Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm pradiatric area attrezzata għat-tfal li jkollhom bżonn renal dialysis?
Jekk hemm il-ħsieb meta se ssir u meta hu maħsub li titlesta?
Kemm se tiġi tiswa u min qed jieħu ħsieb li jara li din issir?
Kemm hemm tfal taħt is-16 il-sena li qed jagħmlu renal dialysis?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid 1) Meta daħal fis-seħħ l-aħħar ftehim kollettiv li jkopri l-korp akkademiku ta' l-Universita' ta' Malta? 2) Meta skada dan l-istess ftehim kollettiv?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-aħħar ftehim kollettiv li jkopri l-korp akkademiku ta' l-Universita` ta' Malta daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1991 u skada fl-1 ta' Jannar 1997.
Jista' l-Ministru jgħid 1) Matul kull sena mill-1995 sa llum, kienx hemm riżenji minn fost il-korp akkademiku full-time ta' l-Universita' ta' Malta? Jekk iva, minn liema fakulta, ċentru jew istitut seħħew dawn ir-riżenju u f'liema sena? 2) Kemm tħaddem illum staff akkademiku l-Universita' ta' Malta, maqsum bejn full-time, full-time fil-Junior College u permanent part-time? Dawn in-numri kif inbidlu matul kull sena bejn l-1988 u llum?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli d-dipartiment tat-toroq jgħid meta hu maħsub li ssir Triq il-Kavallieri ta' Malta, Wied il-Għajn, li tinsab fi stat ħażin ħafna u minkejja li hemm għadd ta' residenti, uħud minnhom bi tfal żgħar baqgħet qatt ma saret?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qiegħed f'diskussjoni mal-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn biex jiġi stabbilit il-programm tax-xogħol għall-lokalita', u Triq il-Kavalieri tkun tista' tiġi asfaltata skond il-prijoritajiet li jkunu miftehma bejn id-Dipartiment u l-Kunsill Lokali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm day centres f'Malta w Għawdex? Jista' l-Ministru jgħid kemm jattendu f'kull ċentru? X'inhu l-istaff complement b'kull ċentru? X'inhu l-ispiża totali f'kull ċentru? Kemm hu stmat li tqum kuljum kull persuna li tattendi ċentri bħal dawn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'Malta hawn 10 Ċentri ta' Matul il-Jum. L-attendenza u l-istaff complement ta' kull Ċentru hi kif ġej:
Ċentru Membri Uffiċċjal Spejjeż
ta' Matul Regolari Inkarigat u Salarji u
il-Jum Staff Kera
Stima 2001
Żejtun 95 8 Lm27,210
Ħamrun 143 5 Lm23,004
Dingli 69 4 Lm11,520
Qormi 95 5 Lm17,262
Sliema 67 6 Lm17,250
Żurrieq 66 5 Lm19,670
Mtarfa 119 4 Lm11,300
B'Kara 71 4 Lm12,347
Bormla 51 4 Lm11,100
Luqa 67 3 Lm 9,675
In-nefqa rikorrenti hi kollha mħallsa mill-Gvern.
Il-membri jħallsu bejn Lm1.00 u Lm2.50 fix-xahar skond in-numru ta' ġranet li l-anzjan/a jattendu.
Jista' l-Ministru jiċċara jekk local wardens għandhomx iwaqqfu x-xuffier u l-vettura meta jaraw xi kontravenzjoni aktar milli jagħtu ċ-ċitazzjoni mingħajr ma s-sewwieq ikun konxju ta' dak li qed jagħmel kif fuq kollox jagħmlu l-pulizija?
Response (GATT, AUSTIN)
Skond l-Att dwar Gwardjani Privati u Lokali, il-Gwardjani Lokali ghandhom is-setgha li jwaqqfu kull persuna fuq suspett li tkun kisret xi regolament jew "bye-laws". Dan izda mhux dejjem ikun possibli specjalment meta jista` jinholoq xi periklu minhabba toroq traffikuzi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 21977, jista' l-Ministru jgħid jekk din it-talba ġietx ikkunsidrata s'issa mill-Enemalta u jekk iva, x'inhu l-eżitu tad-deċiżjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li t-talba biex titwaħħal lampa ġdida fi Sqaq Strejnu 1, iż-Żejtun, qed tkun ikkunsidrata.
Tajjeb jingħad li qabel tittieħed deċiżjoni biex titwaħħal lampa ġdida fi triq, iridu jiġu kkunsidrati diversi fatturi, fosthom xogħol ieħor li jkun meħtieġ minbarra t-twaħħil tal-lampa nnifisha. Dawn il-fatturi jvarjaw minn talba għal oħra, anke jekk it-talba tkun l-istess.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-priority boarding li tintuża għall-vapuri tal-Gozo Channel?
Minn minn saret din il-lista u meta ġiet updated?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-Priority Boarding li tintuża għall-vapuri tal-Kumpanija Gozo Channel.
Din il-lista saret mill-Kumpanija b'effett mid-19 ta' Mejju 2000, u dan wara li kienet approvata mill-Kummissarju tal-Pulizija. Il-lista attwali hija bbażata fuq lista oħra datata 16 ta' Marzu 1990 u amendata fl-20 ta' Mejju 1996 li kienet ħarġet mill-Pulizija.
Tajjeb jingħad li dawk kollha li huma ntitolati għal Priority Boarding ġew avżati individwalment b'ittra mibgħuta lilhom mill-Kumpanija f'Lulju tas-sena 2000.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta u f'liema ċirkostanzi anzjani jistgħu japplikaw għall-tnaqqis fir-rata tad-dawl u l-ilma kif wkoll ir-rata tat-telefons?
Fiż-żewġ każi kemm bżonn li l-anzjan jew anzjani jkollhom il-karta r-roża?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-Risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14371.
B'referenza għal diversi mistoqsijiet parlamentari tiegħi biex l-Enemalta tagħmel bozza fi Sqaq Strejnu 1, fi Triq id-Daħla ta' San Tumas, Zejtun għaliex fuq in-naħa ta' ġewwa ta' dan l-isqaq hu ferm mudlam w hemm xi anzjani jgħixu waħedhom, possibli l-Enemalta tgħid fejn waslet din it-talba?
Billi f'mistoqsijiet parlamentari preċedenti l-Ministru kien weġibni li l-Enemalta qed tikkunsidra din it-talba possibli niġi infurmat fejn waslu dawn il-konsiderazzjonijiet għaliex ili snin nistenna d-deċiżjoni ta' l-Enemalta dwar din it-talba għal sempliċi bozza ġdida?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija numru 25463 waqt din is-Seduta stess, liema mistoqsija titratta l-istess materja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il MRI ittieħed kemm ilu li l-Gvern ipprovda dan is-servizz fl-isptar San Luqa?
X'kienet l-ispiża kapitali għall-dan l-apparrat u x'inhi r-running cost?
Kemm hemm nies fuq il-waiting list?
Kemm-il MRI isiru bejn wieħed u ieħor kull ġimgħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mit-13 ta` April 2000 sa l-aħħar tas-sena saru 1364 eżami ta` l-MRI. Mill-1 ta` Jannar 2001 sat-30 ta` April 2001 saru 871 eżami.
Is-Servizz ta` MRI ilu 12-il xahar fl-Isptar San Luqa.
Ma kien hemm l-ebda spiża kapitali involuta. L-MRI huwa mikri b'rata ta` US$296,000 kull sitt xhur.
Hemm 250 il-persuna fuq il-waiting list u jsiru bejn wieħed u ieħor 60 MRI kull ġimgħa.
Din il-waiting list se titnaqqas konsiderevolment fil-ġranet li ġejjin meta l-eżamijiet ta` l-MRI ser jibdew isiru wkoll wara nofs in-nhar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'aġġornament sar fi ħdan l-ETC biex tilqa' għall-opportunitajiet ġodda ta' xogħol f'diversi setturi forsthom fil-bini u l-informatika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dan l-aħħar il-Korporazzjoni għamlet proċess fejn intervistat flimkien mal-FOBC, lil dawk kollha li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol fis-settur tal-kostruzzjoni. Barra minnhekk il-Korporazzjoni nhediet traineeships fil-Form Work Erecting u ieħor fi Steel Fixing. Il-Korporazzjoni qiegħda fil-proċess biex tħabbar skema oħra biex tinkoraġġixxi persuni bla xogħol biex jitħarrġu u jaħdmu fil-qasam tal-kostruzzjoni. Huwa maħsub li l-Korporazzjoni tiffinanzja parti sostanzjali minn din l-iskema li, la darba tibda, ser titħaddem flimkien mal-FOBC.
Fil-qasam tal-informatika, il-Korporazzjoni ilha s-snin torganiżża Basic Computer Programme. Barra minnhekk flimkien mal-MITTS, organiżżat kemm il-darba korsijiet li jwasslu għal diploma fil-computer studies. Dan l-aħħar, bħala parti mill-pjan nazzjonali għall-IT literate Workforce, il-Korporazzjoni ħabbret il-programm IT For You. Barra minnhekk, ġie mħabbar ukoll traineeship fl-informatika li qed joffri 200 opportunita' lil kull min irid jidħol f'dan is-settur.
Il-Korporazzjoni kontinwament tistudja x-xejriet tas-suq tax-xogħol sabiex tkun dejjem f'pożizzjoni li tiftaħ programmi ta' taħriġ relatati mad-domanda fis-suq.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li m'hemmx uniformita bejn is-sidien tal-pompi tal-petrol rigward l-ftuħ tal-pompi tal-petrol nhar ta' Ħadd? Jista' l-Ministru jispjega ilmenti li wasluli minn xi sidien tal-pompi tal-petrol li hemm xi wħud li qed jiftħu l-Ħadd filwaqt li l-maġġoranza tas-sidien ma jiftħux?
X'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar dan il-fatt la darba l-maġġiranza assoluta tal-pompi tal-petrol illum għandhom l-Automatic Dispensing Machine?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li fil-preżent l-Enemalta għaddejja bid-diskussjonijiet mas-sidien tal-pompi tal-petrol sabiex ikompli jiġi aġġornat il-ftehim li l-Korporazzjoni għandha magħhom. Reċentement l-Enemalta offriet pakkett ġdid ta' inċentivi u kundizzjonijet lis-sidien tal-pompi tal-petrol, liema pakkett kien jistabbilixxi anke ħinijiet u ġranet tal-ftuħ tal-pompi, pero' dan il-ftehim ma ġiex aċċettat min numru żgħir ta' sidien.
Il-ġranet tal-ftuħ tal-pompi tal-petrol huma stabbiliti u regolati mill-Att Dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol tal-Bejjiegħa fit-Toroq (Kapitlu 155 tal-Liġijiet ta' Malta) u għaldaqstant mhuwiex il-kompitu ta' l-Enemalta li tirregola l-ftuħ tal-pompi tal-petrol fil-ħdud.
Jista' l-Prim Ministru jgħid sa fejn huma involuti l-Awtoritajiet Ċvili fil-preparamenti taż-żjara tal-Qdusija tiegħu il-Papa Ġwanni Pawlu II li se ssir f'Malta f'Mejju li ġej?
X'laqgħat hu mistenni li jkollu l-Qdusija tiegħu l-Papa ma' l-awtoritajiet Ċivili waqt iż-żjara ta' jumejn li se jagħmel f'Malta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi l-Onorevoli Membru għat-tweġibiet li ġa tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23554 u 24908 f’seduti numru 496 u 525.
Il-Qdusija Tiegħu l-Papa ser jingħata merħba u tislima f’ċerimonji apposta bħal ma jsir f’viżti oħra ta’ Kap ta’ Stat. Il-Qdusija Tiegħu ser jiltaqa’ mal-President u wkoll ma’ l-għola awtoritajiet ċivili fil-Palazz.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli jiġi aċċertat li l-fixed point ta' l-Armier tiġi imqassma b'mod ugwali bejn il-pulizija tal-Mobile għax wasluli ilmenti li hemm min qed jingħata din il-fixed point ta' spiss filwaqt li oħrajn qatt ma jaħdmu din il-fixed point jew jagħmluha mill-anqas?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-fixed points muntati mill-Mobile Squad qed ikunu mqassma kemm jista` jkun ugwalment bejn il-membri kollha ta` din it-Taqsima.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli jittieħdu passi minn min hu konċernat biex sa fejn hu possibli, il-pulizija mal-mobile jingħataw l-għassa mill-ewwel meta iċemplu għaliex jien infurmat li ta' spiss ikollhom iċċemplu diversi drabi għax tinqatalhom il-linja sakemm jiġu mqabbda mal-garage minn fejn jingħataw l-għassa jew jgħidulhom li l-għassa tagħhom (tal-pulizija tal-Mobile) għadha ma waslitx?
Billi jien infurmat li din qed tiġri ta' spiss possibli jittieħdu passi biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata għax hemm minn qed ikollu jċempel erba' darbiet mid-dar biex jingħata l-għassa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-awtoritajiet tal-Korp qatt ma kellhom dan l-ilment. Infurmat ukoll illi dan l-ilment ser ikun mistħarreġ u tittieħed l-azzjoni skond kif meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-introduzzjoni f'Malta tal-Liquid Petroleum Gas għall-użu tal-vetturi, liema gas hu ippruvat li jagħmel ħafna anqas ħsara lil ambjent?
Billi l-liquid petroleum gas jintuża fl-Ewropa kollha għaliex għadu ma ġiexintrodott f'Malta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 11388 waqt is-Seduta numru 187.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli li l-Air Malta taċċerta li l-ħaddiema kollha tagħha kemm dawk li jaħdmu fuq titjiriet kif wkoll il-ground staff jingħataw it-tilqim meħtieġ dejjem skond ir-riskji li jistgħu ikunu esportati għalihom minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li f'każi fejn tidħol is-saħħa tal-ħaddiema, l-Air Malta dejjem toqgħod fuq il-pariri li jtuha t-tobba konsulenti tagħha. Fil-fatt il-kumpanija tagħti tilqim b'xejn lill-impjegati tagħha kull meta jkun hemm bżonn.
Jista' l-Ministru jara li l-Air Malta tara jekk hux possibli li testendi l-anti smoking policy li ssegwi fuq it-titjiriet tagħha għall-kmamar u l-uffiċċini użati mill-istaff ta' din il-kumpanija billi wasluli ilmenti minn staff ta' l-Air Malta li f'ċerti uffiċini u kmamar użati mill-istaff ta' l-Air Malta fl-Airport Internazzjonali min ma jpejjipx qed ikun esport għal dħaħen ta' min ipejjep?
Response (BONNICI, JOSEF)
Filwaqt li wieħed japprezza l-motiv ta' l-Onorevoli Membru wara din il-mistoqsija, sakemm ma ssirx leġislazzjoni li tipprojbixxi kull forma ta' tipjip fl-uffiċini u postijiet pubbliċi, ma narax li għandu jkun hemm xi eċċezzjoni fl-Air Malta. Madanakollu, jekk l-Onorevoli Interpellant jgħaddili aktar informazzjoni dwar l-ilment, wieħed jara jekk jistax isir xi arranġament biex titnaqqas il-problema.