Tista' l-Ministru tgħid min ħallas għal avukat fil-każ tat-tifel Għawdxi li ismu qed jintbagħat separatament, li ġie appuntat biex jirrappreżenta lil omm imsiefra, waqt il-kawża waqt il-proċeduri legali li kienu qed isiru fil-qorti ta' Għawdex?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jekk l-Onor. Interpellanti qed tirreferi għall-proċeduri legali li ttieħdu mid-Dipartiment għal Standards fil-Ħarsien Soċjali bħala l-Awtorita’ Ċentrali ta’ Malta dwar il-Konvenzjoni ta’ l-Ajja dwar Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, ninsab infurmata li dawn tmexxew mill-avukat tad-Dipartiment u li l-omm kienet xhud u ma kienetx rappreżentata minn xi avukat.
Jista' il-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21802 cioe' jista' jgħid kemm huwa previst li se jkun hemm benefiċċjarji li se jgawdu mill-aġġustament fil-bolla tal-part-timers li huwa l-uniku impjieg tagħhom, bil-miżura introdotta fil-budget?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mill-mod ta’ kif inhi strutturata l-informazzjoni li tinġabar mid-dipartiment mhux possibbli li jiġi stabbilit kemm hemm nies li jistgħu jibbenefikaw mill-aġġustament fil-bolla tal-part-timers.
Dan għaliex in-numru ta’ part-timers indikati fil-formolarji tat-taxxa huma dawk biss li jħallsu t-taxxa bil-15%. Dawn il-part-timers mhumiex suġġetti li jħallsu bolla fuq il-part-time għax ikollhom impjieg/dħul prinċipali ieħor. Persuni oħra li m’għandhomx impjieg/dħul prinċipali, u għalhekk ma jikkwalifikawx taħt id-definizzjoni ta’ part-timers skond il-liġijiet tat-taxxa, ma jiġux indikati bħala part-timers minn min jimpjegahom.
Barra minn hekk lanqas ma tista’ tasal għal figura ta’ part-timers mill-kategorija tal-bolla mħallsa għar-raġuni li din hi l-istess bħal dik li tapplika għal min hu fuq il-minimum wage. Hemm ukoll persuni li ħallsu kategoriji differenti ta’ bolla għaliex matul l-istess sena jkunu biddlu x-xogħol kemm-il darba.
Jista' l-Ministru jgħid meta Triq Ħal Farruġ, Ħal-Luqa se tiġi rranġata, peress li ilha s-snin mimlija ħofor u mkissra b'riskju mhux biss għal pedestrians imma aktar għas-sewwieqa, iżda wkoll minħabba l-ħsarat għal vetturi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
F'Ħal Luqa bħalissa qegħdin isiru numru ta' toroq u mhux possibli jiżdiedu oħrajn mall-commitments li hemm. L-ADT ser tistudja jekk fil-futur jistax isir xogħol ta' major patching f'din it-triq.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi mdawwla Triq Ħal Farruġ, f'Ħal Luqa li hija mhux biss mudlama iżda toffri perikli serji għal kulmin ikollu jgħaddi minnha filgħaxija?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob l-Onor Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat peress li dwal ġodda fit-toroq ġew devoluti lill-Kunsilli Lokali.
Jista' il-Ministru jgħid x'permessi għal parking industrijali hemm u li huma maħruġa mill-MEPA fi Triq Ħal Farruġ, Ħal Luqa faċċata ta' Triq id-Daqquqa l-Kaħla? Jekk hemm permessi għal dan il-parking, jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA għamlitx studju dwar l-impatt ambjentali f'din l-area fuq il-Wied il-Kbir f'Ħal Qormi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jekk il-mistoqsija tirreferi għall-impjant ta' l-Express Trailers li jinstab faċċata ta' Triq id-Daqquqa l-Kaħla f'Ħal Farruġ, limiti ta' Ħal Luqa, dan huwa suġġett ta' żewġ permessi ta' l-iżvilupp. Permess PB 4063/90/3375/89 kien ingħata mill-Planning Area Permits Board (PAPB) għall-kostruzzjoni ta' boundary wall, depot għat-trailers, trailer wash, u bini anċillari. Permess PA 7264/98 kien inħareg mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fit-8 ta' Novembru 1999 għall-kostruzzjoni ta' bini li jintuża għall- Vehicle Roadworthiness Test (VRT) testing.
L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma talbitx studju dwar l-impatt ambjentali għaliex il-proposta ma kinitx ta' entità li timmerita dan l-istudju. Barra minn hekk, is-sit kien diġà
committed
għal użu industrijali bil-permess tal-
Planning Area Permits Board
(PAPB).
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA qatt stħarrġietx l-emissions ta' trab aħmar li qiegħed joħroġ minn ċumnija fi Triq Ħal Farruġ u li hija tan-negozju li d-dettalji tiegħu qegħdin jidhru kunfidenzjalment? Jekk stħarrġet, x'passi ttieħdu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li, wara investigazzjonijiet li saru fuq il-post, kien ikkonfermat li ċ-ċumnija msemmija tintuża bħala parti minn sistema ta' estrazzjoni ta' l-arja waqt attivitajiet ta' spraying li ma jsirx b'mod frekwenti. Waqt l-ispezzjoni saru rakkomandazzjonijiet biex kull inkonvenjent li setgħa ġie kkawżat minn din l-attività jiġi mneħħi. Is-sit ser jibqa' jkun immoniterjat biex jonqos ir-riskju li tirrepeti ruħha din il-problema.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk is-servizz ta' Security mal-polikliniċi ngħatax lill-privat? Jista' jgħid kemm qiegħed jiswa lid-dipartiment dan is-servizz?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat illi mhux minnu li s-servizz ta' Security fiċ-Ċentri tas-Saħħa ngħata lill-privat. Minħabba ċertu inflessibilta' fil-prattiċi tax-xogħol minn naħa tal-HSOs li jaħdmu fid-Dipartiment tas-Saħħa, sar arranġament temporanju ma' kumpanija li toffri dan is-servizz sabiex Security privat ikun jista' jidħol u jaqdi l-bżonnijiet tal-pubbliku meta jkun hemm assenza ta' HSO tad-dipartiment. Dan qed isir sabiex ikun jista jkompli jingħata servizz lill-ispiżeriji tal-Gvern minħabba li fuq direttiva tal-Unions dan is-servizz jieqaf fl-assenza ta' HSO. Dan is-servizz qed jiswa Lm1.77 is-siegħa + VAT.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jibbenefikaw mill-home help u b'kemm sigħat fil-ġimgħa? Kemm hemm home helpers ingaġġati sena b'sena mill-aħħar elezzjoni? Minn liema lokalitajiet huma l-anzjani li qed jibbenefikaw mill-home help (numru ta' anzjani skond il-lokalita')? Kemm hemm anzjani li qed jistennew li jingħataw il-home help għall-ewwel darba u minn liema lokalitajiet huma (numru ta' anzjani skond il-lokalita')? Kemm hemm anzjani li talbu biex jiżdidilhom il-ħin tal-home help (numru ta' anzjani skond il-lokalita')?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu anzjani mill-aħħar elezzjoni 'il hawn f'St Vincent de Paule residence (irġiel u nisa) sena b'sena u minn liema lokalitajiet?
X'inhuma l-kriterji li permezz tagħhom jiġi deċiż li anzjan/a tidħol f'St Vincent de Paule residence?
Kemm hemm anzjani rġiel u nisa jistennew biex jidħlu f'St Vincent de Paule residence u minn liema lokalitajiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' kemm daħlu anzjani mill-aħħar elezzjoni 'il hawn fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule sena b'sena u lista ta' numru ta' anzjani bil-lokalitajiet jistennew biex jidħlu fir-Residenza.
Il-proċedura biex anzjan jidħol fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule tikkonsisti filli ssir applikazzjoni fuq il-formola uffiċjali li timtela minn tabib. L-applikazzjoni hekk mimlija tiġi mgħoddija lil social worker biex tagħmel żjara f'darhom ħalli jsir ir-rapport soċjali. L-applikazzjoni tmur quddiem l-Admissions Board li mill-informazzjoni miġbura jassessja u jipprijoritiżża kull każ skond il-ħtiġijiet soċjali u ta' saħħa ta' l-individwu. Kull applikant jiġi mpoġġi fuq żewġ listi, waħda għal San Vinċenz de Paule u oħra għad-djar residenzjali fil-Komunita. Kull applikazzjoni, jekk ma tkunx miċħuda, tiġi prijoritiżżata bħala urġenti,prijorita' għolja jew prijorita' baxxa. Hi l-amministrazzjoni tad-Dipartiment ta' l-Anzjani li fil-fatt iddaħħal l-anzjani minn din il-lista skond il-prijoritajiet rakkomandati mill-Admissions Board.
Wara li l-Gvern ħabbar f'Awissu 2006 u ġie speċifikat permezz ta' leaflet ippubblikat mill-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq flimkien ma' l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta (ADT) fil-11 ta' Awissu 2006, il-lista ta' toroq residenzjali li se jinbnew u issa li anke ġew allokati l-kuntratti lill-kuntratturi li se jagħmlu dan ix-xogħol, jista' il-Ministru jgħid b'liema dati huma marbutin il-kuntratturi biex jibdew dan ix-xogħol u jispiċċawh, fuq dawn it-toroq f'Ħal Qormi: Triq Fonzu Meli; Triq il-Kaċċaturi; parti minn Triq Bellic; Triq ta' l-Armal; Triq ir-Ragħaj; Triq Mons Gerald Frendo u Triq Ġuże Maria Camilleri?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li l-kuntratturi ġew allokati t-toroq li ser jaħdmu fihom, dawn applikaw għal permessi meħtieġa mill-ADT liema permess ikun jinkludi proċess ta’ koordinazzjoni mall-entitajiet tas-servizzi. Kif joħorġu dawn il-permessi l-ADT toħroġ l-ordni biex jibda x-xogħol. Il-kuntrattur hu marbut bi tnax-il ġimgħa sabiex ilesti dawn ix-xogħlijiet.
Wara li l-Gvern ħabbar f'Awissu 2006 u ġie speċifikat permezz ta' leaflet ippubblikat mill-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq flimkien ma' l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta (ADT) fil-11 ta' Awissu 2006, il-lista ta' toroq residenzjali li se jinbnew u fis-26 ta' Diċembru 2006, tħabbar li għadd ta' toroq se jitlestew sa Mejju 2007, jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju tal-proċess wasal ix-xogħol għal bini ta' dawn it-toroq li ġejjin fis-Siġġiewi: Ta' Fonzu Area (Wearing Course); NS in Blat il-Qamar; NS parallel to Blat il-Qamar; Triq Dun Manuel Zammit; NS in Triq Nicolo Baldacchino; Part of Triq Angelo Dorin; Triq John Debattista? Għaldaqstant meta hu ppjanat li jinbeda u jitlesta x-xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li Triq John Debattista diġa ġiet mibnija u asfaltata f’Diċembru li għadda.
It-toroq li se jsiru fis-Siġġiewi kienu indikati bħala prijorita mill-Awtorita dwar it-Trasport flimkien mall-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi. It-Toroq li ser isiru ma' l-ewwel lot :-
1) Triq Dun Manwel Zammit
2) Triq Gdida fi Triq Blat il-Qamar
3) Triq Gdida parallel ma’ Triq Blat il-Qamar u
4) Triq Gdida fi Triq Angelo Dorini.
Il-kuntrattur jingħata l-ordni biex jibda x-xogħol kif joħroġ il-permess meħtieġ liema permess jinkludi proċess ta’ koordinazzjoni mall-entitajiet tas-servizzi. Il-kuntrattur ħa jkun marbut b’sittax-il ġimgħa sabiex ilesti dawn ix-xogħlijiet.
It-toroq l-oħra jiġu mibnija bħala parti mill-
lots
li jridu joħorġu sa l-2008.
Wara li l-Gvern ħabbar f'Awissu 2006 u ġie speċifikat permezz ta' leaflet ippubblikat mill-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq flimkien ma' l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta (ADT) fil-11 ta' Awissu 2006, il-lista ta' toroq residenzjali li se jinbnew u fis-26 ta' Diċembru 2006, tħabbar li għadd ta' toroq se jitlestew sa Mejju 2007, jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju tal-proċess wasal ix-xogħol għal bini ta' dawn it-toroq li ġejjin f'Ħal-Luqa: Triq Ġanni Vassallo; Triq Patri Indri Schembri; Triq Sebastjanu Saliba; Triq Dun Ġużepp Micallef; Triq Ġużeppi Elul; Triq Pietru Saliba; Triq l-Ekru u Misraħ iż-Żgħażagħ? Għaldaqstant meta huwa ppjanat li jinbeda u jitlesta x-xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li x-xogħol f’Misraħ iż-Żgħażagħ mistenni jibda dan ix-xahar u jieħu ħames ġimgħat biex jitlesta.
Triq Ġanni Vassallo, Triq Ġużeppi Micallef u Triq l-Ekru huma t-toroq li se jinbnew f’Ħal-Luqa ma’ l-ewwel
lot
wara li jkunu indikati mill-Awtorita dwar it-Trasport li jimmerithom prijorita'. Il-kuntrattur jingħata l-ordni biex jibda x-xogħol kif joħroġ il-permess meħtieġ liema permess jinkludi proċess ta’ koordinazzjoni mall-entitajiet tas-servizzi. Il-kuntrattur ħa jkun marbut bi tnax-il ġimgħa sabiex ilesti dawn ix-xogħlijiet.
It-toroq l-oħra jiġu mibnija bħala parti mil-
lots
li jridu joħorġu sa l-2008.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-ħaddiema impjegati tal-gvern li kienu ntbagħtu jaħdmu mal-kunsilli lokali u li kienu sussegwentement ntbagħtu ftit taż-żmien ilu jagħmlu xogħol ta' bini eċċ. f'Ħal Safi għal faċilitajiet adegwati biex jiġu akkomdati l-immigranti irregolari, issa li dan ix-xogħol tlesta, humiex se jerġgħu jintbagħtu lura mal-kunsilli lokali?
Response (BORG, TONIO)
Peress li l-imsemmija ħaddiema huma mpjegati tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellha impjegati magħha l-kumpannija Air Malta sa Mejju ta' l-1987, kategorija kategorija u/jew skala skala u/jew kariga kariga?
Kemm ġew impjegati ħaddiema mal-kumpannija sena b'sena minn Ġunju 1988 sa Diċembru 2006, kategorija kategorija u/jew skala skala u/jew kariga kariga?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-impjegati tal-CASMA li għal dawn l-aħħar tmien snin ġew mislufa lill-kumpannija Accor u llum Bariere?
Jista' jgħid jekk il-gvern hux jikkontempla li jġedded il-kuntratt lill-kumpannija Barriere ma' l-għeluq tal-kuntratt għal għaxar snin milħuq mal-kumpannija Accor?
Jekk il-kuntratt jiġġedded, il-gvern se jassigura li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li ġew mislufa mill-CASMA jitjiebu, wara li matul dawn l-aħħar tmien snin il-kunidizzjonijiet tagħhom ġew prattikament iffriżati u l-impjegati tħallew mingħajr ftehim kollettiv?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-gvern dwar l-istat ħażin li tħalla jaqa' fih il-bini tal-Casino Dragonara matul dawn l-aħħar tmien snin, għajr għal ftit irtokki ta' manutenzjoni li saru biss dan l-aħħar, wara li prattikament ma saret l-ebda manutenzjoni għal tmien snin sħaħ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk employer jistax jimla' l-post tax-xogħol tiegħu b'monitoring cameras prattikament f'kull rokna biex jagħmel monitoring kontinwu tal-ħaddiema u jekk dan l-aġir hux konsonanti mal-kundizzjonijiet tax-xogħol stabiliti bil-liġi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-Att dwar l-Impjieg u Relazzjonijiet Industrijali, ma hemm ebda provediment dwar sigurta', kif ukoll ma hemm ebda oġġezzjoni fil-liġi biex min jimpjega jimmoniterja għal raġunijiet ta' sigurta'. Dan sakemm tiġi rispettata d-Data Protection Act.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm dewmien fit-twassil ta' l-ittri minn Malta għal Malta/Għawdex u dan mhux fil-perijodu tal-Milied, iżda fi żmenijiet normali fejn saħansitra ittra tieħu aktar minn għaxart ijiem u f'ċerti każi anke kważi xahar? Jista' jgħid jekk il-gvern hux jintervjeni mal-kumpannija li tħaddem il-posta biex din is-sitwazzjoni ma tibqax? Jekk iva, x'sar s'issa? Jekk le, x'se jsir?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li miċ-ċifri maħruga minn Konsulent indipendenti approvat mill-Malta Communications Authority, li jagħmel survey kull xahar dwar Kwalita ta’ Servizz ta' tqassim ta' ittri, ma jirriżultax li hemm dewmien fit-twassil ta’ ittri minn Malta għal Malta/Ghawdex. Fil-fatt ir-riżultat għas-sena finanzjarja 2005-2006 (Ottubru 2005 – Settembru 2006) jindika li medja ta’ 92.14% ta’ l-ittri kienu mqassma l-għada li ġew impustati, 6.5% ta’l-ittri kienu mqassma wara jumejn, 1.2% wara tlett ijiem u 0.2% biss ġew imqassma wara aktar minn tlett ijiem. Waqt li l-aħħar riżultat, dak ta’Novembru 2006 jindika li 94% ta’l-ittri kienu mqassma l-għada li ġew impustati, 3% kienu mqassma wara jumejn u 3% kien mqassma wara tlett ijiem.