Tista' il-Ministru tgħid għaliex f'każ ta' persuni bid-diżabilita' ta' autism mhumiex intitolati għall-affarijiet gluten freemeta 80% ta' dawn il-persuni jenħtieġu din it-tip ta' dieta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura biex persuna tapplika għall-impjieg bħala caretaker f'xi skola jew istituzzjoni oħra edukattiva?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li persuna tkun tista' tapplika fuq il-formola preskritta wara li jkun hemm sejħa għal applikazzjoni li tiġi pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern.
Jista' il-Ministru jgħid b'liema mod ġew identifikati s-siti fil-komunitajiet biex isiru l-bring-in sites? X'tip ta' konsultazzjoni saret mar-residenti, eċċ. konċernati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-WasteServ Malta Ltd talbet lill-Kunsilli Lokali jidentifikaw siti fejn jistgħu jiġu introdotti l-Bring-In Sites. WasteServ Malta Ltd ippreparat fuljett bħala gwida biex tassisti lill-kunsiili Lokali jidentifikaw is-siti skond l-Avviz Legali 152 ta` 2004. Dan sar minħabba li l-membri tal-Kunsill Lokali huma qrib ir-residenti tagħhom u jafu s-sitwazzjoni u l-problemi tal-lokalita` partikolari.
Wara li l-Kunsill jidentifika s-siti, dan jipproponihom lill-WasteServ Malta Ltd. Rappreżentant mill-WasteServ Malta Ltd iżur kull sit identifikat fejn wara tintefa applikazzjoni għand il-MEPA biex tiġi installata l-bring-in site. Fejn ir-rappreżentant tal-WasteServ iħoss li s-sit mhux adattat, jipproponi sit aħjar fil-viċinanzi. Kull sit li titpoġġa, ssir bil-permess tal-MEPA, l-ADT u finalment tal-Kunsill Lokali.
Huwa kompitu tal-kunsilli lokali li jaraw li kull decizjoni li tittiehed tkun fl-aqwa interess tal-lokalita` taghhom.
Fid-diskors tal-budget, il-Prim Ministru tkellem dwar ħames ċentri għal riċiklaġġ ta' skart goff u sussegwentement waqt il-konferenza għal Media wara dan id-diskors, fit-18 ta' ottubru, 2006, issemma l-Imrieħel bħala wieħed mis-siti magħżula għal dan iċ-ċentru, jista' għalhekk il-Ministru jagħti dettalji preċiżi, anke peremzz ta' site plan, dwar fejn eżatt se jkun dan is-sit?
Jista' jgħid ukoll xi studji dwar l-impatti fuq l-ambjent, tniġġis ta' l-arja, iż-żieda fit-traffiku u vetturi ta' natura industrijali, il-ħsejjes, l-irwejjaħ, eċċ. saru li jistgħu jolqtu l-areas ta' l-abitat, bħal per eżempju l-area residenzjali ta' Tal-Blat II f'Ħal Qormi?
Jista' għalhekk iqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-site plan u l-istudji li saru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sit għal Centri ta ġbir tà skart ġoff ser issir fiż-żona industrijali ta’ l-Imrieħel. Il-Permess ta’ dan iċ-ċentru diġa ġie approvat mill- Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) bin-numru PA 5170/04 maħrug fl-20 ta’ Marzu 2006.
Fil-proċess ta’ l-applikazzjoni l-Awtorita’ ikkonsultat mà l-entijiet kollha ikkoncernati fosthom id-dipartiment tas-Saħħa Pubblika, l-Awtorita’ dwar it-Trasport, u l-Awtorita ta’ Malta għar-Rizorsi. L-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjannar għamlet numru ta’ kundizzjonijiet biex taċċerta ruħha li l-iżvilupp ikollu l-inqas impatt possibli f’din iż-żona industrijali.
Tajjeb li jingħad li f’dawn iċ-ċentri jitpoġġa materjal ġoff u mhux fdalijiet tà ikel (bio-waste) u għalhekk m’għandux ikun hemm impatt tà rwejjaħ.
Fid-diskors tal-budget, il-Prim Ministru tkellem dwar ħames ċentri għal riċiklaġġ ta' skart goff u sussegwentement waqt il-konferenza għal Media wara dan id-diskors, fit-18 ta' Ottubru 2006, issemma Ħal-Luqa bħala wieħed mis-siti magħżula għal dan iċ-ċentru, jista' għalhekk il-Ministru jagħti dettalji preċiżi, anke permezz ta' site plan, dwar fejn eżatt se jkun dan is-sit?
Jista' jgħid ukoll xi studji dwar l-impatti fuq l-ambjent, tniġġis ta' l-arja, iż-żieda fit-traffiku u vetturi ta' natura industrijali, il-ħsejjes, l-irwejjaħ, eċċ saru li jistgħu jolqtu l-areas abitati f'Ħal-Luqa?
Jista' għalhekk il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' kemm site plan kif ukoll studji saru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill- Onor Marie Louise Coleiro Preca, li s-sit għal –Centru għal-Skart Ġoff ‘Civic Amenity Site’ li qiegħed propost f’ Ħal-Luqa, kif indikat fil-pjanta annessa għadha qed tiġi ikkunsidrata mill-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjannar u l-applikazzjoni iggib in-numru PA 3300/06
L-Awtorita’ bdiet il-proċess ta’ konsultazzjoni fuq l-imsemmija applikazzjoni.
Tajjeb li jingħad li f’dawn iċ-ċentri jitpoġġa materjal ġoff u mhux fdalijiet tà ikel (bio-waste) u għalhekk m’għandux ikun hemm impatt tà rwejjaħ.
Tista' il-Ministru tagħti l-interpretazzjoni li d-direttur tas-sigurta' soċjali għandu dritt li jagħti skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, Artiklu 2, tal-Kap tal-Familja (head of household) u ta' household?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Artikolu 2 ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali (Kap 318) jiddefinixxi l-kliem “familja” u “kap tal-familja” hekk: -
“"familja" tfisser persuna waħda li fl-opinjoni tad-Direttur tkun tabita waħedha jew żewġ persuni jew iżjed li fl-opinjoni tad-Direttur ikunu jabitaw flimkien bħala familja:
Iżda –
(
a
) għall-finijiet ta’ Għajnuna għal Mard mitluba dwar persuna li għandha ’l fuq minn sittin sena, flimkien ma’ martu jew żewġha, jekk ikun hemm, skond il-każ, u t-tfal u li ħadd minnhom ma jkun f’impieg assigurabbli jew persuna li taħdem għaliha nnifisha; u
(
b
) għall-finijiet ta’ Għajnuna għal Mard dwar skizofrenja kronika fir-rigward ta’ xi membru tal-familja li mhuwiex il-kap tal-familja jew martu, jekk ikun hemm, dawk il-persuni jew dawk il-koppji, għandhom, jekk ikun ta’ vantaġġ għalihom, jitqiesu bħala li jiffurmaw familja għal rashom:
Iżda wkoll għall-finijiet ta’ Għajnuna Medika bla ħlas mogħtija taħt dan l-Att, id-Direttur jista’, jekk iħoss li ċ-ċirkostanzi tal-familja hekk jeħtieġu, jeskludi mill-kompożizzjoni tal-familja kull persuna jew persuni li kieku kienu jiffurmaw parti minnha;”
“"kap ta’ familja" dwar familja li tkun ta’ żewġ persuni jew iżjed tfisser dik il-persuna li, fl-opinjoni tad-Direttur, tkun kap tal-familja;”
Ninsab infurmata li minn mindu ilhom fis-seħħ dawn id-definizzjonijiet mill-1996, Diretturi tas-Sigurta’ Soċjali suċċessivi, inkluz dak preżenti, interpretaw id-definizzjoni ta’ “familja” bħala mhux neċessarjament rabta b’konsegwenza ta’ żwieġ jew konsangwinita’.
Fir-rigward tad-definizzjoni ta’ “kap ta’ familja”, meta aktar minn persuna waħda tirresjedi fl-istess fond, id-Direttur għandu d-diskrezzjoni li jiddeċiedi min minnhom huwa l-kap tal-familja għal skopijiet ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali.
Ħal Qormi — Xogħlijiet f'Wied Inċita u Wied is-Sewda
Question
Jista' il-Ministru jagħti d-dati tal-ġranet tax-xogħol matul dawn l-aħħar xhur meta impjegati tad-dipartiment kienu qed jagħmlu xogħol ta' tindif, manutenzjoni u tiswijiet f'Wied Inċita u Wied is-Sewda f'Ħal Qormi? Jista' jagħti wkoll dettalji tax-xogħol li sar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li x-xogħol f'Wied Inċita sar minn nofs sa l-aħħar ta' Settembru 2006, filwaqt li x-xogħol f'Wied is-Sewda nbeda fil-bidu ta' Settembru 2006 u għadu sejjer.
F'Wied Inċita sar xogħol ta' tħammil ta' materjal minn ġewwa l-medda tal-wied ħdejn il-ġibjun li hemm wara l-isptar Monte Karmeli. Ix-xogħol kien jinkludi tneħħijja ta' materjal mit-triq li tagħti għal-ġibjun, twittijja ta' materjal u ħamrija madwar l-akwata tal-ġibjun, bini ta' sump u tiswijja ta' medda katusi biex jintela l-ġibjun.
F'Wied is-Sewda x-xogħol kien jikkonsisti fi tneħħijja ta' materjal mormi llegalment, tixmir ta' materjal li kien waqa' minn mal-ġenb tal-wied, tranġar u bini mill-ġdid ta' tlett ilqugħ ta' l-ilma li kienu ġarrbu ħsarat kbar. Qed jitkompla x-xogħol ta' tranġar u bini ta' l-aħħar żewġ ilqugħ oħra li hemm f'dan il-wied.
Jista' il-Ministru jgħid x'qiegħed iżomm biex ix-xogħol li ngħata b'tender sa minn Marzu ta' din is-sena biex issir Triq il-Qanpiena, Birkirkara għadu ma bediex? Jista' jgħid lil liema kuntrattur ingħata dan ix-xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt imsemmi jinkorpora l-bini ta’ Triq tal-Qattus, Triq il-Qanpiena u parti minn Triq is-Sisla.
Ix-xogħol imsemmi beda fis-27 ta’ Settembru fuq il-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Qattus. Il-proġett kollu mistenni jieħu madwar 15-il ġimgħa u dan ix-xogħol ingħata lill-General Co Ltd.
Jista' il-Ministru jgħid bl-iżvilupp tal-proġett park and ride jekk il-parking areas ġewwa l-Belt hux se jibqgħu għal dan il-għan? Jista' jgħid jekk il-parkers liċenzjati humiex se jkunu jistgħu jibqgħu jagħmlu x-xogħol li qed jagħmlu f'dawn il-parking areas li huma assenjati ġewwa l-Belt?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid xi pjani hemm għal speċi ta' triq li feġġet fuq Triq il-Wied, Ħal Qormi faċċata ta' Triq il-Ħammieri? Min hu responsabbli minnha, il-gvern ċentrali jew inkella hi xi inizjattiva privata? Jekk hi inizjattiva privata, hemm il-permessi meħtieġa? X'azzjonijiet qed jittieħdu biex il-ġebel u t-terrapien li hemm, u li faċilment jaqa' fil-wied, ifittex jitneħħa biex ma jkunx ta' periklu li jistad il-wied?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li din it-triq hija skemata mill-MEPA bħala triq u jeżistu permessi għal żvilupp ta’ bini ma’ din it-triq. It-taqsima ta’ l-infurzar tal-MEPA hi responsabbli sabiex tiżgura li kull żvilupp isir skond il-permessi u ma jitħalliex terrapien jew materjal ieħor minn min qed jiżviluppa.
B'riferenza għall-istatistika uffiċjali li ġiet ippubblikata fl-okkażjoni tal-jum internazzjonali ta' l-anzjani fid-29 ta' Settembru 2006, u peress li issa ilha s-snin ma tiġi aġġornata ċerta statistika soċjali, bħal per eżempju dwar il-faqar u l-eskluzzjoni soċjali għal din il-kategorija ta' ċittadini, jista' il-Ministru jagħti statistika soċjali aġġornata li tagħti indikazzjonijiet dwar il-qagħda finanzjarja u soċjali ta' l-anzjani Maltin u Għawdxin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ġbir ta' din l-istatistika ma taqax taħt il-Ministeru tas-Saħħa. Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ushers tat-Teatru Manoel li ilhom snin kbar, uħud anke aktar minn 30 sena, jaħdmu part-time f'dan ix-xogħol ġew informati li s-servizzi tagħhom m'għadhomx meħtieġa fit-teatru?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-Teatru Manoel minn din is-sena daħal fi ftehim mad-Dipartiment ta’ l-Istudji Teatrali ta’ l-Universita' ta' Malta, liema ftehim jinkludi li studenti ta’ dan id-dipartiment jagħmlu wkoll xogħol fit-Teatru Manoel. Dan għandu jservi sabiex jagħti opportunita' liż-żaghżagh tagħna li jaħdmu fi spazji kulturali bħala parti mill-formazzjoni tagħhom. It-Teatru Manoel qatt ma qal li s-servizz ta' l-ushers li kien hemm qabel m’għadux meħtieg, iżda qal illi dan mhux se jibqa jiġi mitlub fuq bażi regolari bħal qabel.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal- Kamra kopja ta' l-ittra li t-Teatru Manoel bagħat lill-dawn l-individwi biex jirringrazzjahom tas-servizz twil li taw lit-Teatru u biex jinfurmom b’ dawn l-arranġamenti ġodda.
Tista' il-Ministru tagħti tagħrif dwar il-proċedura li biha tinħadem il-pensjoni ta' dawk ir-romol nisa li jkunu għamlu snin biżżejjed jaħdmu u ħallsu biżżejjed kontribuzzjonijiet tas-sigurta' soċjali biex jieħdu l-penjoni ta' 2/3, iżda mbagħad jormlu u jsiru l-aġġustamenti minħabba dan l-istat ta' fatt? Tista' tgħid x'pensjoni mbagħad jieħdu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Persuna li tormol għandha, xorta waħda, tagħmel talba għall-Pensjoni tar-Romol anki jekk tkun diġa qed tirċievi pensjoni kontributorja tas-Sigurta' Soċjali fuq il-kontribuzzjonijiet imħallsa minnha.
L-istess japplika għal persuna li tkun qed tirċievi Pensjoni tar-Romol u tilħaq l-eta' ta' l-irtirar jekk tkun ħallset kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali hi personalment.
Fiż-żewġ każijiet id-Dipartiment jistabbilixxi r-rati dovuti taħt iż-żewġ kategoriji ta' pensjonijiet u l-persuna konċernata jkollha dritt li tagħżel liema tkun l-ogħla.
Jista' il-Ministru jgħid jekk is-sezzjoni tal-mastrudaxxi f'St. Luke's hijiex se tiġi trasferita fl-isptar Mater Dei?
Jista' jgħid jekk huwiex minnu li l-impjegati fit-taqsima tal-mastrudaxxi f'St. Luke's qed ikollhom isewwu għamara maħduma mill-kuntrattur?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-diskussjonijiet f'kull livell fis-settur tas-servizzi dwar l-aħjar użu tar-riżorsi umani għall-Isptar Mater Dei għadu għaddej.
Xi għamara ilha tinħadem minn diversi kuntratturi għal dawn l-aħħar għaxar snin speċjalment meta jsir refurbishment ta' swali.
Għamara oħra tinħadem mill-impjegati stess fit-taqsima tal-mastrudaxxi.
Dawn l-impjegati isewwu, meta jkun hemm il-bżonn, kemm l-għamara magħmula minnhom kif ukoll għamara magħmula minn diversi kuntratturi.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex is-sezzjoni tat-tapezzara f'St Luke's ġiet żmantellata? Kemm qed jiġi jiswa x-xogħol li qed jingħata lill-kuntrattur? Per eżempju, matul is-sena 2006 b'kemm ingħata xogħol? Liema kuntratturi
ħadu x-xogħol matul l-2006?
Jista' il-Ministru jagħti t-tagħrif b'mod separat għall-isptar St Luke's u San Vincenz de Paule?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Workshop tat-tapezzara fl-Isptar San Luqa ġie meħud biex jintuża bħala extension għal boiler room. In-numru ta' ħaddiema li kienu jaħdmu hemm kien ta' ħamsa. Wieħed kien supervisor u l-erbgħa l-oħra ma kellhomx grad ta' tapezzara. Is-supervisor ġie trasferit f'post ieħor fl-istess grad ta' supervisor. Wieħed mil-erbgħa ħaddiema ġie trasferit għal punch room u t-tlieta l-oħra irtiraw għax waslu għall-eta' tal-pensjoni. Sa 29 ta' Settembru ta' din is-sena intefqu Lm1,761.15c f'tiswijiet u xogħlijiet ta' tapezzerija.
It-tapezzar awtoriżat mil-Medical/General Stores biex jagħmel ix-xogħol huwa Mr.Michael Grima.
Tajjeb li wieħed jinnota li biex kien issir ix-xogħol ta' tapizzerija għal San Luqa wieħed irid jikkunsidra s-salarju tal-ħames ħaddiema kif ukoll l-ispejjeż għal-materjal li bla dubju jissupera l-ammont li s' issa ġie mħallas.
Ninforma ukoll li s-Sezzjoni tat-tapezzara f'San Vinċenz de Paul, kienet komposta minn żewġ Hospital Auxiliaries li wieħed minnhom biss kellu s-sena ta' tapezzar.
Peress li dan ta' l-aħħar ħa appointment ta' supervisor ġie assenjat xogħol relatat ma' l-appointment il-ġdid u għaldaqstant ma kienx hemm min jagħmel ix-xogħol ta' tapezzar li jirrikjedi li jkollu l-istess sena.
Wara li ħarġu quotations f'Marzu 2006, kien hemm offerta waħda biex dan ix-xogħol jsir barra. Dan il-kuntrattur jismu Louis Mifsud.
Bejn Marzu 2006 u Settembru 2006, dan il-kuntrattur tħallas is-somma ta' Lm1,595.
Tista' il-Ministru tgħid xi kriterju intuża għall-għażla għal mili tal-vakanza ta' social worker? Kemm kien hemm applikazzjonijiet għal din il-vakanza? X'kienu l-kwalifiki ta' l-applikanti? L-applikanti kollha ġew mogħtija l-opportunita' ta' orientation? Għaliex minn Novembru 2005, minn meta ħarġu l-applikazzjonijiet, għaddew xhur sħaħ biex ġew finalizzati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellanti tikkonferma jekk hiex qed tirreferi għall-applikazzjonijiet għall-mili ta' vakanza ta' social worker mal-Programm Fejda jew mal-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali.