Legislature:
Category:
Reset
Active:

Taxxa fuq l-Income

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex armel li għandu tlett itfal u ma jaħdmux huwa meqjus għal finijiet tat-taxxa fuq l-income bħala single?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħlas tat-taxxa fuq l-income isir skond il-provvedimenti ta’ l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income, Kap123.

Tindif tal-widien

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi d-differenza bejn tindif tal-widien u tixmir tal-materjal fil-widien? Jista' jgħid jekk hux tindif jew tixmir tal-materjal sar f'Wied is-Sewda u f'Wied il-Kbir, Ħal Qormi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li t-tindif fil-widien isir fejn jirrigwarda skart goff u materjal ieħor li jintefa minn individwi rresponsabbli. It-tixmir isir biex jinżamm l-ilma għall-livell normali u biex jipproteġi milli l-ilma jippenetra f’ħitan, kif ukoll jipproteġi r-raba tal-madwar mill-għargħar. Dan isir biex jifforma kanal sabiex l-ilma jieħu direzzjoni. Fil-widien imsemmija sar kemm tindif minn materjal mormi kif ukoll tixmir.

Każ ta' housing

Question

Tista' il-Ministru tgħid f'liema parti tal-proċess qiegħed il-każ ta' housing soċjali tal-familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u dan peress li qed ikollhom iħallsu Lm160 fix-xahar li hija prattikament impossibbli biex ilaħħqu mal-bżonnijiet normali tal-ħajja, iżda m'għandhomx alternattiva biex ma jispiċċawx bla saqaf fuq rashom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li rreferiet għaliha l-Onor. Interpellanti qed tiġi proċessata flimkien ma’ oħrajn simili.

Membri ġodda fil-korp tal-pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern hux jippjana li jingaġġa pulizija ġodda? Jekk iva, għal meta hu ppjanat? Jista' jgħid ukoll x'inhuma l-kwalifiki akkademiċi li applikant għal xogħol ta' pulizija għandu jkollu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-reklutaġġ fil-Korp tal-Pulizija jsir kull meta l-eżiġenzi tas-servizz ikunu hekk jirrikjedu. Dan ir-reklutaġġ isir wara li tkun pubblikata, fil-Gazzetta tal-Gvern, sejħa għall-applikazzjonijiet li fiha jkun hemm spjegat ukoll il-kwalifiċi meħtieġa sabiex wieħed ikun jista' japplika. Infurmat ukoll illi bħalissa hemm 135 rekluta li qed jagħmlu l-kors ta' taħriġ komprensiv fl-Akkademja tal-Pulizija wara sejħa għall-applikazzjonijiet li kienet ġiet pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tas-17 ta' Marzu 2006, u li fost il-kwalifiċi rikjesti kienu meħtieġa li l-applikanti jkollhom ta' l-anqas 'pass' fi grad ta' C jew 5, f'mhux anqas minn 3 suġġetti f'livell Ordinarju, li tnejn minnhom iridu jkunu fil-Malti u fl-Ingliż.

Ċentri għal riċiklaġġ ta' skart goff

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21460, jista' jekk jogħġbu l-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-istudji mitluba fuq l-impatt dwar l-aspetti differenti ta' l-ambjent imsemmija, bħal tniġġis ta' l-arja, żieda fit-traffiku u vetturi ta' natura industrijali, ħsejjes, eċċ.?

Response (PULLICINO, GEORGE)

It-tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Trobbija tal-majjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk permess għat-trobbija tal-majjali jistax jiġi trasferiet minn persuna għal oħra u minn razzett għall-ieħor? Jista' jgħid jekk il-kwoti tal-majjal spiċċawx? Jista' jgħid għaliex is-sussidju ma ngħatax kollox, jiġifieri Lm120 fuq kull ras u ngħataw Lm30 fuq kull ras?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-permess tat-trobbija tal-majjal jista' jiġi ttrasferit minn fuq persuna għal oħra kif ukoll minn fuq razzett għal ieħor basta jkun hemm il-permessi kollha meħtieġa. Rigward il-kwoti, kull bidwi għandu kwota għat-trobbija tal-majjal. Fir-rigward tas-sussidji, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema sussidji qiegħed jirreferi.

Ħal Qormi — Żbroff ta' Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qiegħed isir, jew għallinqas x'se jsir, min-naħa tal-gvern dwar id-drenaġġ li qed joskula fil-bidu ta' Triq l-Għargħar f'tarf Triq il-Wied Ħal Qormi, li qed jikkawża mhux biss irwejjaħ u insetti iżda detriment serju għal saħħet ir-residenti fl-area u għal kulmin jaħdem u jgħaddi mill-akkwata? Jista' jordna li jsiru spezzjonijiet fuq il-post fejn ir-residenti jiġu mistoqsija dwar dak li qed jiġri, u dan peress li huwa importanti li jindikaw eżattament il-post fejn dan il-leak ta' drenaġġ qed jiżbroffa u peress li uffiċjali li ma jkunux midħla ta' l-akwata tkun diffiċli li jidentifikaw il-post eżatt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ħal Qormi — Twessiegħ ta' Triq

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta l-kantuniera fi Triq San Ġwakkin, kantuniera ma' Triq Valletta, f'Ħal Qormi, se tiġi mwessa skond il-linja tat-triq li diġa' teżisti, u dan biex jiġi megħlub il-periklu ta' blind corner, eċċ.?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Qrati — Kawżi li jittrattaw kustodja ta' tfal

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kawżi li jittrattaw kustodja ta' tfal, bejn ġenituri li n-nazzjonalita' tagħhom hija Maltija u Ingliża, u li jiġu deċiżi fil-Qrati ta' Malta, jorbtux legalment fl-Ingilterra?

Response (BORG, TONIO)

Bħal kważi f'kull każ ta' materja ġudizzjarja ma jkunx possibli li tingħata risposta naħa jew oħra b'mod ġenerali għaliex kull każ irid jiġi evalwat u deċiż skond iċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu. Li jista' jingħad hu li bħala regola l-Qrati tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropeja jirrikonoxxu reċiprokament id-deċiżjonijiet ta' xulxin iżda dan hu wkoll soġġett għall-prinċipju li l-interess tal-minuri jirbaħ fuq kull konsiderazzjoni oħra.

Każ ta' housing

Question

Tista' il-Ministru tgħid fiex wasal il-każ ta' housing soċjali tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li minkejja li ntalbet l-istess informazzjoni mid-direttur tad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali, l-unika tweġiba li ntbagħtet kienet biss acknowledgement, u dan peress li l-persuna in kwesjtoni tinsab imkeċċija mir-residenza li qed taqsam ma' oħrajn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.

Uffiċjali tad-dwana

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid, b'riferenza għal każ ta' tkeċċija ta' dan l-aħħar ta' żewġ uffiċjali tad-dwana, jekk il-persuni li attwalment evadew il-ħlas ta' dazju humiex se jiġu prosekuti? Jista' jgħid jekk hemmx aktar uffiċjali tad-dwana in konnessjoni ma' dan il-każ li se jittieħdu passi dixxiplinarji kontrihom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Siġġiewi — Triq f'Ta' Brandin

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jiftaħ it-triq f'Ta' Brandin, is-Siġġiewi biex din il-parti tkun tista' tingħaqad maċ-ċentru tal-lokal? Jekk iva, xi pjani hemm u għal meta? Jekk le, għaliex?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Female Genital Mutilation

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'se jagħmel il-gvern biex jilqa' għall-prattika kulturali li teżisti fil-pajjiżi ta' Lvant ta' l-Afrika, i.e. fosthom Somalia, Etiopia, Eritrea u Sudan, jiġifieri l-female genital mutilation, f'każ li dan jibda iseħħ f'Malta? Jista' jgħid jekk qattx kien hemm xi każ li ġie rrapportat? Qiegħed jippjana l-gvern leġislazzjoni bħal kif għamlu Franza, l-Isvizzera, l-Isvezja, l-Ingilterra u l-Iskozja biex iqiegħed il-female genital mutilation fil-kodiċi kriminali Maltija bħala reat?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Part-Timers — Aġġustament fil-Bolla

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm huwa previst li se jkun hemm benefiċċjarji li se jgawdu mill-aġġustament fil-bolla tal-part-timers li huwa l-uniku impjieg tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li mill-1998 ir-responsabbilita' għall-ġbir ta' kontribuzzjonijiet taqa' taħt il-Kummissarju tat-Taxxi Interni. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellanti biex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Prim Ministru.

Minimum Wage Farmers

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid il-minimum wage farmers minn xiex iggwadanjaw f'termini ta' miżuri fiskali mħabbra fil-budget, i.e. x'se jibqagħlu fil-but?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fid-diskors tal-budget għas-sena 2003 kienu tħabbru mizuri fiskjali ġodda biex inaqqsu t-taxxa dovuta mill-bdiewa fuq id-dħul tagħhom mill-biedja. Il-mizuri kienu jikkonsistu fi skema, introdotta wara diskussjonijiet u konsultazzjonijiet estensivi mal-bdiewa u r-rapprezentanti taghhom, li permezz tagħha l-bidwi seta’ jagħzel li jiġi ntaxxat bir-rata ta’ 3% fissa u finali fuq il-prezz tal-bejgħ. Biex ikun zgurat li din l-iskema ma taffettwa ħazin lil ħadd, tħalliet ukoll il-possibilta’ li l-bidwi jagħzel, jekk irid, li jibqa’ ntaxxat kif kien fis-snin ta’ qabel. Din l-iskema tgħodd għall-bdiewa full time kif ukoll dawk part time, u allura tolqot ukoll lil dawk li għandhom dħul izjed baxx. Għalhekk bidwi li qed jaħdem skond ir-regoli tal-part-time jista’ jagħzel li jiġi ntaxxat jew bil-15% fuq il-qligħ jew bit-3% fuq il-bejgħ, skond kif jaqbillu. Din l-iskema mhux biss twassal għat-tnaqqis ta’ taxxa izda wkoll isserraħ moħħ il-bidwi li jaf mill-ewwel kemm se jħallas taxxa fuq il-bejgħ kwalifikanti mingħajr ħafna karti u ħafna kalkoli.

Park & Ride — Aċċess għal persuni b'diżabilita'

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk persuni b'diżabilita' hux se jkunu jistgħu jidħlu l-Belt mingħajr restrizzjoni finanzjarja meta jibda jopera l-proġett tal-Park & Ride?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li s-servizz tal-Park and Ride fejn vetturi jitħallew f’Belt il-Ħażna u jintuża servizz ta’ shuttle bus lejn il-Belt huwa b’xejn. Uħud mix-shuttle buses ser ikunu attrezzati lijakkomodw persuni b'wheelchair. Fil-każ tas-sistema tal- Controlled Vehicular Access fil-Belt, persuni li għandhom diżabilita’ u jaħdmu l-Belt ħa jkunu eżenti minn kull ħlas. Persuni li llum jgawdu mill-eżenzjoni tal- V licence minħabba diżabilita ħa jingħataw kreditu ta’ Lm20 fuq il-kontijiet tas-sistema.

Assistenza supplimentari

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm benefiċċjarji li jieħdu l-assistenza supplimentari u skond ir-rati differenti, jiġifieri dik minima u dik massima?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-total ta' benefiċċjarji għall-Għajnuna Supplimentari (SPA) sas-07 ta' Ottubru 2006 jammonta għall-25,951. Il-benefiċċju huwa "means tested" u r-rata massima għall-persuna miżżewġa hi dik ta' Lm2.69 fil-ġimgħa. Ir-rata massima ta' persuna li tgħix waħedha hi dik ta' Lm1.44 fil-ġimgħa. Ir-rati jvarjaw bejn il-minimu u l-massimu skond il-qliegħ ta' l-applikanti. L-inqas rata mogħtija kienet dik ta' Lm1.20,2 fil-ġimgħa u din ingħatat lil 11-il applikant. L-ogħla rata għal persuna li tgħix waħedha (Lm1.44 fil-ġimgħa) ingħatat lil 8,378 applikant. Filwaqt li l-ogħla rata għall-applikant miżżewweġ (Lm2.69 fil-ġimgħa) ingħatat lil 887 applikant. Il-bqija ta' l-applikanti għall-Għajnuna Supplimentari ngħataw il-benefiċċji mqassma bejn il-minimu u l-massimu kif indikat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Immigranti Irregolari

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm mill-immigranti irregolari, refuġjati u/jew residenti f'Malta ta' oriġini Somala, Etjopika, Eritrejana u Sudaniża (numru) nisa u bniet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 199 persuna (nisa 'l fuq minn 18-il sena) oriġinarji tal-pajjiżi indikati fil-Mistoqsija li għandhom karta ta' l-identita' bħala residenti f'Malta, skond l-Att dwar il-Karta ta' l-Identita' (Kap. 258). Dawn huma mqassma hekk:- Eritrej 87 Etijopiċi 31 Somali 72 Sudaniżi 9 Hemm ukoll 6 nisa u 2 bniet Somali li qegħdin fl-open centre immexxi mill-Pulizija. L-informazzjoni dwar dawk fil-closed centres immexxija mill-AFM hija s-segwenti:- Nazzjonalita'NisaBniet Eritrej192 Etijopiċi101 Somali512 Sudaniżi1xejn Total815 Hija l-fehma ta' l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati li, peress li n-numru ta' refuġjati f'Malta huwa relattivament żgħir u artna hija ċkejkna, ikun iktar għaqli, speċjalment għall-aħjar sigurta' tar-refuġjati nfushom, jekk ma jingħadx pubblikament mill-liema pajjiżi huma ġejjin ir-refuġjati li għandna fostna. Dwar dawk li jinsabu f'ċentri oħra, nitlob lill-Onor. Interpellanti biex tirreferi lill-Ministru ikkonċernat.

Ċentru ta' riċiklaġġ ta' skart goff

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21459 tat-23 ta' Ottubru 2006, jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-site plan taċ-ċentru tar-riċiklaġġ ta' skart goff li se jitwaqqaf fl-Imrieħel u l-istudji li saru kif ġie mitlub f'din l-istess mistoqsija u b'konformita' mat-tagħrif li ngħata fit-tweġiba, fejn intqal: L-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għamlet numru ta' kondizzjonijiet biex taċċerta ruħha li l-iżvilupp ikollu l-inqas impatt possibbli f'din iz-zona industrijali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra id-dokumenti mitluba.