Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #25395 Sitting 534 2001-04-30 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli li l-Air Malta tinvestiga u possibilment tirrimedja - dejjem jekk hu l-każ - ilmenti li wasluli minn impjegati ta' l-Air Malta li fil-kmamar użati mill-istaff ta' l-Air Malta m'hemmx ventalizazzjoni u sistema ta' airconditioning effettwa?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jekk l-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu, l-Air Malta tkun f'pożizzjoni aħjar li tara x'jista' jsir dwar dan l-ilment.
Leg 9 PQ #25396 Sitting 534 2001-04-30 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MIA

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi anti-smoking policy fl-Malta International Airport kif hemm f'diversi ajruporti ewropej? Jekk m'hemmx, jikkonsidra li l-MIA tagħmel anti-smoking policy fejn it-tipjip ikun riservat għall-ċerti areas limitati biss u dan fid-dawl ta' l-għarfien tal-ħsara kbira li jagħmel il-passive smoking?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Malta International Airport qed taħdem biex tintroduċi "smoking policy" effettiva fl-ajruport internazzjonali. B'kollaborazzjoni mad-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa, qegħdin isiru l-preparamenti neċessarji biex jinħareġ avviż legali li jagħmilha possibbli li din il-policy tkun infurzata b'mod effettiv.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru korsijiet mill-ETC, sena b'sena, mill-1997 'l hawn? X'korsijiet saru u għal kemm drabi ġie organizzat kull kors? Kemm attendew nies għal kull kors?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji tal-korsijiet li ġew organiżżati mill-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ, kemm il-darba ġew organiżżati dawn il-programmi, kif ukoll in-numru ta' nies li attendew għal kull kors.

ETC

Question

JIsta' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inizjattivi, miżuri u skemi ġodda ttieħdu kull sena mill-1997 mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bejn l-1997 u issa, l-ETC ħadet diversi inizjattivi u miżuri u introduċiet skemi ġodda biex taqdi l-klijenti tagħha. Fost dawn wieħed jista' jsemmi l-kors li jwassal għal Diploma fil-Computer Studies mogħtija minn National Computer Centre ta' l-Ingilterra; dan issa sar parti minn traineeship fil-qasam ta' l-informatika bil-ħsieb li l-ETC tħarreġ computer programmers. L-ETC ħolqot in-Night Institute for Further Technical Education bil-ħsieb li tħarreġ persuni li diġa' qed jaħdmu biex tipprovdilhom ħiliet tekniċi u b'hekk tgħin fil-proċess tar-ristrutturazzjoni. L-ETC ħolqot diversi programmi qosra ta' taħriġ biex tgħin persuni qiegħda biex isibu xogħol. Fost dawn kien hemm dawk għal gwardjani lokali u private guards, programmi f'ħiliet bażiċi tax-xogħol, u programmi fil-qari u l-kitba. Infetaħ ċentru ta' taħriġ fil-belt Valletta biex it-taħriġ jiġi provdut minn post aktar ċentrali. Bil-ħsieb li l-ETC tħajjar lil min iħaddem biex jimpjega persuni li għandhom aktar minn 40 sena, hi estendiet l-użu ta' l-iskemi tagħha għal persuni li għandhom aktar minn 40 sena. L-ETC organiżżat ruħha aħjar billi ħolqot taqsima li tieħu ħsieb il-ħtiġijiet ta' dawk il-persuni li għandhom diżabilita' jew fil-passat abbużaw mid-droga jew kienu l-ħabs biex tgħinhom isibu mpjieg. L-ETC laħqet ftehim ma' aġenziji li jistgħu jipprovdu taħriġ speċjaliżżat lil dawn il-persuni. Naturalment dak imsemmi hawn fuq sar b'żieda ma' miżuri oħra li l-ETC kienet ilha tħaddem u li intensifikathom. L-ETC żviluppat Business Plan 2000-2003 li fiha semmiet il-pjanijiet tagħha li tintroduċi skemi ġodda biex dejjem tgħin il-klijenti tagħha. Hija bħalissa miexja fit-twettieq ta' dan il-business plan.
Leg 9 PQ #24980 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Human Resources Executive

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli li l-Ministru jgħid jekk il-vacancy li kien hemm fil-MIMCOL għall-Human Resources Executive f'Novembru 2000 intlitx? Jekk iva, meta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-vakanza li qed issir riferenza għaliha imtliet fl-1 ta' Frar ta' din is-sena.
Leg 9 PQ #24981 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Chief Executive Officer

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ux possibli li jgħid jekk vacancy li kien hemm madwar tlett ġimgħat ilu mal-Foundation of Human Resources li tinsab fl-IPSE, għall post ta' Chief Executive Officer imtlitx?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-vakanza li qed issir riferenza għaliha għadha ma ntlietx.
Leg 9 PQ #24982 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Trasferiment ta' Cables/Wires

Question

Jista' l-Ministru jgħid, permezz ta' l-Enemalta għaliex is-sid tal-post 33, Spadano Street, Zabbar talab sena ilu li jiġu shifted cables tad-dawl biex ikun jista' jagħmel xogħol ta' kostruzzjoni fuq dan il-post u f'Diċembru li għadda twaħħal biss arblu ġdid u l-cables baqgħu ma ġewx trasferiti fuq l-arblu l-ġdid? Billi issa qed jintqal li m'hemmx cables/wires biex issir it-trasferiment ta' cables/wires mill-arblu l-qadim għall-ġdid, jista' l-Ministru jikkonferma jekk dan hux minnu jew le? Jekk m'hemmx cable/wires meta hemm il-ħsieb li dan il-klijent li ilu aktar minn sena jistenna jinqeda? Jista' l-Ministru jgħid jekk hux aċċettabli li persuna jdum fuq sena jistenna biex jibda xogħol ta' kostruzzjoni għas-sempliċi raġuni li jkun qed jistenna l-Enemalta tagħmel trasferiment ta' cables?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li l-Korporazzjoni Enemalta tikkunsidra talba biex jitneħħew cables minn ma' bini wara li l-applikant jissottomettilha kopja tal-permess tal-bini maħruġ mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Fil-fatt il-kopja tal-permess waslet għand l-Enemalta fl-10 ta' Diċembru tas-sena l-oħra u mhux sena ilu kif qed jingħad fil-mistoqsija. Ninsab infurmat li x-xogħol meħtieġ mistenni jitlesta fi żmien qasir.
Leg 9 PQ #24983 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tal-Finanzi

Annimali — Wheelchairs

Question

Billi ġejt ikkuntatjat minn xi għaqdiet voluntarji ta' l-annimali li jixtiequ jimpurtaw mill-Amerika għal użu tagħhom xi wheelchairs li jintużaw għal klieb u qtates imweġġa, jista' l-Ministru jikkunsidra li dawn jiġu eżentati mill-VAT u dazji, anki għall-fatt li dawn l-għaqdiet jagħmlu din il-ħidma għax iħobbu l-annimali u b'mod voluntarju

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li taħt l-Att ta' l-1998 dwar Taxxa Fuq il-Valur Miżjud, l-importazzjoni ta' wheelchairs li jintużaw għall-klieb u l-qtates imweġġa hija importazzjoni taxxabbli.
Leg 9 PQ #25175 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Ċittadinanza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza doppja kemm ilha li ġiet emendata l-liġi? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew proċessati u kemm minnhom intlaqgħu?

Response (BORG, TONIO)

B`effett tat-tibdiliet fil-liġi taċ-ċittadinanza li ġew fis-seħħ fl-10 ta` Frar 2000, persuna li mat-twelid saret ċittadin ta` Malta u wara tilfet din iċ-ċittadinanza, tista` takkwistaha mill-ġdid b`mod awtomatiku jekk tissodisfa ċerti kriterji. Oħrajn li ma jissodisfawx dawn il-kriterji jew li qabel kienu ċittadini ta` Malta b`reġistrazzjoni jew b`naturalizzazzjoni, jistgħu jiġu reġistrati mill-ġdid bħala ċittadini ta` Malta. Dawn il-persuni kollha li b`mod jew ieħor issa għandhom iċ-ċittadinanza Maltija, jistgħu jżommu din iċ-ċittadinanza flimkien ma` dik barranija jew dawk barranin li diġa` għandhom u b`hekk ikollhom ċittadinanza doppja jew multipla. In-numru ta` persuni li s`issa għamlu talba biex jiġi kkonfermat lilhom jekk jikkwalifikawx (awtomatikament) biex iżommu żewġ ċittadinanzi huwa 2,200 li minnhom diġa` ġew ikkonfermati madwar 1,700 każ. In-numru ta` persuni li applikaw sabiex jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija s`issa huwa 1,620 li minnhom diġa` ġew ipproċessati 875 każ. Għalhekk b`kollox dawk li ibbenefikaw mill-introduzzjoni ta` ċittadinanza doppja fl-10 ta` Frar 2000, huwa ta` 2,575.
Leg 9 PQ #24807 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptarijiet

Question

Jista' l-Ministru jara li d-diviżjoni tas-saħħa ġentilment tara li jsiru showers għall-pazjenti fl-MS1 u l-MS2?

Response (DEGUARA, LOUIS)

MS1 u MS2 huma inklużi fil-pjan ta` refurbishment tal-parti l-iktar antika ta` l-Isptar San Luqa. It-tibdil mill-banjijiet li hemm fil-present biex isiru showers huma inklużi f'dan il-pjan.
Leg 9 PQ #24808 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MIA — Collective Agreement

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid fiexwaslu d-diskussjonijiet fuq il-collective agreement ta' l-MIA?

Response (BONNICI, JOSEF)

Id-diskussjonijiet dwar il-Ftehim Kollettiv fil-Malta International Airport għadhom għaddejjin u għaldaqstant ma jkunx prudenti li f'dan l-istadju jingħataw dettalji.
Leg 9 PQ #24591 Sitting 521 2001-03-27 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

MUMN

Question

B'referenza għall-rappreżentazzjonijiet li saru mill-MUMN (permezz ta' ittra lid-direttur ta' l-isptarijiet datata 23 ta' Ottubru 2000 u laqgħa mad-dietician tad-divizjoni u l-amministrattur mediku Dr. Frank Bartolo MD) dwar il-possibbilta li jibda jiġi servut breakfast aktar healthy minn dak li qed jiġi offrut bħalissa lin-nurses u midwives, possibli d-diviżjoni tas-Saħħa tgħid għaliex għadha ma bidlitx il-breakfast? Kif tiġġustifika d-diviżjoni tas-saħħa l-fatt li għall-breakfast tan-nurses u midwives toffri ikel li jista' jkun ta' detriment għas-saħħa bħal corned beef, gobon, zalzett, bajd moqli, luncheon meat, perżut u tonn taż-żejt? Taħsibx id-diviżjoni tas-Saħħa li għandha tagħti eżempju f'dan il-qasam?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #24649 Sitting 521 2001-03-27 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Fisheries

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux vera li d-Dipartiment tal-Fisheries mhux qed jagħmel transfers ta' opri tal-baħar ta' parti-time fisherman? Għaliex lanca ta' sajjied part time Għawdxi li nbiegħet lil sajjied part time Malti ma sarx it-transfer tagħha mill-fisheries bil-permessa li mhux qed isiru dawn it-trasferimenti? Jekk vera mhux qed isiru dawn it-trasferimenti x'nihi r-raġuni? Meta hu maħsub li jibdew issiru? Kemm hemm talbiet pendenti għal trasferimenti?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi transfers ta’ kull kategorija ta’ dgħajjes tas-sajd qiegħdin isiru, bid-differenza illi kull applikazzjoni għal transfer ma ssirx dak il-ħin stess kif kien isir qabel. Dan sabiex jiġu kkonfermati id-dettalji kollha mar-reġistru tal-bastimenti tas-sajd li qiegħed jiġi ffurmat fid-Dipartiment. F’dan l-istadju qiegħed isir tentattiv ukoll sabiex bastimenti li jaqbżu s-sitt metri jkunu rreġistrati fil-merchant shipping register jekk beħsiebhom jinnavigaw il-barra mill-ibħra territorjali kif hu mitlub minn Kapitolu 234 tal-‘Att dwar il-Bastimenti Merkantili’.
Leg 9 PQ #24653 Sitting 521 2001-03-27 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Telephone Booth

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli li l-Maltacom tara tistax tagħmel telephone booth fl-inħawi ta' Triq l-Arkubużur, Żejtun għaliex din il-parti taż-Żejtun kibret ħafna b'għadd kbir ta' residenti u t-telephone booth li hemm tinsab ftit 'il bogħod? Billi jien infurmat li għadd kbir ta' residenti minn dawn l-inħawi iffirmaw anki petizzjoni biex issir din it-telephone booth u billi hemm talba pendenti f'dan is-sena, possibli l-Maltacom tikkunsidra b'mod favorevoli din it-talba?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Maltacom sabiex tiġi kkunsidrata.
Leg 9 PQ #24585 Sitting 520 2001-03-26 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Xagħra

Question

Tista' l-Ministru tara jekk hux possibli li d-dipartiment konċernat jara li jiġu irranġati bankijiet pubbliċi li hemm imkissra fi Triq Ġnien Imrik, Xagħra għax dawn mhux biss huma eyesore għat-turisti li jiffrekwentaw din it-triq iżda wkoll huma perikolużi? Billi dawn il-bankijiet ilhom żmien twil imkissra, possibli jittieħdu passi biex jiġu irranġati?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li x-xogħol msemmi huwa responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali tal-post. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #24586 Sitting 520 2001-03-26 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Vjaġġ bejn Malta u Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux possibli li tgħid kemm qasmu nies u karozzi bejn Malta u Għawdex fil-weekend ta' bejn 15 u d-19 ta' Marzu 2001? Kemm il-vjaġġ sar?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li bejn il-15 u 19 ta’ Marzu 2001 saru 314-il vjaġġ mill-vapuri tal-Kumpanija Gozo Channel. B’ kollox qasmu 51,564-il persuna u 12,412-il vettura.

Malta Maritime Authority

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamentari nru. 23848, jista' l-Ministru jgħid meta saru s-sejħiet biex jiġu ngaġġati żewġ IT application developers u ħames Flag & Port State Control Inspectors ma' l-Awtorita' Marittima? Fejn u kif u meta ġew reklamati dawn is-sejħiet? Kemm applikaw għall-kull post? Meta saru jew se jsiru l-interviews għall-kull post imsemmi? Jekk l-interview saru, x'kien l-eżitu tagħhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s-sejħiet biex jiġu ngaġġati ż-żewġ IT Application Developers saru l-ewwel lill-ETC fit-18 ta` Ottubru 2000, imbagħad dehru fil-gazzetti lokali mill-4 ta` Diċembru 2000 sat-8 ta` Diċembru 2000 (ETC permit no. 219/2000). Ħadd mill-lista tat-tliet applikanti li bagħtet l-ETC ma attenda għall-interview. B'kollox applikaw sitt kandidati, tnejn wieġbu għar-riklam fil-gazzetti u erbgħa li rċevejna mingħand ditta ta` Recruitment Consultants. Żewġ interviews saru fid-9 ta` Jannar 2001 u wieħed fis-7 ta` Marzu 2001. Ħadd għadu ma ntagħżel għal dawn iż-żewġ pożizzjonijiet vakanti. Flag & Port State Control Inspectors: Is-sejħiet biex jiġu ngaġġati il-ħames Flag & port State Control inspectors saru l-ewwel lill-ETC fit-13 ta` Lulju 2000. Wara li ma ntagħżel ħadd mill-ETC deher riklam fil-gazzetti lokali mit-30 ta` Ottubru 2000 sas-7 ta` Novembru 2000 (ETC Permit no. 183/2000). Kien hemm 17-il applikazzjoni mir-riklami fil-gazzetti. Għaxra ġew shortlisted għall-interview li saru fit3, 4 u 5 ta` Jannar 2001.

Malta Maritime Authority

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 23848, jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslu l-proċeduri ma l-ETC biex ikunu jistgħu jimtlew vakanzi ma' l-Awtorita' Marittima? F'hiex jikkonsistu dawn il-vakanzi u meta saru jew hu maħsub li jsiru sejħiet pubbliċi biex timtela kull vakanza?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħalissa l-Awtorita` Marittima għandha dawn il-vacancies miftuħa: 2 clerks il-vacancies imtlew 2 Maintenance men/handymen ser isiru l-interviews 2 Site supervisors/draughtsmen saru l-interviews ta` l-ETC u tlabna permess biex nagħmlu sejħiet pubbliċi 1 Berthing Master (Yacht Marina) ħa jsiru l-interviews minn sejħiet pubbliċi

Traffic Control Board

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru 24514, jista' l-Ministru jgħid jekk ux possibli li t-traffic control board jieħu l-passi biex ineħħi s-sign No Entry except for residents only la darba din ma kienitx approvata mit-traffic control board anki għall-fatt li din is-sign qed toħloq problemi lis-sajjieda full time li għandhom impjegati magħhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku talab lill-Kunsill Lokali ta` Marsaskala biex ineħħi in-No Entry except for residents only sign u jinstalla dawk approvati mill-Bord.
Leg 9 PQ #24590 Sitting 520 2001-03-26 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-Isptar San Luqa m'hemmx barbiera fil-preżent? X' passi ittieħdu jew se jittieħdu mid-diviżjoni tas-Saħħa biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li: L-Barbier li kien jaħdem fl-Isptar San Luqa rtira. Meta ħarġu applikazzjonijiet fid-Dipartiment, ma kien hemm ħadd interessat. Reġgħet ħarġet sejħa oħra għall-applikazzjonijiet.