Legislature:
Category:
Reset
Active:

Parkeġġ — Sticker Blue

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jinforma l-Kamra jekk il-post/postijiet għall-parkeġġ ta' karozzi bl-isticker blue ta' persuni bi bżonnijiet speċjali li jinsabu quddiem iċ-ċentru żgħażagħ Karmelitani, Triq it-Torri, Sliema humiex riżervati għal xi individwu / individwi jew inkella għall-użu ta' kulmin għandu sticker blue?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-reserved parking kemm dawk pubbliċi kif ukoll dawk li jsiru quddiem residenzi privati jingħataw mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku u għalhekk il-mistoqsija trid issir lill-Ministru konċernat. Ir-reserved parking quddiem residenzi privati jsiru fuq rakkomandazzjoni tal-KNPD. Hi l-fehema tal-Kummissjoni li jekk hemm reserved parking/s pubbliċi li tant qiegħdin jintużaw li hemm persuni b'diżabilita' li regolarment mhumiex jinqdew, għanda ssir talba biex jiżdiedu il-faċilitajiet ta' reserved parking f'dawn il-postijiet.
Leg 9 PQ #23141 Sitting 478 2001-01-29 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Wied il-Għajn — Car park

Question

Billi jien infurmat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar mhux qed toħroġ permessi għal entitajiet kummerċjali f'Wied il-Għajn minħabba nuqqas ta' parking space, jista' l-Ministru jgħid hux għaddejjin xi preparamenti biex f'Wied il-Għajn issir car park?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar qed tagħmel studju biex f`Wied il-Għajn tiġi ntrodotta l-iskema tal-Commuted Parking Payment Scheme, fejn l-iżviluppatur iħallas somma flus meta ma jkunx jista` jipprovdi parkeġġ fis-sit ta` l-iżvilupp. Din l-iskema diġa` qed topera f`lokalitajiet oħra. Madankollu, f`Wied il-Għajn għadu ma nstabx sit adattat fejn jista` jsir parkeġġ pubbliku li jinbena mill-flus li jinġabru minn din l-iskema.
Leg 9 PQ #23142 Sitting 478 2001-01-29 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Triq il-Ħut, Wied il-Għajn

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-Enemalta isaħħaħ il-provvista ta' l-elettriku fi Triq il-Ħut, Wied il-Għajn għax hemm diversi ilmenti mir-residenti? X'inhi l-kawża u x'inhu r-rimedju biex il-provvista fi Triq il-Ħut, tissaħħaħ?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Leg 9 PQ #23143 Sitting 478 2001-01-29 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MDC — Multigas

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta saret l-applikazzjoni quddiem l-MDC biex il-Multigas tingħata biċċa art biex tibni l-fabbrika tagħha f'Ħal Kirkop? Meta ġiet diskussa mill-MDC u meta ġiet approvata t-talba tal-Multigas biex tingħata mhedda ta' art f'Ħal Kirkop? Minn kien il-kap eżekuttiv ta' l-MDC meta ġiet approvata din it-talba?

Response (BONNICI, JOSEF)

F'Jannar tal-1998 il-Multigas issottomettiet lill-Korporazzjoni għall-Iżvilupp ta' Malta "Business Plan" dettaljat għall-bini ta' impjant ġdid flimkien ma' talba sabiex tiġi allokata medda ta' art f'Ħal Kirkop. F'Awissu ta' l-istess sena l-Bord tad-Diretturi tal-Korporazzjoni iddiskuta t-talba tal-Multigas u approva l-allokazzjoni tal-biċċa art imsemmija fuq sabiex fuqha jinbena l-impjant il-ġdid. Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni ta' dak iż-żmien kien Dr Mario Vella.
Leg 9 PQ #22899 Sitting 475 2001-01-23 Oral · Interim From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliem

Question

Possibbli l-Ministru jinvestiga element li wasalli li fil-Kulleġġ li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, għalliem ta' l-istorja ta' Malta ma jafx jitkellem bil-Malti jew agħar minnhekk jagħżel biex jitkellem dejjem bl-Ingliż? L-ilment li wasal għandi jgħid li dan l-għalliem Malti li jgħallem il-Form 3, f'Diċembru li għadda waqt parents day kellem lill-ġenituri bl-Ingliż. Veru li dan l-għalliem jipprununzja ismijiet Maltin jew ismijiet ta' Granmastri bl-Ingliż?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #22909 Sitting 475 2001-01-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati ta' Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir ingaġġ ta' suldati mal-Forzi Armati ta' Malta?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li sejħa għal applikazzjoni biex jiġu ngaġġati numru ta’ suldati mal-Forzi Armati għandha tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern fil-ġejjieni qrib.
Leg 9 PQ #22811 Sitting 473 2001-01-22 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żejtun — Ta' Strejnu - Arbli Ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22524?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-arbli msemmija twaħħlu madwar sena ilu. Ix-xogħol meħtieġ fuq dawn l-arbli għadu ma sarx minħabba xogħolijiet oħra simili. Għalkemm ma hemm ebda periklu imminenti, dan ix-xogħol għandu jinbeda fi żmien qasir.

Mistoqsijiet Parlamentari

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi nru. 21123 (Seduta 13/11/2000) u inwieġba f'Seduta Nru. 428 (17/11/2000), possibbli l-Viċi Prim Ministru jaġġorna lill-Kamra u jgħid: 1) Sal-lum f'din il-leġislatura (16/1/2001) kemm saru mistoqsijiet parlamentari għal tweġiba orali? 2) Kemm minnhom saru minn Membri tal-Gvern? u 3) Kemm-il dokument tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'din il-leġislatura?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul din il-leġislatura, sas-16 ta' Jannar 2001 saru 22,813 mistoqsija parlamentari għal tweġibiet orali, li minnhom 2,903 saru minn Membri tan-naħa tal-Gvern. Sa l-istess data tpoġġew, 3,187 dokument fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #22751 Sitting 472 2001-01-19 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Pubbliku — Riċerki

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru talbiet lir-Reġistru Pubbliku għal riċerki testamentarji fl-1998, 1999 u 2000, imqassma xahar b'xahar? X'kien id-dħul minn dawn ir-riċerki?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-talbiet li saru lir-Reġistru Pubbliku għall-riċerki testmentarji u d-dħul mill-istess riċerki huwa kif jidher hawn taħt: MALTA GĦAWDEX Sena Talbiet Dħul (Lm) 1998 3,289 8,222.50 1999 3,683 9,207.50 Xejn 2000 5,177 12,942.50 Ma tinżammx statistika xahar b`xahar tar-riċerki tat-testmenti kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #22752 Sitting 472 2001-01-19 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Pubbliku — Photocopying

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħal flus ir-Reġistru Pubbliku minn photocopying u talbiet għal public registry certificates mill-1996 sa l-2000 sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li r-Reġistru Pubbliku ma kellu ebda dħul mill-Photocopying. Id-dħul mill-Public Registry Certificates (PRC) kien kif jidher hawn taħt: Sena Malta Dħul (Lm) Għawdex Dħul (Lm) 1996 1,692.00 214.80 1997 1,105.00 179.10 1998* 11,457.00 628.20 1999 5,085.00 381.50 2000 5,497.50 501.00 * Il-ħlas tal-Public Registry Certificates żdied għal Lm1.50 fil-1998.

Wied il-Għajn — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li ssir Triq il-Kavallieri ta' Malta, Wied il-Għajn li hi fi stat ħażin ħafna u minkejja li hi ferm abitata għadha qatt ma saret?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jaħdem fuq il-ħruġ ta' tenders ta' 10 toroq f'Wied il-Għajn.
Leg 9 PQ #22666 Sitting 469 2001-01-16 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Pazjenti fuq kura medika

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Air Malta jikkonsidrax li pazjenti li jkunu sejrin l-Ingilterra fuq kura medika jingħatalhom skont għal-passaġġ ta' l-ajru meta juru prova li vera sejrin fuq kura medika?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li hija "policy" stabbilita' ta' l-Air Malta li tgħin lil pazjenti u l-"escorts" tagħhom li jintbagħtu mill-Gvern għal kura medika fl-Ingilterra billi jinħarġulhom biljetti bl-orħos prezz possibbli u mingħajr ma jiġu applikati l-kundizzjonijiet restrittivi li normalment japplikaw fuq dawn il-biljetti, bħal, fost l-oħrajn, tul ta' safar, ħin u ġranet tat-titjira. Barra minn hekk il-Kumpanija qatt ma naqset li tikkunsidra talbiet oħra mertevoli għall-għajnuna f'każi oħra ġenwini ta' safar għal skopijiet ta' kura medika.
Leg 9 PQ #22599 Sitting 467 2001-01-15 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Staff Nurses — Appointment

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jieħdu l-appointment ta' staff nurses dawk li segwew b'suċċess il-Conversion Course minn EN għal SN's? Billi dan il-course ta' 'l fuq minn sentejn tlesta f'Ġunju tas-sena l-oħra, jaħsibx l-Ministru li wasal iż-żmien li dawn jieħdu l-appointment?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-ħatriet bħala Staff Nurses ta' dawk li segwew b'suċċess il-Conversion Course minn Enrolled Nurse għal Staff Nurse jingħataw skond il-proċedura normali stabbilita mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Fil-fatt is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-postijiet ta' Staff Nurse fid-Diviżjoni tas-Saħħa ħarġet fil-Gazzetta tal-Gvern tal-11 ta' Jannar 2001 li għaliha għandhom japplikaw dawk il-persuni ndikati mill-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #22601 Sitting 467 2001-01-15 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Nurses

Question

Jista' l-Ministru jgħid bħala motivazzjoni biex aktar EN's jitħajjru jagħmlu l-conversion course minn EN għal SN, tikkunsidra d-diviżjoni tas-Saħħa li meta l-EN's jilħqu SN's dawn javvanzaw permezz ta' skala jew ta' l-anqas issir ftehem li tingħata konsiderazzjoni lin-numru ta' snin ta' servizz li jkollu l-EN qabel dan jilħaq SN.

Response (DEGUARA, LOUIS)

Minkejja l-fatt li l-motivazzjoni biex aktar Enrolled Nurses jitħajru jagħmlu l-conversion course minn Enrolled Nurse għal Staff Nurse hija akkademika, l-proposta ndikata mill-Onor. Interpellant ser tiġi kkunsidrata.
Leg 9 PQ #22603 Sitting 467 2001-01-15 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Nurses

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fil-każ ta' l-enrolled nurses bi snin twal ta' esperjenza u li għamlu b'suċċess il-conversion course ta' sentejn biex minn EN's issiru SN's, id-dipartiment tas-saħħa għadu jirriferi għalihom bħala EN's? La darba dawn in-nies segwew kors ta' sentejn u għaddew bil-credits kollha u laħqu SN's, jista' l-Ministru jara hux possibbli li d-Diviżjoni tas-Saħħa tibda tirrikonoxxi mill-ewwel il-grad tagħhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li dawk l-Enrolled Nurses li temmew b'suċċess il-conversion course għal Staff Nurses ġew reġistrati man-Nursing and Midwifery Board bħala State Registered Nurses. Il-ħatra tagħhom bħala Staff Nurse tingħata meta titlesta l-proċedura stabbilita mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku wara li toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet għall-mili ta' postijiet ta' Staff Nurse fid-Diviżjoni tas-Saħħa. Fil-fatt din is-sejħa ħarġet fil-Gazzetta tal-Gvern tal-11 ta' Jannar 2001.
Leg 9 PQ #22522 Sitting 466 2001-01-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

ETC — Security Course

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-liċenzja ta' security għadha ma ħarġitx lill-grupp ta' nies li temmew il-kors ta' security organizzat mill-ETC u li ntemm f'Novembru, 2000? Meta hemm il-ħsieb li jingħataw il-liċenzja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma' ghandiex applikazzjonijiet pendenti ghall-licenza ta' Gwardjani Privati minghand persuni li temmew il-kors ta' E.T.C. f'Novembru, 2000.

PTA — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li jiġu impjegati despatchers jew inspectors ma' l-Awtorita' tat-Trasport Pubbliku?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku bħalissa qegħda tiproċessa applikazzjonijiet milqugħa wara sejħa nterna li saret mill-Management and Personnel Office għall-Transport Assistants (despatchers) (MPO Cir 116/2000).
Leg 9 PQ #22524 Sitting 466 2001-01-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żejtun — Ta' Strejnu - Arbli ġodda

Question

Possibbli l-Ministru jgħid meta twaħħlu l-arblil-ġodda tad-dawl fi Triq Strejnu, Żejtun/M'Scala? Għaliex l-Enemalta għadha ma ttrasferitx il-mains fuq l-arbli l-ġodda biex tkun tista' taqla' l-arbli msaddin li issa saru ta' periklu għall-pubbliku minħabba li huma imsaddin, mgħawwġin u b'cables ta' l-elettriku mdendlin?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Żejtun — Triq Strejnu - Traffic Island

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li minkejja diversi lmenti, fosthom mistoqsijiet parlamentari tiegħu stess fis-snin preċedenti, baqgħet ma saritx traffic island fil-junction ta' bejn Triq Strejnu fejn tingħaqad mal-Bypass li nfteħet snin ilu fi Triq id-Daħla ta' San Tumas, Żejtun/M'Scala? Billi din il-junction hu ferm perikoluż ilu jintalab li ssir xi traffic deviation, possibbli li t-traffic control board jara x'jista' jsir u li għandu jsir isir fl-iqsar żmien possibbli qabel ikun hemm xi inċident fatali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jara x'hemm bżonn li jsir.

Żejtun — Triq id-Daħla ta' San Tumas

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiġi rranġata Triq id-Daħla ta' San Tumas, Żejtun/M'Scala li tinsab fi stat ħażin? Billi din it-triq illum saret ferm traffikuża u wżata ħafna, u fost oħrajn tintuża minn Wied il-Għajn għall-airport, jikkonsidra li din l-arterja prinċipali tiġi rranġata għax l-istat li hi fih aktar minn inkonvenjent saret perikoluża għall-eluf ta' karozzi li jgħaddu minn din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għalkemm din it-triq mhix waħda arterjali u għalhekk il-Kunsill Lokali huwa responsabbli għal manutenzjoni tagħha, minħabba l-prejokupazzjoni ta' l-Onor. Interpellant dwar il-periklu li jista' jkun hemm fiha, tajt strużżjoni lid-Dipartiment tat-Toroq biex jagħmel l-inspections neċessarji sabiex is-sitwazzjoni tkun tista' tiġi vvalutata aħjar.