Legislature:
Category:
Reset
Active:

Trasport Pubbliku — Wied il-Għajn

Question

Possibbli l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku tassigra li ma jitneħħix jew ma jitnaqqasx is-servizz tal-karozzi tal-linja li jgħaddu mill-inħawi tal-Jerma Palace Hotel għal Triq il-Gardiel, Wied il-Għajn, għaliex dan hu servizz ferm utli għan-nies li joqogħdu lejn in-naħa ta' Triq il-Qaliet, u Triq il-Magħluq, Wied il-Għajn? Billi hemm min qed jgħid li dan is-servizz jista' jitneħħa, possibbli l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku tikkonsidra l-fatt li dan is-servizz hu ferm utli għax kieku ma kienx għal dan is-servizz li kien inbeda taħt il-kunsill preċedenti ħafna nies ikollhom mixja ta' madwar 20 minuta biex jimxu sal-bus stop? Saritilha xi talba l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku biex dan is-servizz jitnaqqas jew jitneħħa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku ġiet mitluba biex issir laqgħa ma` l-Kunsill Lokali ta` Marsascala biex jiġu diskussi rotot ġodda. Fil-fatt din il-laqgħa saret il-Ġimgħa, 9 ta` Ġunju 2000.
Leg 9 PQ #16667 Sitting 310 2000-06-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Impjegati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12149, jista' l-Ministru jgħid min kienu dawn l-impjegati, u jekk illum għadhomx bil-grad aktar baxx li kienu ngħataw?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ma narax ghaliex ghandi nsemmi l-ismijiet tal-persuni kkoncernati.
Leg 9 PQ #16668 Sitting 310 2000-06-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Impjegati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12149, jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw ħaddiema għal vakanza tal-Korporazzjoni Enemalta, ċirkolari 24/98, Post of Works Overseer, tas-7 ta' Mejju, 1998? Kif saret l-għażla għal post, fuq liema kriterji, meta ġew appuntati, u x'kariga ingħataw?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninforma lill-Onrevoli Interpellant li l-mistoqsija numru 12149 ma tikkoncernax mili ta` vakanza fil-Korporazzjoni Enemalta izda `downgrading` ta` haddiema.

Birkirkara — Triq Psaila

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġitx is-sejħa għall-offerti għar-ristrutturazzjoni ta' Triq Psaila, Birkirkara/Triq il-Ferrovija, Santa Venera? Jekk fl-affermattiv, meta ħarġet, għalqitx u f'hiex waslet? Meta allura hu maħsub li jibda x-xogħol f'din it-triq u x'se jkun il-programm li se jitwettaq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s-sejħa għall-offerti ħarġet fil-15 ta` Ottubru 1999 u għalqet fil-11 ta`Novembru 1999. Id-Dipartiment tal-Kuntratti ta` t-tender għal dan ix-xogħol fit-2 ta` Ġunju 2000. Ix-xogħol ikun jista` jinbeda malli l-kuntrattur jissottometti l-garanziji skond il-kundizzjonijiet tal-`letter of acceptance`.

Toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' toroq li għamel id-Dipartiment tat-Toroq matul is-sena li għaddiet u fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena, fid-diversi lokalitajiet f'Malta u f'Għawdex, it-tul ta' kull triq li saret u kemm swiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għad-domanda parlamentari Nru. 13580.

Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema toroq lokali u mhumiex li d-Dipartiment tat-Toroq beħsiebu jagħmel matul din is-sena? Fejn qegħdin dawn it-toroq u kemm hu maħsub li se jqumu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi tabella ta` toroq li bħalissa d-Dipartiment qed jaħdem fuqhom biex ikunu jistgħu jinbdew din is-sena. F`numru minn dawn it-toroq għad iridu jiġu ppreparati t-`tender documents` neċessarji u mhux bilfors li jinbeda x-xogħol fuqhom fiżikament. Minbarra hekk hemm numru ta` toroq oħra, f`diversi lokalitajiet li għad jistgħu jiżdiedu ma din il-lista.

Toroq — Ftehim mal-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tat-Toroq għandux xi forma ta' ftehim ma' kunsilli lokali għall-bini ta' toroq ġodda lokali jew għal resurfacing ta' toroq lokali? Jekk fl-affermattiv, ma' liema kunsilli lokali sar dan il-ftehim u jekk hemmx il-ħsieb li jsiru oħrajn ma' kunsilli lokali oħra? Jekk fl-affermattiv, ma' liema kunsilli lokali u x'se jkunu x-xogħlijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment għad m`għandux ftehiem mal-Kunsill Lokali għall-bini ta` toroq ġodda jew `resurfacing` f`toroq lokali. Ma dan kollu hemm interess minn naħa tal-Kunsill tal-Gudja biex isir xi tip ta` ftehiem bħal dan, u d-Dipartiment qed jikkonsidra x`jista` jsir. Dan il-Kunsill Lokali kien l-uniku wieħed li ressaq proposta finali dwar dan.
Leg 9 PQ #16494 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Animal Welfare Committee

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jerġa' jitwaqqaf l-Animal Welfare Committee? Jekk iva, meta hemm il-ħsieb li jitwaqqaf meta f'Malta għad hawn rata ta' krudelta' ta' l-annimali? Jaħsibx il-Prim Ministru li dan l-Animal Welfare committee jista' jkollu funzjoni ferm importanti?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li f'Gunju 1998 kien twaqqaf l-Animal Welfare Steering Sub-Committee taħt in-National Country Parks Committee tal-Building Industry Consultative Council [BICC]. Il-BICC jaqa' taħt ir-responsabilta' tal-Ministeru ta' l-Ambjent u peress li nħass li l-funzjonijiet ta' dan il-Kunsill m'għandhomx konnessjoni mal-ħarsien ta' l-annimali, ġie deciż li l-Animal Welfare Steering Sub-Committee jigi xolt. Pero' nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tressaq għall-Ewwel Qari l-abbozz ta' liġi dwar it-Trattament Xieraq ta' l-Annimali li sejjer jipprovdi għat-twaqqif ta' l-Animal Affairs Council li jkollu l-poteri neċessarji biex jiġu protetti l-annimali kollha. Mill-provvedimenti ta' l-Abbozz imsemmi, jidher ċar li dan il-Kunsill sejjer ikun ferm aktar effettiv mill-Animal Welfare Steering Sub-Committee.
Leg 9 PQ #16495 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kurrikulu Minimu Nazzjonali — Referenzi - annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-Kurrikulu Minimu Nazzjonali hemmx referenza biex it-tfal, anki dawk f'eta żgħira, jitgħallmu jħobbu l-annimali u biex kemm jista' jkun inrawmu soċjeta' futura kontra l-krudelta' ta' l-annimali?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi għall-Kapitlu 'L-Għanijiet Ġenerali' fil-Kurrikulu Minimu Nazzjonali għat-tfal ta' bejn it-3 snin u s-16-il sena. F'paġni 47-48 taħt Għan Nru. 1, Għarfien Personali u bini ta' Sistema ta' Valuri Etiċi u Morali, fis-sezzjoni Għerf/Tagħrif, insibu dan li ġej: "Permezz ta' l-esperjenza kurrikulari f'dan il-qasam, l-istudenti jiżviluppaw l-għerf/tagħrif dwar: id-drittijiet u dmirijiet tagħhom lejn il-ħallieq (għal min jemmen), lejn għajrhom, lejhom infushom, lejn il-komunita`, lejn pajjiżhom, lejn l-ambjent naturali u lejn l-annimali". Ma' l-Għerf/Tagħrif insibu wkoll il-Ħiliet u l-Attitudnijiet, paġna 48, li jikkumplimentaw lil xulxin b'mod ħolistiku.
Leg 9 PQ #16496 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ġlied tal-klieb

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu nies mill-Pulizija mill-1990 sal-lum talli inqabdu iġelldu l-klieb? Meta tressqu l-qorti? Kemm-il raid għamlet il-pulizija kmieni filgħodu fl-inħawi tal-Ħandaq fuq allegat ġlied tal-klieb f'dawn l-aħħar 10 snin, jiġifieri mill-1990 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #16497 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Attivitajiet dwar l-annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta'l-Edukazzjoni jinkoraġġixxix l-iskejjel ta' l-Istat biex jorganizzaw attivitajiet fl-iskejjel bħal 'Pet Weeks' fejn l-istudenti jiġu inkoraġġiti biex iħobbu dejjem aktar l-annimali, jgħarfu li anki l-annimali għandhom id-drittijiet tagħhom u jrawmu kultura fost it-tfal li tistmerr il-krudelta' ta' l-amnnimali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel jorganizzaw kull attivita` li huma jħossu addattata biex it-tagħlim ikun iżjed interessanti u relevanti għall-eta` tat-tfal. L-attivita` msemmija tista' tkun waħda mill-ħafna attivitajiet li jiġu organizzati biex iwasslu valuri ta' ħniena u mħabba lejn l-ambjent ta' madwarna.
Leg 9 PQ #16498 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Għases tal-Pulizija — Ħwat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ħwat ta' ħdejn l-għases tal-Pulizija li oriġinarjament kienu jinżammu mimlija bl-ilma għal stray dogs u stray cats ħafna minnhom illum jinsabu vojta u maħmuġa? Jaħsibx il-Ministru li meta bħalissa hawn awareness kontra l-moħqrija ta' l-annimali, il-fatt li l-pulizija jieħdu ħsieb iżommu dawn il-ħwat mimlija bl-ilma, speċjalment issa li ġejjin ix-xhur sħan tas-sajf, ikunu qed juru eżempju? Meta l-gvern se jemenda l-liġijiet biex jagħmel pieni aktar ħorox kontra l-moħqrija ta'l-annimali, jaħsibx li inizjattiva bħal din tagħmel ħafna sens?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7988, ninsab infurmat illi fejn hemm dawn il-ħwat, dawn għadhom jinżammu fi stat tajjeb.
Leg 9 PQ #16499 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Marsascala — Local Plan

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkun lest il-Local Plan li jkopri Marsascala? X'inhi r-raġuni li fi Triq Santa Marija, Wied il-Għajn hemm blokok ta' bini residenzjali li ġew maqtugħa bil-linja tal-Limit of Development u b'hekk appoġġi u btieħi ta' wara ġew esposti fuq in-naħa ta' Rural Conservation Areas? Jagħmel sens li dawn il-blokok ta' bini ma jitkomplewx jinbnew, jiġifieri jibqgħu miftuħin, sakemm il-Local Plan ta' Marsascala jitlesta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-linji tal-Limit of Development ġew stabbiliti fl-1988 u adottati fil-Pjan ta` Struttura. Il-Pjan Lokali għan-Nofsinhar ta` Malta eventwalment jindirizza f`aktar dettal il-lokalita` li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant. Huwa stmat li l-Pjan Lokali għan-Nofsinhar ta` Malta ikun lest is-sena d-dieħla.
Leg 9 PQ #16303 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Health Promotion Department

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-health promotion department għadux jagħmel parti mid-diviżjoni tas-saħħa? Jekk le, minn meta u għal-liema raġuni? Nurse li għandu l-BSc Nursing Hons. u li jaħdem bħala health promotion officer mal-Health Promotion Unit, għaliex mhux qed jitħalla jagħmel overtime bħala aneasthetic nurse fl-operating theatre ta' l-iSptar San Luqa, meta hemm daqshekk nuqqas ta' nurses speċjalment anaesthetic nurses? Il-Ministru jaħseb li jekk is-sitwazzjoni preżenti hi kif indikajt fit-tielet parti tal-mistoqsija din is-sitwazzjoni għandha tinbidel għax ma jistax ikun li dan il-pajjiż ma jagħmilx l-akbar użu possibbli mir-riżorsi li għandu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Dipartiment għal-Promozzjoni tas-Saħħa għadu jagħmel parti mid-Divizjoni tas-Saħħa. In-nurse li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant kien jaħdem bħala nurse fl-Operating Theatre sal-15ta` Mejju 2000 meta ġie trasferit għall-Health Promotion Departiment bħala Trainee Health Promotion Officer. In-Nursing Manager ta` l-Isptar San Luqa ftiehem miegħu li meta jkollu bżonn ta` fl-Operating Theatre issejaħlu biex jidħol overtime fit-theatres. Hekk ġara sat-13 ta` Mejju 2000. Meta ġie biex jitħallas għall-overtime li ħadem, inqalgħet problema teknika minn naħa tas-salarji tad-dipartiment tas-saħħa. L-individwu ġie nfurmat b`din il-problema u li dan jista` jaħdem bħala part time wara li jkollu permess mid-direttur tiegħu.
Leg 9 PQ #16304 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk l-impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta li qegħdin fil-grad ta': (a) executive officer; u (b) senior supervisor? Jista' l-Ministru jgħid, għal kull individwu, meta dan/din laħaq jew laħqet u x'mezz intuża mill-korporazzjoni għall-upgrading/promozzjoni tagħhom? Jista' l-Ministru ġentilment jinnota li jekk iħoss li hu aktar prudenti, jista' jgħaddieli l-informazzjoni mitluba b'mod konfidenzjali?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ma narax raguni ghaliex ghandi nippubblika l-ismijiet ta` dawk l-impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta li fil-prezent ghandhom il-grad ta` `Executive Officer jew Senior Supervisor`. Hemm sitta u sittin haddiem fil-grad ta` Executive Officer u tnejn fil-grad ta` `Senior Supervisor`. L-Executive Officers bdew jahdmu f`dan il-grad kif gej: 47 b`effett mill-1 ta` Frar 1994 3 b`effett mis-16 ta` Novembru 1994 14 b`effett mit-2 ta` Jannar 1996 2 b`effett mill-1 ta` Ottubru 1996. Il-hatra ta` hamsin minn dawn l-Executive Officers saret wara sejha ghall-applikazzjonijiet li kienet saret skond Cirkulari numru 63 ta` l-1993. Il-hatra tas-sittax l-ohra saret b`rizultat tar-riklassifikazzjoni tal-grad ta` `Data Entry Operator`. Iz-zewg Senior Supervisors bdew jahdmu f`dan il-grad b`sehh mid-29 ta` Settembru, 1994. Il-hatra ta` dawn is-Senior Supervisors saret wara tmien snin servizz fil-grad ta` Supervisor (fuel) skond l-Ezercizzju ta` Riforma tas-Servizz Pubbliku li kien gie adottat ukoll mill-Korporazzjoni Enemalta.
Leg 9 PQ #16305 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Inċidenti fatali

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jagħti l-lista ta' persuni li tilfu ħajjithom f'inċident fatali mill-1 ta' Jannar, 1999 sat-18 ta' Mejju, 2000?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta` Jannar 1999 u t-18 ta` Mejju 2000, il-Pulizija kellha 46 rapport ta` inċidenti fatali li 19 minnhom kienu kawża ta` inċidenti tat-traffiku. Ma nħossx li hu prudenti li jiġu magħmula pubbliċi l-ismijiet tal-persuni nvoluti.

Sigurta' Soċjali — Care workers

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk sarx xi short listing tal-kandidati li applikaw għal post ta' care workers, madwar erba' xhur ilu? Fiex wasal il-proċess ta' l-għażla? Hemm il-ħsieb li eventwalment jiġu mpjegati dawn il-care workers?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta' l-għażla tal-kandidati li applikaw għall-post ta' 'care workers' għadu għaddej. M'hemmx dubju li l-'care workers' jiġu mpjegati meta l-proġess ikun tlesta.
Leg 9 PQ #16308 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Impressed driver

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-Enemalta hemm impressed driver bit-truck li jaħdem kuljum - sajf u xitwa mis-7.30 a.m. sal-4.00 p.m. bla m'għandu nofs ta' nhari tas-sajf? Billi dan l-individwu ilu madwar ħames snin jaħdem hekk u billi sa ftit żmien ilu kien hemm impressed driver ieħor li kien jaħdem dejjem mis-6.30 a.m. sas-2.30 p.m., filwaqt li dan l-individwu kien jaħdem mis-7.30 a.m. sa l-4.00 p.m., jista' l-Ministru ġentilment jara li ma tibqax issir din l-inġustizzja ma' dan il-ħaddiem?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li mhux qed issir xi ingustizzja max-xufier `impressed` li ghalih qed issir riferenza. Il-hinijiet tax-xoghol tieghu, kemm matul ix-xitwa kif ukoll matul is-sajf, huma bejn is-sebgha u nofs ta` filghodu u n-nofs siegha. Dan jammonta ghal gimgha ta` erbghin siegha. Fil-post fejn jahdem dan ix-xufier ma hemmx nofs ta` nhari matul is-Sajf. Barra minn hekk, tajjeb jinghad li biex haddiem ikun jista` jahdem nofs ta` nhari matul is-Sajf irid ikun hadem sieghat aktar matul ix-Xitwa, haga li dan ix-xufier ma jaghmilx. Dwar ix-xufier `impressed` l-iehor li kien jahdem bejn is-sitta u nofs ta` filghodu u s-saghtejn u nofs ta` wara nofsinhar, jiena nfurmat li s-servizzi tieghu ma baqghux aktar mehtiega wara li l-imhazen tal-Korporazzjoni gew trasferiti qrib il-Power Station tal-Marsa. Ghaldaqstant ix-xufier `impressed` li ghalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant ma jistax imur jahdem f`post fejn mhemmx xoghol ghalih.

Kappara — Traffic lights

Question

B'riferenza għar-roundabout li hemm il-Kappara, u li biswiet din ir-roundabout hemm Sliema Road, Gżira (fejn qabel kien magħruf bħala "ħdejn it-tank tal-gass") jista' l-Ministru jgħid jekk sarx studju qabel twaħħlu dawn it-traffic lights? Waslulu lmenti lit-Traffic Control Board kemm ilhom li twaħħlu dawn il-lights li sar ikun hemm aktar traffic jam u konfużjoni fl-inħawi? Possibbli t-Traffic Control Board jerġa' jistudja s-sitwazzjoni preżenti u jara jistax jissuġġerixxi soluzzjonijiet differenti biex ma jibqax ikun hemm id-diżordni li qed ikun hemm ma' din ir-roundabout?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-`traffic lights' tal-Kappara twaħħlu wara li ġew ikkunsidrati diversi alternattivi għall-immaniġjar tat-traffiku f'din il-'junction'. Għall-bidu li twaħħlu il-'lights' kien hemm diversi rejazzjonijiet kemm posittivi u mhux tant posittivi peress li bihom it-traffiku kellu jsegwi ċerta ordni. Id-Dipartiment tat-Toroq u t-'Traffic Control Board' bi ħsiebhom jibdew programm ta' 'monitoring' tal-'junctions' kollha, li s'issa għadu qatt ma sar bħalu, sabiex fejn il-'junction controllers' ikollhom bżonn 'adjustments' minħabba tibdil fil-volum tat-'traffic flows' dan l-'adjustment' ikun jista' jsir skond il-bżonn. Il-Bord għall-Kontrol tat-Traffiku ma kellu ebda lment dwar dawn il-'lights'.

G'Mangia — St. Luke's Road - Trinka

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid x'inhi r-raġuni li trinka li tħaffret f'St.Luke's Road, G'Mangia, ftit 'il fuq mill-PBS u faċċata ta' l-istabbiliment ta' FINO, għadha s'issa mhux irranġata sew, minkejja li għaddew xhur? Billi f'din it-triq jgħaddi ammont kbir ta' traffiku, fost oħrajn ambulanzi u vetturi oħra lejn u minn St.Luke's Hospital, jaħsibx il-Ministru li din il-parti imħarbta għandha tiġi rranġata u tingħata prijorita'? Billi faċċata ta' dan il-gandott qed isir xogħol ta' kostruzzjoni u allura hemm biċċa mit-triq magħluqa u allura t-triq saret aktar dejqa fejn hemm dan il-gandott, jaħseb il-Ministru u d-Dipartiment tat-Toroq, li meta wieħed iqis l-importanza ta' din it-triq, għandu jsir kull sforz biex din it-triq tkun fi stat tajjeb u ma tikkawża ebda periklu għall-ambulanzi u traffiku li jagħmlu użu minnha lejl u nhar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol indikat tlesta.