Jista' l-Ministru jgħid issa li l-pilloli kontra l-kolesterol reġgħu bdew jingħataw lill-anzjani, jekk hemmx xi kriterji partikolari biex dawn jingħataw, bħal per eżempju hux qed jingħataw lil min għandu kondizzjoni tal-qalb, jew inkella hux jingħataw lil kulħadd immaterjalment jekk jeżistux xi kondizzjonijiet oħra mediċi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kif ġie mgħarraf lill-istampa nhar it-13 ta' Novembru 2006, il-mediċini kontra l-kolesterol qiegħda tingħata b'xejn lil dawk kollha li għandhom livell ta' kolesterol (LDL) jaqbes 4.1mmol/L.
Barra minn hekk, pazjenti li jbagħtu minn nuqqas ta' ċirkolazzjoni fil-qalb u li soffrew minn xi attak tal-qalb, jew li għamlu Percutaneous Coronary Intervention, jew Coronary Artery Bypass, huma ntitolati għall-Istatin anki jekk il-livell tal-kolesterol f'demmhom huwa baxx.
Ċentri tas-saħħa — Anzjani li marru biex jaqtgħulhom difrejhom
Question
Jista' il-Ministru jgħid għaliex anzjani li marru f'xi health centres biex jintqatgħulhom difrejhom, ġew informati li dan is-servizz m'għadux jingħata jekk l-anzjan/a ma jkunx għalaq il-75 sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 20257 li twieġeb il-parti kbira tal-Mistoqsija. Nixtieq inżid magħha li l-podoloġisti offrew li jkomplu jaqtgħu difrejn l-anzjani li jkunu għalqu l-75 sena anke saħansitra jekk dawn ma jbatu mill-ebda kundizzjoni patoloġika f'riġlejhom jew mard ieħor.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi s-sistema mħaddma biex persuna tapplika mad-dipartiment ta' l-edukazzjoni biex tkun tista' tagħmel xogħol ta' invigilation waqt l-eżamijiet?
Jista' jgħid x'inhuma l-kriterji mħaddma mid-dipartiment biex jintgħażlu dawn il-persuni għal xogħol ta' invigilation?
Jista' jikkonferma li d-dipartiment mhux jaċċetta applikazzjonijiet ġodda għal dan ix-xogħol għaliex jingħad lil dawk li jkunu jixtiequ japplikaw li d-dipartiment m'għandux bżonn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet jagħżel l-invigilators minn fuq lista ta' persuni ta' kompetenza u esperjenza pruvata. Min għandu l-kwalifiki għal din il-funzjoni jista' jinforma b'dan lid-Direttur ta' l-Eżamijiet.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-plots (in-numru tal-plots) ta' art fi Triq id-Dragun, Ħal Qormi u t-toroq ta' biswit li ġew mogħtija mill-gvern biex jinbew id-djar u li sal-lum l-art għadha ma ġietx akkwistata mill-gvern?
Jista' jgħid x'inhuwa t-titolu legali ta' dawn il-familji li kienu ngħataw dawn il-plots madwar 25 sena ilu u sal-lum għadhom fuq konvenju?
Jista' jgħid x'inhuma l-implikazzjonijiet legali għal dawn il-familji jekk, per eżempju jiġu biex ibiegħu d-dar li bnew fuq din l-art mogħtija mill-gvern u li sal-lum għadha mhijiex akkwistata?
Response (BORG, TONIO)
Infurmat li l-plots f'Ħal Qormi li ġew mogħtija mill-Gvern biex jinbnew djar fit-toroq li għamlet referenza għalihom l-Onorevoli Interpellanti, u li għadhom fil-proċess ta' esproprju huma plots 91 sa 102 fi Triq ir-Rignu, 103 sa 109 fi Triq id-Dragun, 110 sa 117 fi Triq il-Plejju, 118 sa 125 fi Triq is-Sagħtar u 126 sa 134 fi Triq ir-Rignu ukoll.
L-għotja ta' dawn il-plots sabiex jinbnew djar kien proċess immexxi mill-Awtorita' tad-Djar. Peress li l-proċess ta' esproprju tal-art in kwistjoni għadu mhux iffinalizzat dawn il-plots ma jistgħux jiġu ttrasferiti lill-Awtorita' tad-Djar sabiex din tkun tista' tiffinalizza kuntratt ta' ċens favur il-benefiċċjarji, li minflok għandhom konvenju mal-istess Awtorita'. Dwar l-implikazzjonijiet legali f'każ li jkun ser isir xi trasferiment, l-Onorevoli Interpellanti hija mitluba tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali li huwa responsabbli mill-imsemmija Awtorita'.
Nieħu pjaċir ninnota li bis-saħħa ta' l-emendi li saru għall-Kap 88 li ġew fis-seħħ fl-2003, 47 plot f'Ħal Qormi saru proprjeta' tal-Gvern u b'hekk setgħu jiġu trasferiti lill-benefiċċjarji li kienu fuq konvenju, wara li l-istess plots ġew trasferiti lill-Awtorita' tad-Djar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx saru testijiet għal kwalita' ta' l-arja fi Triq Ħal Qormi, Ħal Luqa u dan minħabba d-dħaħen u emissions oħra li r-residenti fl-area ikollhom isofru minnhom minħabba t-traffiku qawwi li jgħaddi minn hemm?
Jekk saru testijiet ta' din ix-xorta, jista' jgħid x'kienu r-riżultati u x'passi qed jittieħdu biex jitnaqqsu d-dħaħen?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-programm ta moniteraġġ passiv li tmexxi l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ikopri wkoll dawk l-inħawi, fil-fatt hemm żewġ punti ta` moniteraġġ fit-truf rispettivi ta’ Triq Ħal Qormi, li huma fi Triq Dun G.Micallef (Luqa) u Triq Manwel Dimech (Qormi). Dawn huma punti fissi bħala parti mid-diffusion tube monitoring programme li jkopri tliet toroq għal kull 44 lokalità f'Malta u f’Għawdex.
Ninsab ukoll infurmat li l-livelli ta’ tniġġiż minn dawn il-lokalitajiet mhumiex ta’ livelli għoljin iżjed mis-soltu u ma jaqbżux il-limiti tad-direttivi tal-kwalità ta’ l-arja u dawk ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.
Jista' l-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw meta ġie deċiż li studenti li l-familja tagħhom tgħix bl-għajnuna soċjali u japplikaw għall-eżamijiet ta' l-A Level u ma jiġux eżenti minħabba li jkunu qed jieħdu l-istipendju, meta l-istipendju suppost jingħata minħabba l-ispejjeż kurrenti ta' l-istudju fil-kors u meta wkoll l-istess stipendju jingħata bl-istess qies lil studenti li m'għandhomx l-istess sitwazzjoni ħażina finanzjarja bħal dawn?
Ma jidhirlux li dawn iż-żgħażagħ b'limitazzjonijiet finanzjarji mhux qed ikunu megħjuna bl-istess qies ta' dawk li m'għandhomx l-istess problemi finanzjarji?
Jista' jgħid jekk hux beħsiebu jbiddel din il-proċedura u jintroduċi miżura simili għal dik li diġa' teżisti fejn jidħlu l-eżamijiet tal-Matsec O Level għal dawn l-istudenti li għandhom mezzi finanzjarji limitati?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif għadu ma wasallix fl-uffiċju tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22164 u jgħid meta l-kantuniera fi Triq San Ġwakkin, kantuniera ma' Triq Valletta, f'Ħal Qormi, se tiġi mwessa skond il-linja tat-triq li diġa' teżisti, u dan biex jiġi megħlub il-periklu ta' blind corner, eċċ.?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li saret spezzjoni fuq il-post minn uffiċjali tal-ADT u beda l-proċess sbiex tiġi rranġata din il-junction. Sadanittant ser isiru sinjali ta' stop fit-tarf ta' Triq San Ġwakkin.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21814 u jgħid jekk jistax jgħid kemm nefaq il-gvern biex eżenta 13,000 familja mis-surcharge fuq id-dawl u l-ilma matul is-sena 2006?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21831 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'se jagħmel il-gvern biex jilqa' għall-prattika kulturali li teżisti fil-pajjiżi ta' Lvant ta' l-Afrika, i.e. fosthom Somalia, Etiopia, Eritrea u Sudan, jiġifieri l-female genital mutilation, f'każ li dan jibda iseħħ f'Malta?
Jista' jgħid jekk qattx kien hemm xi każ li ġie rrapportat?
Qiegħed jippjana l-gvern leġislazzjoni bħal kif għamlu Franza, l-Isvizzera, l-Isvezja, l-Ingilterra u l-Iskozja biex iqiegħed il-female genital mutilation fil-kodiċi kriminali Maltija bħala reat?
Response (BORG, TONIO)
Huwa diġa' reat kriminali li wieħed jagħmel mutilazzjoni ġenitali tat-tip imsemmi mill-Onor. Interpellant, għalkemm ma jeżistix reat speċifiku fuq hekk; iżda dil-mutilazzjoni taqa' taħt ir-reat ta' offiża fuq il-persuna.
Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant li jkun hemm reat speċifiku jiġi kunsidrat.
Qatt ma ġie rapportat lill-Pulizija xi reat ta' dan it-tip.
Jista' il-Ministru jgħid, issa li tħabbar li se jinbena foot bridge fi Triq is-Sebħ, Ħal Qormi (il-bypass ta' l-Imrieħel), jekk qabel ittieħdet din id-deċiżjoni min-naħa ta' l-awtoritajiet ġewx ikkonsidrati t-twaħħil ta' pelican lights kif hemm proprju fil-bidu ta' din it-triq min-naħa ta' Ħ'Attard, biex min ikun se jaqsam ma jkollux għalfejn jitla' turġien u wkoll din il-faċilita' tkun tista' taqdi aħjar lil dawk li jista' ikollhom problemi ta' mobilita'?
Jista' ukoll il-Ministru jgħid ma' min ikkonsultaw l-awtoritajiet qabel ma ħadu d-deċiżjoni li jinbena foot bridge?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm nefaq il-gvern biex eżenta 13,000 familja mis-surcharge fuq id-dawl u l-ilma matul is-sena 2006?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub ser jingħata mill-Ministru għall-Investiment, Industrija u t-Teknoloġija ta’ l-Informatika fi tweġiba għall-mistoqsija simili bin-numru 22680 magħmula lilu mill-Onor Interpellant.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21766, li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex f'każ ta' persuni bid-diżabilita' ta' autism mhumiex intitolati għall-affarijiet gluten freemeta 80% ta' dawn il-persuni jenħtieġu din it-tip ta' dieta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li prodotti gluten free jingħataw b'xejn biss lil min ibagħti minn Coeliac Disease li hija waħda mill-mardiet kroniċi elenkati fl-Iskeda V tal-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Il-marda tal-Autism mhix waħda mill-mardiet f'din il-lista u għalhekk min ibagħti minnha mhux intitolat.
Jista' il-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21802 cioe' jista' jgħid kemm huwa previst li se jkun hemm benefiċċjarji li se jgawdu mill-aġġustament fil-bolla tal-part-timers li huwa l-uniku impjieg tagħhom, bil-miżura introdotta fil-budget?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'qiegħed isir, jew għallinqas x'se jsir, min-naħa tal-gvern dwar id-drenaġġ li qed joskula fil-bidu ta' Triq l-Għargħar f'tarf Triq il-Wied Ħal Qormi, li qed jikkawża mhux biss irwejjaħ u insetti iżda detriment serju għal saħħet ir-residenti fl-area u għal kulmin jaħdem u jgħaddi mill-akkwata?
Jista' jordna li jsiru spezzjonijiet fuq il-post fejn ir-residenti jiġu mistoqsija dwar dak li qed jiġri, u dan peress li huwa importanti li jindikaw eżattament il-post fejn dan il-leak ta' drenaġġ qed jiżbroffa u peress li uffiċjali li ma jkunux midħla ta' l-akwata tkun diffiċli li jidentifikaw il-post eżatt?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma qed tagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji fl-inħawi msemmija biex tkun tista titfassal soluzzjoni għall-problema.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22097 u jgħid, b'riferenza għal każ ta' tkeċċija ta' dan l-aħħar ta' żewġ uffiċjali tad-dwana, jekk il-persuni li attwalment evadew il-ħlas ta' dazju humiex se jiġu prosekuti?
Jista' jgħid jekk hemmx aktar uffiċjali tad-dwana in konnessjoni ma' dan il-każ li se jittieħdu passi dixxiplinarji kontrihom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F’dan l-istadju m’inhix f’pożizzjoni li nwieġeb għall-ewwel parti tal-mistoqsija.
Dwar it-tieni mistoqsija, ninsab infurmat illi s’issa ma jirrizultax illi hemm xi uffiċjali oħra tad-Dwana li huma implikat fil-każijiet li rreferit għalihom l-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22164 u jgħid meta l-kantuniera fi Triq San Ġwakkin, kantuniera ma' Triq Valletta, f'Ħal Qormi, se tiġi mwessa skond il-linja tat-triq li diġa' teżisti, u dan biex jiġi megħlub il-periklu ta' blind corner, eċċ.?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22223 u cioe': B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21460, jista' jekk jogħġbu jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-istudji mitluba fuq l-impatt dwar l-aspetti differenti ta' l-ambjent imsemmija, bħal tniġġis ta' l-arja, żieda fit-traffiku u vetturi ta' natura industrijali, ħsejjes, eċċ.?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra studju dwar l-impatt tat-traffiku. Dwar l-aspetti l-oħrajn imsemmija, dawn jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni ta’ l-applikazzjoni.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22097 u jgħid, b'riferenza għal każ ta' tkeċċija ta' dan l-aħħar ta' żewġ uffiċjali tad-dwana, jekk il-persuni li attwalment evadew il-ħlas ta' dazju humiex se jiġu prosekuti?
Jista' jgħid jekk hemmx aktar uffiċjali tad-dwana in konnessjoni ma' dan il-każ li se jittieħdu passi dixxiplinarji kontrihom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'parir jagħti li għandu jsir fil-każ ta' anzjana li tgħix waħedha kompletament dipendenti, tinħtieġ serjament li tidħol f'residenza għall-anzjani, m'għandhiex il-mezzi finanzjarji biex tidħol f'dar ta' l-anzjani privata, applikat għal SVPR iżda minkejja l-gravita' tal-każ din għadha fuq il-waiting list? Jista' jgħid teżistix xi sistema ta' fast track għad-dħul fl-SVPR? Jekk teżisti, x'inhuma l-kriterji li anzjan/a jidħol f'din il-fast track? Meta jingħad fast track, kemm ifisser perijodu ta' żmien biex tiġi proċessata l-applikazzjoni u ssir l-admission?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kull każ li japplika u jkun ċar li hu ta' natura urġenti kif qed tiddeskrivi l-Onor. Interpellant jiġi evalwat immedjatament fuq il-mertu tiegħu.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jiftaħ it-triq f'Ta' Brandin, is-Siġġiewi biex din il-parti tkun tista' tingħaqad maċ-ċentru tal-lokal? Jekk iva, xi pjani hemm u għal meta? Jekk le, għaliex?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li din il-parti tat-triq għadha mhux miftuħa minħabba li għadu ma sarx l-iżvilupp tal-bini. Il-proċedura skond il-liġi hi li t-triq tinfetaħ minn min jiżviluppa l-art li tmiss magħha.
Aċċess għall-kumplament tal-lokal jeżisti u għaldaqstant m’hemmx għalfejn tinqabeż din il-proċedura billi ssir espropjazzjoni min naħa tal-gvern.