Billi qed jasluli diversi lmenti minn bosta nies li jużaw Triq Delimara, Żejtun/Marsaxlokk minħabba l-istat ħażin li fiha tinsab din it-triq u billi din it-triq tintuża minn ħafna bdiewa, possibbli r-roads department jinterveni bit-tama li ssir xi ħaġa fuq l-istat diżastruż ta' din it-triq? Peress li din hi triq prinċipali li tgħaqqad iż-Żejtun u Wied il-Għajn ma' Marsaxlokk u Delimara, tista' tingħata xi forma ta' prijorita'?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq spezzjona il-lokalita` li għaliha hu responsabbli l-Kunsill u susegwentament inbeda patching tal-wiċċ tat-triq.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jibgħat il-xi ħadd jirraprezzentah f'konferenzi internazzjonali dwar l-animal welfare jew laqgħat oħra b'konnesjoni ma dan is-suġġett?
Billi wasluli ilmenti minn attivisti favur id-drittijiet ta' l-annimali li jista' jkun hemm persuni li qed jippreżentaw ruhom bħala rappreżentanti tal-gvern fl-laqgħat internazzjonali ta' animal welfare, jista' jgħid liema laqgħat ta' dan it-tip ipparteċipa l-gvern Malti u minn min kien irrapreżentat f'kull laqgħa?
Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna li toqgħod f'Housing Estate u li ħadet biċċa art b'ċens għall-ħamsin sena biex tibni garage fuqha tistax 1) jew tixtri l-art li fuqha inbena dan il-garage 2) Tistax din il-persuna tikri dan il-garage lil xi terza persuna
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kull talba li ssir lit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern sabiex tinxtara proprjeta` immobbli tal-Gvern, inkluż art li tkun ingħatat b`ċens temporanju, tiġi kkunsidrata fuq il-merti partikulari tagħha. Jekk persuna li jkollha art mogħtija b`ċens temporanju ta` ħamsin sena biex tibni garaxx fuqha tistax tikri dan il-garaxx lil terzi jew le jiddependi mill-kundizzjonijiet kuntrattwali li jkollha din il-persuna. Normalment pero` dawn il-kundizzjonijiet kuntrattwali jkunu jipprovdu illi 'l-enfitewta ma jistax jiddisponi mis-sit jew bini fuqu b`ebda titolu mingħajr ma jitlob minn qabel il-permess tal-Kummissarju tal-Artijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-procedura li se jimxi biha l-Gvern biex jiġu proċessati l-applikazzjonijiet li daħlu biex bdiewa jew persuni li qed jaħdmu r-raba jiġu rikonoxxuti? Bdew jiġu proċessati dawn l-applikazzjonijiet? Jekk iva minn min? Jekk le, meta hemm il-ħsieb li jibdew jiġu proċessati u meta hu maħsub li jintemm dan il-proċess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern sa issa qassmet l-applikazzjonijiet li daħlu taħt l-Iskema tal-Qbiela skond il-lokalitajiet differenti. Bħalissa qed tivverifikhom lokalita` lokalita` sabiex jiġi ddeterminat liema applikazzjonijiet jirrigwardjaw artijiet li qabel kienu tal-knisja, u li llum jagħmel minnhom il-Joint Office, u liema applikazzjonijiet jirrigwardjaw artijiet li minn dejjem kienu tal-Gvern, u li jagħmel minnhom id-Dipartiment tal-Artijiet.
Wara din il-verifika il-pjanti relattivi jgħaddu għand ir-Reġistru tal-Artijiet sabiex l-artijiet jiġu rreġistrati f`isem il-Gvern ta` Malta. Meta jsir dan tkun tista` tiddaħħal, f`database li nħolqot apposta, l-informazzjoni dwar kull applikazzjoni individwali sabiex imbagħad ikun jista` jinfetaħ, fi stadji differenti skond il-lokalita` u kif jiġi mħabbar mit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern, il-proċess ta` public screening mill-uffiċini tal-Kunsilli Lokali. Għal dan l-iskop kull Kunsill Lokali ser jingħata pjanti li fuqhom ikun hemm immarkati l-artijiet li fuqhom tkun saret xi applikazzjoni f`dik il-lokalita`, flimkien ma` lista bl-ismijiet tal-applikanti. Waqt dan il-proċess kull min iħoss li għandu għal fejn jagħmel xi oġġezzjoni dwar xi applikazzjoni ikun jista` jagħmel dan fuq formola apposta li tinġabar mill-istess uffiċċju tal-Kunsill Lokali tal-lokalita` tiegħu. Wara li jintemm il-proċess ta` public screening, it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern tkun tista` tibda l-istadju ta` wara li fih kull applikazzjoni tiġi mistħarrġa sabiex jiġi determinat jekk għandux isir jew le kuntratt ta` kirja skond il-kundizzjonijiet stipulati fl-Iskema tal-Qbiela. Huwa f`dan l-istadju li jkunu jistgħu jibdew isiru l-kuntratti tal-kirja u l-ismijiet tal-applikanti jidħlu għand ir-Reġistru tal-Artijiet skond kif imħabbar fl-iskema.
Kif diġa` aċċennajt, kull stadju ta` dan il-proċess ser isir b`mod gradwali lokalita` lokalita`. Kif wieħed jista` jifhem dan il-proċess huwa wieħed kemmxejn ikkumplikat u għalhekk huwa maħsub li l-proċess jieħu ftit fit-tul sabiex jintemm.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk persuna li toqgħod f'Housing Estate u li ħadet biċċa art b'ċens għall-ħamsin sena biex tibni garage fuqha tistax 1) jew tixtri l-art li fuqha inbena dan il-garage 2) Tistax din il-persuna tikri dan il-garage lil xi terza persuna
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ta' l-Intern bħala l-Ministru responsabbli mid-Dipartiment ta' l-Artijiet.
Jista' l-Ministru jikkunsidra li jilqa' t-talba ta' l-Assoċazzjoni ex-Studenti Lyceum li jsir monument fil-Belt Valletta għall-Gran Mastru Jean Parisot de la Valette, il-fundatur tal-Belt kapitali tagħna?
Response (GALEA, LOUIS)
Apparti diversi kunsiderazzjonijiet ta' natura teknika, bħal ngħidu aħna applikazzjoni formali lill-Awtoria` ta' l-Ippjanar għal premessi neċessarji, il-Ministeru tiegħi lest jikkunsidra l-proposta biex jitwaqqaf dan il-monument imsemmi. Madanakollu, jkun xieraq illi jiġu konsultati diversi entitajiet oħra, fosthom il-Ministeru għall-Ambjent kif ukoll l-Kunsill Lokali tal-Belt u l-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni ta' Triq il-Miklem Malti f'Wied il-Għajn li kulma hi xi 100 metru twila iżda għadha fi stat primitiv li aktar jixbaħ lil wiċċ il-qamar milli triq ferm abitata? Hemm il-ħsieb li ssir?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-Triq il-Miklem Malti qiegħda ma' l-ewwel għaxar toroq li ser jitwettqu f'Wied il-Għajn.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli li l-Enemalta tgħid fiex waslu diversi talbiet, fosthom permezz ta' mistoqsijiet parlamentari preċendenti tiegħi, biex isir ftit street lighting fi Triq il-Miklem Malta, Wied il-Għajn, li minkejja ferm abitata, hija mudlama ħafna?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ux possibbli li l-Unit għall-Ambjent Nadif ġentilment tagħti daqqa t'għajn fi Triq il-Miklem Malta f'Wied il-Għajn u possibbilment tnaaddaf ftit din it-triq li għadha mhux asfaltata u li fiha nġabar ħafna ħmieġ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet innotata.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 26365?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li normalment id-Diviżjoni tas-Saħħa toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet biex impjegati fid-Dipartimenti jattendu ċerti korsijiet.
Dwar it-tlett suġġetti msemmija fil-Mistoqsija ninsab infurmat li fil-"Breast Screening" id-Diviżjoni tas-Saħħa ma ħarġet l-ebda ċirkulari u ħadd ma attenda kors dwar dan is-suġġett, filwaqt li fil-"Computer" u "First Line Management" jiġu organizzati korsijiet mill-Staff Development Organisation (SDO) u mill-Institute of Health Care (IHC) u l-impjegati li juru inizjattiva u interess li jingħataw faċiltajiet biex jattendu mill-Kap tad-dipartiment konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli li d-divizjoni tas-saħħa gentilment tikkonferma informazzjoni li waslet għandi li għal postijiet vakanti ta' assistant principal radiographers, il-closing date ta' meta għalqu l-applikazzjonijiet ġiet estiża wara li kienu diġa għalqu l-applikazzjonijiet u min kien applika sad-data ta' l-egħluq originali ntalab jgħid hux interessat japplika jew le?
Jekk dan hu minnu, min iddeċieda li jestendi l-closing date? X' kienet ir-raġuni? Hi prattika normali li min ma jkunx applika originarjament, jintalab jgħid jekk hux interessat japplika jew le, filwaqt li tiġi estiża l-closing date? Veru li min ma kienx applika sal-closing date oriġinali bagħtulu ittra biex jgħid jekk hux interessat japplika?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-postijiet ta` Assistant Principal Radiographers jistgħu jimtlew biss minn Senior Radiographers. Ninsab infurmat li radiographers li kellhom jinħatru Senior Radiographers b'seħħ mill-21 t` Awissu 2000 ngħataw l-ittra tal-ħatra fil-31 t'Ottubru 2000 u fis-17 ta` Novembru 2000 iżda retroatiiva mid-data msemmija hawn fuq. Għalhekk sad-data ta` l-egħluq dawn l-impjegati ma kenux jafu jekk kenux eliġibbli li japplikaw jew le.
Fuq talba tad-Diviżjoni tas-Saħħa, il-Kummissjoni dwar is-Servizz Publiku approvat li l-imsemmija mpjegati kienu eliġibbli li japplikaw u tat struzzjonijiet lid-Diviżjoni biex tistaqsihom, u oħrajn li setgħu kienu fl-istess sitwazzjoni, jekk kenux interessa`ti li japplikaw.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jibgħat il-xi ħadd jirraprezzentah f'konferenzi internazzjonali dwar l-animal welfare jew laqgħat oħra b'konnesjoni ma dan is-suġġett?
Billi wasluli ilmenti minn attivisti favur id-drittijiet ta' l-annimali li jista' jkun hemm persuni li qed jippreżentaw ruhom bħala rappreżentanti tal-gvern fl-laqgħat internazzjonali ta' animal welfare, jista' jgħid liema laqgħat ta' dan it-tip ipparteċipa l-gvern Malti u minn min kien irrapreżentat f'kull laqgħa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet fl-iskema imħabbra mill-gvern biex bdiewa jew sidien ta' raba jew persuni li jkunu qed jaħdmu xi raba jiġi rikonoxxuti?
Jista' jagħti breakdown ta' kemm daħlu applikazjonijiet il-Joint Office f'kull lokalita' f'Malta u Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
L-eżerċizzju biex jiġu rrikonċiljati l-ħlasijiet li saru għall-applikazzjonijiet minn persuni biex jirreġistraw raba li kienu jaħdmu skond l-iskema li ħabbar il-Gvern, u biex dawn jitqassmu skond il-lokalita` ddikjarata fl-istess applikazzjoni, issa tlesta. In-numru ta` applikazzjonijiet f`kull lokalita` huwa skond it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kif jaf l-Onorevoli Interpellant il-ħlasijiet kollha saru fid-Dipartiment tal-Artijiet jew fil-Ministeru t`Għawdex, u qabel ma d-dettalji ta` kull applikazzjoni jiġu vverifikati waħda waħda, mhux ser ikun possibli li wieħed ikun jista` jagħti breakdown ta` kemm applikazzjonijiet f`kull lokalita` jirrigwardjaw artijiet li qabel kienu tal-knisja u li llum jagħmel minnhom il-Joint Office u kemm oħrajn jirrigwardjaw artijiet li minn dejjem kienu tal-Gvern u tagħmel minnhom it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern.