Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #21121 Sitting 428 2000-11-17 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Birżebbuga - Dar ta' l-Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex issir dar ta' l-anzjani fl-inħawi ta' B'Buġia eżattament bejn Triq il-Freeport u Triq tal-Papa (B'Buġia)?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar m`għandhiex applikazzjonijiet pendenti fis-sit u għat-tip ta` żvilupp li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant.

Birzebbuga — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid jekk kienx hemm jew hemmx il-ħsieb li ssir Dar ta' l-Anzjani f'sit li jinsab bejn Triq il-Freeport u Triq tal-Papa, B'Buġia? Jekk le, hemm il-ħsieb li ssir x'imkien ieħor f'B'Buġia? Jekk iva, fejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li s'issa m'hemm l-ebda ħsieb li l-Gvern jibni Dar ta' l-Anzjani f'Birżebbuġa.

Mistoqsijiet Parlamentari

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru mistoqsijiet parlamentari s'issa f'din il-legislatura)? Kemm minn dawn saru minn Membri tal-Gvern? Kemm-il-dokument tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'din il-leġislatura?

Response (GONZI, LAWRENCE)

PQ 21123 Matul din il-leġislatura, sal-lum (14.11.00) saru 21,246 mistoqsija parlamentari għal tweġiba orali u 210 mistoqsija parlamentari għal tweġiba bil-miktub. Minn dawn saru 2,745 minn Membri tal-Gvern. Sallum, f'din il-leġislatura tqiegħdu 2,865 dokument fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #21124 Sitting 428 2000-11-17 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Reinstatement

Question

Kemm ilhom li saru r-reinstatement fil-Korp tal-Pulizija? Kemm hemm pulizija li applikaw għar-reinstatement? Hemm il-ħsieb li ex-pulizija li għadhom taħt l-45 sena u li għandhom sengħa u li kienu fit-trades division mal-Korp tal-Pulizija jerġgħu jiġu reinstated?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-aħħar reinstatements fil-Korp tal-Pulizija kienu saru fl-1998, filwaqt li bħalissa hemm 61 persuna li għamlu talba sabiex jerġgħu jidħlu lura fil-Korp. Ir-reinstatements isiru meta jinħass il-bżonn li jiddaħħlu lura nies li jitqiesu bħala 'asset' għal Korp tal-Pulizija.
Leg 9 PQ #20995 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-parti tal-mistoqsija parlamentati tiegħi nru 20821, jiġifieri l-partijiet tal-mistoqsija li tikkonċerna l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat illi ħarġu żewġ sejħiet għall-applikazzjonijiet, waħda għal “Staff Nurses” u l-oħra għal “Enrolled Nurses” fit-2 ta’ Mejju 2000 u fil-25 ta’ Lulju 2000 rispettivament, b’dati ta’ għeluq fis-26 ta’ Mejju 2000 u t-18 t’Awissu 2000 rispettivament. Il-proċess ta’ l-għażla għadu għaddej.
Leg 9 PQ #20996 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Enemalta tara għalfejn l-istreet lighting li ilu xahrejn f'Zonqor Street, Wied il-Għajn(bejn il-bandli u l-Pitch tal-Waterpolo) għadu mitfi sal-lum? Possibbli dan id-dawl jinxtegħel fl-aqsar żmien possibbli?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li x-xogħol imsemmi mhuwiex qed isir mill-Korporazzjoni Enemalta. Meta l-Korporazzjoni tirċievi applikazzjoni biex dan ix-xogħol jitqabbad mas-sistema ta' l-elettriku, l-istreet lighting imsemmi jkun jista' jinxtegħel.

Wied il-Għajn — Triq il-Kavallieri ta' Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi rranġata Triq il-Kavallieri ta' Malta, Wied il-Għajn għax minkejja li hi ferm abitata għadha ft stat ħażin ħafna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li għad hemm ħafna żvilupp xi jsir fit-triq u għalhekk ix-xogħol jitwettaq skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment, wara li jkun sar l-iżvilupp u jitqiegħdu s-servizzi kollha.
Leg 9 PQ #21100 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Ambjent

Manoel Island — Shelters

Question

Jista' l-Ministru jara jekk hux possibbli jittieħdu passi biex jingħalqu (jew jiġi rimedjat il-periklu) minħabba żewġ shelters fil-bidu tal-foss ta' Manoel Island minħabba li dawn is-shelters huma fondi xi tlett sulari u hemm riskju li jekk jipprova jidħol xi ħadd jaqa' għal isfel?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-perikli li semma' l-Onorevoli Interpellant fil-mistoqsija tiegħu ser jitneħħew fl-iqsar żmien possibbli.
Leg 9 PQ #20943 Sitting 419 2000-11-07 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Ħal Far - Impjant tat-Tarmac

Question

Jista l-Ministru jgħid jekk waslulhiex xi lmeni l-Awtorita ta' l-Ipjannar dwar impjant tat-tarmac li qed jopera f'nofs l-Industrial Estate ta' Ħal Far? (d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament). Jekk iva, saru spezzjonijiet? Dan l-impjant għandu l-permessi meħtieġa mill-Awtorita ta' l-Ipjannar? Jekk iva, jirriżultalha l-Awtorita ta' l-Ipjannar jekk dan ġiex mibni u hux qed jopera skond il-kundizzjonijiet imposti mill-Awtorita ta' l-Ipjannar? Għandha konoxxenza l-Awtorita ta' l-Ipjannar dwar l-ilmenti li qed isiru minn ħaddiema f'dan l-Industrial Estate dwar fumes tossiċi li ħerġin minn dan l-impjant?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar qatt irċeviet ilmenti dwar impjant tat-tarmac li qed jopera f`nofs l-Industrial Estate ta` Ħal Far. Lanqas ma jirriżulta li hemm xi permessi maħruġa għall-impjant imsemmi. Teżisti iżda, applikazzjoni bir-referenza PA 6000/97 li għadha pendenti. Ta` min jgħid ukoll li kien inħareġ Avviż ta` Twettieq ECF 21/98 kontra dan l-impjant. Fuq dan l-Avviż ġew sottomessi żewġ appelli (369/98E u 74/98E), liema appelli għadhom it-tnejn pendenti. Il-prattika normali hija li ma titteħidx deċiżjoni jew azzjoni fuq appell jew Avviż ta` Twettieq qabel ma jkun hemm eżitu fuq l-applikazzjoni għal permess ta` żvilupp. L-Awtorita` ta` l-Ippjanar tinsab konxja mill-impatt li dan l-iżvilupp jista` jkollu fuq l-ambjent tant li f`Diċembru 1998 kienet talbet lill-applikant sabiex jissottometti EIA bħala parti mill-evaluazzjoni ta` l-applikazzjoni msemmija hawn fuq. F`Ottubru ta` din is-sena l-applikant issottometta l-lista ta` konsulenti għall-approvazzjoni ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar u d-Dipartiment għal Protezzjoni ta` l-Ambjent. L-applikant għadu sal-lum ma ssottmettiex l-EIA, u għaldaqstant il-proċess ta` l-applikazzjoni ma jistax jipproċedi.
Leg 9 PQ #20944 Sitting 419 2000-11-07 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Ambjent

Fumes Tossiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Antipollution Unit fi ħdan il-Ministeru ta' l-Ambjent waslulhiex ilmenti dwar impjant tat-tarmac li qed jopera f'nofs l-industrial estate ta' Ħal-Far? (id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament). Jekk iva, x'passi ttieħdu, xi spezzjonijiet saru, meta saru u jekk irriżultax li dan għandu antipollution filter kif suppost? Billi diversi ħaddiema f'dan l-Estate qed jilmentaw minn fumes tossiċi minn dan l-impjant, jirriżulta jekk dan l-impjant tat-tarmac hux qed jopera kif suppost?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ewwel ilment wasal fit-12 ta' Marzu 1999. Saret site inspection dak in-nhar stess. Instab li Penza Construction kellhom problema bil-bag filters. Instab ukoll li d-ditta msemmija kienet qabdet konsulent biex itiha parir kif issolvi l-problema. Inbidlu l-filters u s-sitwazzjoni rritornat għan-normal. Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent irċieva lment ieħor fit-23 ta' Ottubru 2000. Saret spezzjoni oħra u rriżulta li reġa' kien hemm problema bil-bag filters. Din id-darba ġew infurmati l-Pulizija u d-Dipartiment tas-Saħħa biex dawn jaraw jistgħux jieħdu passi skond il-liġi.
Leg 9 PQ #20901 Sitting 418 2000-11-07 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Arblu tad-Dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli l-Enemalta fl-aħħar tieħu passi biex tbiddel arblu tad-dawl imsaddad u mgħawweġ li hemm fi Triq il-Gardell, Wied il-Għajn ħdejn ir-residenza nru. 32 (eżatt ħdejn remissa) għaliex minkejja li twaħħal arblu ġdid madwar sena ilu, dak l-antik li dalwaqt jaqa' baqa' ma nqalax minkejja diversi talbiet mir-residenti ? Possibli l-Enemalta tieħu passi immedjati qabel dan jaqa' fuq xi ħadd?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Korporazzjoni Enemalta ġiet infurmata biex tieħu l-azzjoni meħtieġa.
Leg 9 PQ #20902 Sitting 418 2000-11-07 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ċertifikati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli l-pulizija tikkunsidra li tagħmel formoli taċ-ċertifikat tal-kondotta għas-sess feminili billi ġew f'idejja kondotta tal-Pulizija maħruġa għal persuni ta' sess femminili li jaqraw hekk: 'Jiena niddikjara illi, skond l-Ordinanza dwar iċ-Ċertifikati tal-Kondotta.........Nru tal-Karta tal-Identita'......bin.......imwieled fi..........f'...............u joqgħod...................huwa persuna ta' kondotta tajba' Possibli jiġi innutat li anki t-text bl-Ingliż huwa fuq il-maskulin.

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li s-suġġeriment tal-Onor. Interpellant se jiġi kkunsidrat, jiena nfurmat illi ċ-ċertifikati tal-kondotti huma maħruġa skond l-iskedi taħt il-Kapitolu 77 tal-Liġijiet ta` Malta.
Leg 9 PQ #20821 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Diploma ta' Nursing — Appointment

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li min għandu diploma fin-nursing tan-95 għadhom bla appointment? Kemm hemm groups ta' nurses kwalifikati li għadhom bla appointment? Meta laħqu kull group? Meta hu mistenni li jingħataw l-appointment kull group? Il-fatt li għadhom bla appointment kif qed u se tafettwalhom il-paga u l-increments?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li m'hemmx infermiera li ħadu Diploma fin-Nursing fl-1995 u għadhom bla appointment. In-numru ta' nfermiera kwalifikati li għadhom bla appointment huwa 154 (60 Enrolled Nurses u 94 Staff Nurses) u dawn laħqu kif jidher hawn taħt: Enrolled Nurses Numru Meta Kwalifikaw 6 Ottubru 1999 54 Ġunju 2000 60 Staff Nurses Numru Meta Kwalifikaw 50 Ġunju 1999 7 Novembru 1999 37 Ġunju 2000 94 Billi s-sejħiet għall-applikazzjonijiet għall-mili ta' postijiet ta' Enrolled Nurses u Staff Nurses qed jiġu pproċessati mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Il-fatt li għadhom bla appointment ma taffettwalhomx il-paga. Iżda l-increments jibdew sena wara d-data ta' l-appointment.
Leg 9 PQ #20837 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Trasport

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fadal ilmenti pendenti dwar transport ta' l-iskejjel? Jinżamm rekord dwar dan? Liema sezzjoni hi nkarigata minn ilmenti dwar transport? Din is-sessjoni għandha customer service? Jekk iva, x'ħinijiet jaħdmu? Fejn hi stazzjonata din is-sezzjoni? Minn min hi komposta u x'inhuwa l-grad tagħhom? X'channels iridu jużaw min ikollu lment dwar transport ta' l-iskejjel? X'inhi l-ispiża għat-trasport ta' l-iskejjel fis-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma hemmx ilmenti pendenti pero' f'dan it-tip ta' xogħol l-uffiċċjal responsabbli ikun qed isegwi l-andament tat-trasport fuq każi ta' kuljum. Rekords ta' l-ilmenti jinżammu ta' kuljum mill-bidu tas-sena skolastika. L-uffiċjal inkarigat mit-trasport u l-uffiċju tiegħu jilqgħu l-ilmenti waqt il-ħinijiet ta' l-uffiċju. Dan l-uffiċju jinsab fil-bini tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fil-Furjana u hu kompost mis-Sur Mario Abela (Enforcement Officer I) uffiċjal inkarigat mit-trasport ta' tfal, u mis-sinjorina Cecilia Pace (General Hand) li tagħmel xogħol klerikali. Kull min ikollu xi lment għandu jċempel fuq in-numru 225124. L-ispiża biex jitwasslu mat-tlieta u għoxrin elf student/a kuljum taqbeż il-miljun lira Maltin fis-sena.
Leg 9 PQ #20838 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Interim From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm kien hemm studenti l-Universita' minn kull raħal u belt f'Malta u Għawdex fl-1985, 1986 u sa Mejju 1987 u fl-1999 u 2000?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mhuwiex possibbli li tingħata l-informazzjoni mitluba għas-snin 1985,1986 u 1987 peress li f'dak iż-żmien l-informazzjoni ma kinetx komputerizzata. L-informazzjoni għas-snin 1999 u 2000 tingħata f'seduta oħra peress li matul ix-xahar kollu ta' Ottubru jkun hemm ħafna ċaqliq ta' studenti minn kors għall-ieħor, kif ukoll studenti li għalkemm ikunu aċċettati f'xi kors ma jibdewx il-kors u għalhekk ir-reġistru ta' l-istudenti ma jkun stabbli qabel nofs Novembru.
Leg 9 PQ #20851 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Għawdex

Question

Jista’ l-Prim Ministru joġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-list aġġornata tal-clerks Għawdxin li jaħdmu Malta f'ordni ta' seniority?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li hawn 106 li r-residenza tagħhom hija f’Għawdex li qed jaħdmu Malta bħala “Clerks”. Ma nħossx li hija etika li jingħataw id-dettalji mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq xi nformazzjoni fuq xi każ partikolari huwa mitlub jagħmel mistoqsija f’dan ir-rigward.
Leg 9 PQ #20867 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — FSS

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-FSS ma kenitx implimentata immedjatament fil-Korp tal-Pulizija bir-riżultat li issa l-membri tal-korp qed iħallsu somom kbar ta' flus mill-paga f'arretrati tat-taxxa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li s-sistema tal-FSS ġiet introdotta fid-Dipartimenti kollha, inkluż id-Dipartiment tal-Pulizija, b`effett mill-1 ta` Lulju 1997. Jekk hemm xi membri tal-korp li qed jiġu mitluba jħallsu somom ta` flus f`arretrati tat-taxxa, dan żgur li mhux ġej minn xi nuqqas min-naħa ta` dan id-Dipartiment.

Toroq — Triq ir-Rumi - Wied il-Għajn

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli li ssir spezzjoni u possibilment tiġi rranġata Triq ir-Rumi, Wied il-Għajn liema triq hi abitata u minkejja li r-residenti ilhom diversi snin (aktar minn 10 snin) jitolbu li tiġi rranġata baqgħet kif kienet? Billi din it-triq kellha tiġi rranġata mir-Roads Dept (wara li ma kinetx irranġata sew wara li għaddew minnha s-servizz ta' l-ilma ħafna snin ilu) u dan skond il-Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti tiegħi, possibli li tittieħed azzjoni għax issa dawn ir-residenti ilhom ħafna snin jistennew?

Response (GALEA, ĊENSU)

Fir-risposta parlamentari Nru. 19907 kien diġa spjegat li x-xogħol huwa wieħed ta` manutenzjoni li huwa responsabbli għalih il-Kunsill Lokali. Jien infurmat li t-triq ġiet spezzjonata u l-ħsara li fiha tirrikjedi resurfacing li minnu nnifsu wkoll hu xogħol li jaqa` taħt ir-responsabilta` tal-Kunsill Lokali. Aktar ma jgħaddi żmien u dan ir-resurfacing idum ma jsir, il-ħsara żgur li ser tikber b'mod li l-wiċċ tat-triq jinqala' kollu, u hemm jidħol id-Dipartiment tat-Toroq biex jerġa jasfalta t-triq mill-ġdid. Għalhekk id-Dipartiment tat-Toroq ser jgħaddi l-każ lill-Kunsill biex dan jara x`jista jsir.

Wied il-Għajn — Triq La Sengle

Question

Jista' l-Ministru jara hux possibbli li trejqa antika u qasira ta' ftit metri li hemm parallel ma' Triq La Sengle, Wied il-Għajn, u li fl-antik kienet tintuża bħala t-triq prinċipali, minflok it-triq eżistenti, tingħata ftit tarmac jew ta' lanqas ftit concrete għax hi ferm imħarrbta? Billi din it-trejqa tant hi qasira u dejqa u tinsab separata biss mit-triq prinċipali bi traffic island, possibbli li d-dipartiment tat-toroq jara li din issir mingħajr ma jirriferiha lura lil kunsill lokali għax hemm residenti li għandhom il-bibien tagħhom jagħtu għal din it-trejqa u jużaw din it-trejqa ta' spiss u ilhom ħafna jitħabbtu biex din tiġi rranġata ftit għax qatt ma saret u fiha biss irqajja ta' concrete li jingħata mir-residenti? Jista' d-dipartiment konċernat jinnota li minn din it-trejqa jgħaddi l-wied ta' l-ilma li mbagħad jagħti għal ġol-kulvert li hemm fit-tarf tagħha u allura forsi tista' tingħata xi ftit concrete qabel ma tidħol sew ix-xitwa? Billi din hi trejqa ferm qasira u dejqa possibbli li din issir fl-iqsar żmien possibbli?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq sabiex jispezzjona t-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant biex ikun stabbilit x'hemm bżonn li jsir.
Leg 9 PQ #20534 Sitting 410 2000-10-27 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Xogħol bla permess f'Tas-Sliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-PA ħarġitx xi enforcement order fuq xi bini ta' kmamar li nbnew bla permess f'xi fergħa ta' bank f'Tas-Sliema?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f`xi Seduta oħra.