Traffic Control Board — Twaħħil ta' Traffic Lights
Question
Jista' l-Ministru permezz tat-Traffic Control Board jara li jsiru Traffic Lights fi Triq il-President Anton Buttiġieġ, Zejtun għax dan il-bypass hi ferm abitata u fl-istess ħin ferm traffikuża?
Billi mhux l-ewwel darba li saru inċidenti anki fatali f'din il-by pass u billi dawn it-traffic lights ilhom jintalbu snin, possibli jittieħdu passi immedjati qabel jsir xi inċident ieħor?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa qed isiru Pelican Lights fi Triq il-President Anton Buttigieg kantuniera ma` Triq M'Xlokk.
Drainage — Triq il-President Anton Buttiġieġ, Zejtun
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li parti minn Triq il-President Anton Buttiġieġ, Zejtun fejn hemm mill-anqas xi 20 familja tinsab mingħajr drainage?
Billi l-familji l-oħra fi Triq il-President Anton Buttiġieġ, Zejtun għandhom is-servizz tad-drenaġġ, mgħoddi w hija l-aħħar biċċa tat-triq li tagħti għal Triq Xorb l-Għaġin (Żejtun) li hi bla estensjoni tad-drainage, possibli fl-aħħar jittieħdu passi biex din l-estensjoni tad-drainage issir għax dawn il-familj qed ibatu inkonvinjenza kbira?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-estensjoni msemmija għandha bżonn ta' xi 'easements' minn ġo l-għelieqi. Malli nirċievu l-'clearances' kollha meħtieġa, tkun tista' tinħareġ tender għax-xogħlijiet. Hu maħsub li dan ix-xogħol ikun inkluż fil-programm tax-xogħlijiet tad-Dipartiment tad-Drenaġġ għas-sena 2002.
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol hemm ippjanat fi Triq Hompesh, Zabbar/Fgura?
Jista' l-Ministru jagħti x'inhi l-pożizzjoni dwar dan ix-xogħol u dan wara rapporti li dehru f'ġurnali lokali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol ta` Triq Hompesch huwa essenzjalment xogħol ta` rikostruzzjoni tat-triq minn Triq San Tumas sal-mina ta` Hompesch.
Ix-xogħol fl-ewwel parti tal-proġett minn Triq San Tumas sa Triq is-Sur inbeda. Il-Kunsill Lokali qiegħed jitlob li jsir tibdil fis-sistema tat-traffiku fi Triq Hompesch minn Triq is-Sur sa Triq il-Karmnu li ma ġewx approvati mill-Awtoritajiet kompetenti, u minħabba f`hekk il-Kunsill Lokali talab il-ħruġ ta` Mandat ta` Inibizzjoni biex ix-xogħol ma jsirx.
Nirreferi wkoll għad-dokumenti li ġew mqegħda fuq il-mejda tal-kamra b'risposta għal mistoqsijiet parlamentari Nru. 27999 u 28000 fis-seduta Nru 598.
Il-każ għadu Sub-Judice.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed nagħti separatament ilha sena u xahrejn bla pensjoni wara li din l-anzjana ħallset lura is-somma ta' Lm 2601.56 centes fl-20 ta' April 2001 u billi wara li ħallset din is-somma il-flus kellha l-bank niżlu għall-Lm 3100 w allura kienet intitolata li terġa tirċievi l-pensjoni u minkejja dan u minkejja diversi ġiri minn uffiċju għall ieħor s'issa din għadha bla pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru W291.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqalgħu siġar mill-bitħa tal-Palazz tal-President, il-Belt?
Għalkemm wieħed ifhem li s-siġar setgħu kien qed jagħmlu l-ħsara fl-istruttura tal-bini, kien hemm alternattivi oħrajn minflok jinqalgħu dawn is-siġar?
Kemm għandhom żmien bejn wieħed u ieħor is-siġar li nqalgħu, kemm minnhom inqerdu? Sar attentat biex jiġi trasferiti għal x'imkien ieħor dejjem jekk dan kien possibli?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien nfurmat li nqalgħu tliet siġriet tal-varjeta' ficus nitida. Is-siġar kellhom anqas minn ħamsin sena. Ebda siġra ma nqerdet. Dawn tħawlu mill-ġdid fil-Karwija, limiti ta' Ħal Safi.
Ma kien hemm ebda għażla oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-iskop tat-Task Force li twaqqfet fil-PBS biex timplimenta pjan ta' ristrutturazzjoni fil-kumpanija? Jista' jagħti dettalji tax-xogħol li wettqet din it-task force u jekk ikkonkludietx ix-xogħol tagħha? Għamlitx xi rapport u x'se jsir fuqu? Jista' jgħid x'tip ta' ristrutturazzjoni beħsieba ssir u meta? Hemm xi żmien stipulat meta din ir-ristruturazzjoni għandha titlesta?
Response (GALEA, LOUIS)
Tul dawn l-aħħar snin saru diversi rapporti li għamlu proposti għar-ristrutturazzjoni tal-PBS Ltd.
It-Task Force li għaliha qed issir referenza, twaqqfet mill-PBS mhux biex tagħmel rapport ieħor iżda biex tgħin lill-Kumpanija twettaq il-proċess ta' ristrutturazzjoni li tant hu meħtieġ u li issa sar urġenti.
Fil-ġimgħat li għaddew it-Task Force iltaqgħet, f'diversi każi aktar minn darba ma' dawk kollha li għandhom interess fil-PBS: dawn kienu jinkludu l-Gvern, li huwa x-shareholder, il-Bord tal-Kumpanija, il-GWU kif ukoll l-Executives u l-Managers kollha tal-Kumpanija.
It-Task Force studjat ukoll il-proposti kollha li saru sa issa f'rapporti differenti.
It-Task Force għadha kif lestiet fażi importanti tal-ħidma tagħha peress li ressqet quddiem il-Bord tal-PBS u l-Gvern, proposti li għandhom jgħinu fit-twettiq ta' l-ewwel fażi tar-riforma. Issa sta għal Bord tal-Kumpanija u għall-Gvern, bħala x-shareholder, li jindikaw ir-rejazzjoni tagħhom għad-direzzjoni proposta mit-Task Force għar-ristrutturazzjoni.
Qiegħed dejjem aktar joħroġ ċar - u jidher li l-partijiet kollha jaċċettaw dan - li r-riforma li jinħtieġ li ssir fil-PBS trid tkun waħda maġġuri u radikali. Biex il-PBS ikollha futur, kif jixtieq kull min huwa nvolut, jinħtieġ li l-partijiet kollha interessati jaħdmu flimkien biex ibiddlu l-istrutturi preżenti u l-prattiċi tax-xogħol mill-qiegħ nett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti barranin bħalissa fl-Universita' ta' Malta? Jagħti lista ta' nazzjonalitajiet ta' dawn l-istudenti u x'korsijiet qed jagħmlu? Jista' jgħid x'inhuma l-kundizzjonijiet biex l-istudenti barranin jagħmlu korsijiet fl-Universita' ta' Malta? Jista' jgħid x'tip ta' permessi li jingħataw biex waqt li jsegwu l-kors jkollhom residenza f'Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti barranin li kienu qed jattendu l-Universita` ta' Malta fuq bażi full time matul is-sena akkademika li għaddiet kien ta' 447. Dawn ġew minn 72 pajjiż. Minbarra l-istudenti full time, l-Universita` irċeviet għall-ewwel darba fuq bażi ta' semester 95 student Ewropew taħt il-programm Socrates u 96 student ieħor fi skambji ma' u transfers minn universitajiet barranin. Lista tal-pajjiżi li minnhom ġew dawn l-istudenti u l-korsijiet li ħadu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Studenti barranin li jridu jsegwu korsijiet fl-Universita` ta' Malta bl-iskop li jottjenu grad mill-Universita` tagħna (jiġifieri dan ma japplikax għal min jiġi għal perjodu qasir) irid jissodisfa l-kwalifiki tad-dħul tal-kors li għalih jirreġistraw. Barra minn hekk iridu jħallsu l-miżata preskritta. Din l-informazzjoni tista' tinkiseb mill-katalgi tal-korsijiet u mill-website ta' l-Universita`. F'każ li l-istudenti barranin ma jkollhomx il-livell meħtieġ, għaliex f'pajjiżjom is-sistema edukattiva ma twassalhomx għal-livell tal-MATSEC, dawn ikunu imġiegħla jattendu 'Foundations Studies Course', li jdum sena, u jgħaddu mill-eżamijiet tiegħu qabel jitħallew jidħlu fil-kors propju. Studenti barranin għandhom bżonn ta' visa li tinħareġ mill-Uffiċju ta' l-Immigrazzjoni u li trid tiġġedded perjodikament skond ma jitlob dak l-Uffiċju.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-Enemalta tikkunsidra li tbiddel il-bozoz maqtugħa li hemm ħdejn il-maħżen tar-regatta f'Bormla u possibilment iżid xi bozza għax hemm ħafna dlam u ilu ħafna jsiru ilmenti minn dawk involuti fir-regatta?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli li tiġi msewwija l-kaxxa ta' l-ilma ta' Sant Antnin li hemm f'tal bidni u li hi magħrufa bħala l-kaxxar nru 3 li tinsab fl-għalqa tal-bidwi li d-dettalji tiegħu qed jidhru separatament għax ilha ħafna mkissra u l-bidwi konċernat ilu żmien twil jirrapportaha?
Possibbli l-Ministru ġentilment jara lil min hu responsabbli jsewwi din il-kaxxa fl-aqsar żmien possibli biex nevitaw aktar inkonvenjent u ġiri lil dan il-bidwi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ix-xogħol ta' manutenzjoni tal-kaxxa ta' l-ilma msemmija jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru ta' l-Ambjent.
Is-sezzjoni li tagħmel dan ix-xogħol taħdem b'koperazzjoni mad-dipartiment ta' l-Agrikoltura. Għaldaqstant saru l-kuntatti neċessarji u ninforma l-interpellant illi x-xogħol diġa' ġie spezzjonat u ngħatat il-konferma illi x-xogħol ser jibda fl-1 ta' Awissu, 2001.
Jista' l-Ministru gentilment jgħid kemm daħlu jaħdmu nies il-Freeport mill-1 ta' Mejju 2001 sal-lum? Fl-liema ġrad daħlu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li bejn l-1 ta' Mejju u t-23 ta' Lulju ta' din is-sena ġew impjegati tmienja u għoxrin ħaddiem ġdid mal-Korporazzjoni tal-Port Ħieles. Il-ħaddiema ġodda ġew impjegati bħala mechanics, student ħaddiem (għall-perjodu tas-sajf biss), general duties man, kok, assistant kok, skrivani u kontrolluri tas-sigurta'.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 27176, jista l-Ministru ta' l-anqas jgħid jekk sarux jew hux qed isiru investigazzjonijiet interni fil-Korp tal-Pulizija dwar l-allegat nuqqas min-naħa ta' l-uffiċjali tal-pulizija li mexxew il-prosekuzzjoni? S'issa bdew passi dixxiplinarji kontra xi uffiċjali tal-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
It-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27176, għadha tgħodd. L-Onorevoli Interpellant jifhem li m`għandu jingħad xejn li jista` jippreġudika proċeduri fil-Qorti. Bħal f`kull każ ieħor għaddejja investigazzjoni biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm xi nuqqas da parti ta` xi uffiċjal/i tal-Pulizija. F`każ li dan jirriżulta, min jinstab responsabbli jieħu l-kastig previst mill-Ordinanza tal-Pulizija.
Fid-dawl ta' rapporti li dehru fuq gazzetti lokali fosthom The Malta Independent tal-Ħamis, 5 ta' Lulju, paġna 1, dwar tfajjel li ittortura kelb billi ħarqu ħaj bi blow lamp, mingħajr ma jiżvela l-indentita' ta' dan it-tfajjel, jista' l-Ministru:
1. Jikkonferma jekk il-pulizija tal-lokal sarilhomx rapport dwar dan l-att ta' moħrija mill-aktar krudili?
2. Jekk iva, meta sar dan ir-rapport u meta deher fl-okkorenza?
3. X'passi ttieħdu? Ġew interrogati u/jew arrestati nies u x'kien l-eżitu
4. Tressaq jew hemm il-ħsieb li jitressaq xi ħadd l-qorti?
5. Saru xi rapport qabel fl-għassa tal-lokal dan l-inċident dwar dan it-tfajjel kif irraporta l-istess gurnal li dan t-tfajjel li kien involut f'atti oħra ta' moħqrija fuq l-animali u saħasitra theddid ta' tfal oħra?
6. Jekk ir-risposta għall-mistoqsija nru. 5 hija iva, meta saru dawn ir-rapporti?
7. Fid-dawl ta' l-investigazzjonijiet tagħha, il-pulizija ħasset il-bżonn li tivverifika fejn jattendi skola dan it-tfajjel biex tara jekk imurx regolarment u jekk aktar importanti, hux diġa qed jirċievi xi għajnuna minn xi psikologu?
8. Billi dan il-każ ta' moħqrija mill-aktar krudili fuq kelb qajjem ferment fost bosta nies speċjalment fost dawk li jħobbu l-annimali u fost il-media lokali, jista' l-Ministru gentilment iwieġeb id-domandi waħda waħda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li:-
Il-Pulizija tad-distrett nru. 2 daħħlilhom rapport dwar moħqrija fuq kelb fis-Siġġiewi nhar it-2 ta` Lulju, 2001.
Ir-rapport sar lill-Pulizija fit-2 ta` Lulju, 2001, għall-ħabta tat-3.00pm u daħlet okkorenza dakinhar stess.
Il-Pulizija tad-distrett marret fuq il-post ta` l-inċident fis-Siggiewi u investigat dan ir-rapport. Fuq dan l-inċident ġew mistħarrġa immedjatament tifel ta` 14-il sena u ieħor ta` 18-il sena. Saru anke tfittxijiet fir-residenza,
garage
u ġo vettura iżda dan ma rriżulta xejn fil-pożittiv.
Ser jitressqu żewġ persuni l-Qorti, tifel ta` 14-il sena u ieħor ta` 18-il sena. Dawn ser jitressqu mas-seduta tas-Siġġiewi.
Ma sarux rapporti oħra qabel dan l-inċident fuq moħqrija fuq annimali fid-distrett nru. 2.
L-investigazzjonijiet għadhom sejrin u dan it-tifel ta` 14-il sena ser jiġi mistħarreġ aktar mill-Pulizija flimkien ma`
Social Workers
mqabbda mill-
Education Department
qabel il-każ jiġi trattat fil-Qorti.
Jista' l-Ministru jgħid billi wasluli ilmenti minn persuni li irċivew ittri mill-Enemalta fejn tavzhom li se jissospendulhom is-servizz tad-dawl minħabba kontijiet pendenti u billi l-ittra hi iffirmata b'firma li ma tingħarafx u taħt hemm biss il-kliem customer desk possibli jittieħdu passi biex l-Enemalta tkun aktar customer friendly u meta tibagħt ittra jkollha l-isem, il-kunjom u l-grad miktuba b'mod car ta' min qed jibgħata ħalli jekk l-individwu jkollu bżonn jagħmel kuntratt jew jikteb lura jkun jaf lil min għandu jindirizza l-ilment jew l-ittra tiegħu?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex jingħata l-attenzjoni xierqa.
Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-proċeduri fil-qorti kontra tliet ħaddiema tat-tarzna li kienu akkużati li attakkaw tliet ġurnalisti waqt il-qadi ta' dmirijiethom f'dimostrazzjoni li saret mill-ħaddiema tat-tarzna fil-Belt f'Lulju tas-sena li għaddiet, jista' l-Ministru jgħid jekk hix għaddejja investigazzjoni fil-pulizija sabiex jiġi stabilit jekk l-uffiċjali prosekuturi mexxewx skond dmirijiethom il-proċeduri min-naħa tagħhom?
Jikkonferma l-Ministru li l-vittmi ta' dan ir-reat qatt ma ttellgħu l-qorti mill-prosekuzzjoni biex jixhdu?
Jikkonferma li l-uffiċjali prosekuturi lanqas biss ressqu bħala provi dikjarazzjonijiet ġuramentati min-naħa ta' dawk akkużati li fihom jammettu l-involviment tagħhom f'dawn l-inċidenti?
Jikkonferma li minkejja li kellha l-filmat ta' l-inċidenti, il-pulizija lanqas dawn ma ressqet bħala provi?
Qed jiġi stabilit jekk kienx hemm nuqqasijiet min-naħa ta' l-uffiċjali tal-pulizija li mexxew il-prosekuzzjoni?
Jek jirriżultaw nuqqasijiet, se jittieħdu passi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-proċeduri kriminali msemmija għadhom fi stadju ta` appell. Għaldaqstant ma nħossx li huwa prudenti li wieħed jikkummenta f`dan l-istadju.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli li l-Enemalta tieħu passi biex jiġu mibdula tlett bozoz li hemm maqtugħa fi Triq il-Gardiel, Wied il-Għajn (quddiem ir-Restaurant La Favorita) peress li din it-triq hi ferm mudlama u mhux l-ewwel darba li jkun hemm żagħżagħ li jaqilgħu l-inkwiet wara li joħorġu minn disco li hemm fil-vicinanzi?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru ġentilment jara ma' l-Enemalta jekk tistax issir bozza fi Triq l-Ikħal, San Tumas, Marsascala, għax din it-triq hi ferm mudlama minkejja li hi ferm abitata?
Billi din it-talba ilha tintalab għal żmien twil, anke permezz ta' mistoqsijiet parlamentari oħra tiegħi, possibbli li Enemalta tgħid jekk din il-bozza hux ser issir jew le għax hemm pressjoni ġusta mir-residenti biex din il-bozza issir?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk mara anzjana b'mezzi finanzjarji limitati li tgħix bil-pensjoni u li qed ikollha tixtri l-Adalat tablets għax pilloli oħra li kienet tingħata minflokhom mill-isptar qalulha li kienu qed jagħmlulha side effects u ġiet ordnata mit-tabib tagħha biex terġa' tibda tieħu l-Adalat minflokhom, hux possibbli li jipprovdulha l-Adalat mill-isptar għax qed ikollha tixtrihom, ladarba din l-anzjana hi intitolata għal mediċini b'xejn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li d-Drugs and Therapeutics Committee jeħtieġ id-dettalji tal-persuna kkonċernata f'din il-mistoqsija parlamentari, biex ikun jista` jistħarreġ il-każ. Barra minn hekk trid tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567 f'seduta 235.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk hux veru li hemm ħsieb li l-Maltacom titrasferixxi s-servizz tal-194 (overseas) għal Għawdex? Jekk hemm dan il-ħsieb, x'inhu l-iskop wara deċiżjoni bħal din? X'se jsir mill-ħaddiema tal-194 fl-eventwalita' li dan jiġi trasferit għal Għawdex?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-preżent il-Maltacom qed tistudja diversi alternattivi dwar it-tħaddim tas-servizz tal-194, fosthom it-trasferiment ta' dan is-servizz għal Għawdex. Id-deċiżjoni ser tkun bażata fuq parametri finanzjarji peress li d-domanda għal dan is-servizz dejjem qed tonqos.
Fl-eventwalita' li dan is-servizz ma jibqax jitħaddem mill-operaturi attwali, dawn l-impjegati jiġu allokati f'taqsimiet oħra tal-Maltacom skond il-ħtieġa.