsu r-ratifika tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru huwa mistenni li fil-futur qarib joħorġu s-sejħiet għall-applikazzjonijiet għall-mili ta` dawn il-postijiet. In-numru ta` postijiet appruvati ta` Registrars/Senior House Officers fid-Dipartiment tal-Kirurġija huwa 20 filwaqt li fil-post hemm seba` Registrars u disa` Senior House Officers. L-ispeċjalisti barranin huma fil-grad ta` Senior Registrar u mhux ta` registrar u għalhekk ma jistgħux jiġu sostitwiti b'Registrars Maltin. Wara li joħorġu s-sejħiet għall-mili ta` postijiet ta` Senior Registrars u jiġu maħtura Senior Registrars Maltin dan jista` jseħħ. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiċċara l-aħħar żewġ partijiet tal-Mistoqsija.

Żabbar — Sqaq il-Bursett - Tiswija

Question

Jista' d-Dipartiment tat-Toroq jieħu passi kemm jista' jkun malajr, biex ta' lanqas tiġi mwittija, Sqaq il-Bursett, Żabbar li minkejja li hu kollu abitat, għadu fi stat ħażin ħafna u baqa' qatt ma sar? Possibbli li ta' lanqas dan jiġi mwitti ftit għaliex minħabba li l-isqaq hu żgħir, l-ispiża nvoluta mhijiex tant kbira u jkun qed jonqos bil-kbir l-inkonvenjent tar-residenti li wħud minnhom għandhom tfal żgħar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jiġi spezzjonat il-post, u jekk jista` jkun jitwettaq ix-xogħol issuġġerit mill-Onor. Interpellant.