Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern jafx bix-xewqa ta' ħafna anzjani Siġġiewin li jkollhom day centre għalihom? Jekk jaf, hemm pjani min-naħa tal-gvern li dan id-day centre għall-anzjani jitwaqqaf fis-Siġġiewi? Jekk hemm pjanijiet, meta huwa ppjanat min-naħa tal-gvern li jinfetaħ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'Novembru 2005, id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita' kien irċieva ittra mill-Kunsill Lokali tas-Siggiewi biex jaraw il-possibilita' li jkun hemm Day Centre. Fil-fatt kienet saret laqgħa formali fuq is-suġġett imsemmi bejn il-Kunsill, Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita' u s-Segretarjat għall-Anzjani. Fil-preżent anzjani mis-Siġġiewi qed jattendu ċ-Ċentru ta' Matul il-Jum taz-Zurrieq. Fl-istess waqt id-Dipartiment huwa dispost li jkompli jiddiskuti mal-Kunsill Lokali xi proposti li jkun hemm għall-futur.
Tista' l-Ministru tikkonferma jekk hux veru li qiegħed jinbena childcare centre fil-qasam industrijali ta' Bulebel? Tista' tgħid min se jmexxi dan ic-childcare centre?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment għal Standards fil-Ħarsien Soċjali ġie mitlub mill-Malta Industrial Parks Ltd biex jagħti l-opinjoni tiegħu dwar pjanti għall-bini ta’ Child Care Centre fil-Qasam Industrijali ta’ Bulebel.
Ninsab infurmata wkoll li, skond din it-talba, dan iċ-ċentru kellu jinbena mill-kumpannija msemmija u bil-ħsieb li jitmexxa minn assoċjazzjoni tal-kerreja f’dan il-Qasam.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata l-ispeċi ta' parking area fejn jipparkjaw l-familji ta' żgħażagħ b'diżabilita' fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa, meta jeħduhom biex jipprattikaw il-horse riding?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-għan għat-twaqqif ta' l-activity centre ġewwa r-residenza San Vincenz de Paule? Dan l-activity centre beda jiffunzjona? Jekk iva, x'attivitajiet saru s'issa minn meta beda, ġimgħa b'ġimgħa? Kemm-il darba fil-ġimgħa qed jiftaħ u x'inhuma l-ħinijiet ta' dan l-activity centre?
X'inhu l-compliment tan-nies f'dan l-activity centre? Min huma n-nies li ntbagħtu jaħdmu hemmhekk? Kif intagħżlu? Fuq liema kriterji? X'inhu l-grad u/jew kwalifika tagħhom? Kemm sewa flus biex ġie rranġat dan l-acitivity centre? Min hu responsabbli minnu dan iċ-ċentru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-għan tal-Activity Centre huwa sabiex iservi bħala post fejn l-anzjani jkunu jistgħu jiltaqgħu u jqattgħu ħin flimkien il-bogħod mis-swali. Barra min hekk l-Activity Centre ser iservi bħala ċentru għall-persuni li jbatu mid-dementia u jgħixu fil-komuinita' sabiex l-anzjani jingħataw servizz denju u kompatibli mal-marda tagħhom, kif ukoll iservi bħala respite għall-familjari ta' dawn il-persuni.
L-Activity Centre bħalissa qiegħed jintuża biss mir-residenti ta' San Vincenz u qegħdin naraw u nistudjaw il-proċessi kollha nvoluti sabiex meta jiftaħ għal nies li jgħixu fil-komunita' l-proċeduri kollha jkunu f'posthom. Fiċ-ċentru qegħdin isiru attivitajiet ta' nteress għall-anzjani bħal fost l-oħrajn mużika, qari ta' kotba, logħob, eżerċizji fiżiċi ħfief, diskussjonijiet, kif ukoll tisjir mill-anzjani stess. Iċ-ċentru qiegħed jiftaħ kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd, bejn it-8am u s-1pm, għar-residenti ta' San Vincenz. Fil-futur qrib sejjer jinfetaħ għall-tliet darbiet fil-ġimgħa għall-persuni li jkunu jbatu mid-dementia u jkunu qegħdin jgħixu fil-komuita'. Tajjeb li wieħed jinnota li l-ħaddiema kollha li qegħdin jaħdmu ġewwa l-Activity Centre ġew mogħtija taħriġ speċifiku fuq il-kura tal-marda tad-dementia, kif ukoll taħriġ ieħor bħal first aid.
Fiċ-ċentru hemm għaxar (10) persuni li jaħdmu fosthom nurses u part-time social assistants.
Chetcuti Raymond
Nursing Officer
Briffa Rita
Enrolled Nurse
Cini Marthese
Enrolled Nurse (part-time)
Farrugia Giacinta
Enrolled Nurse
Wallace Pauline
Enrolled Nurse
Cappello Maria
PTSA
Mallia Sylvia
PTSA
Mifsud Josephine
PTSA
Schembri Rose
PTSA
Schembri Charmaine
PTSA
Ir-responsabilta' taċ-Ċentru taqa' taħt is-Supretendent ta' l-isptar u qiegħed jitmexxa minn Nursing Officer u b'konsulenza ma' Konsulent speċjaliżżat fil-Ġerjatrija u l-mard tad-dementia. L-ammont ta' flus li sewa għadu qiegħed jiġi maħdum.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura ta' dixxiplina segwita f'każ ta' ħaddiem/impjegat fir-residenza San Vincenz de Paule li jonqos mid-doveri tiegħu u/jew minn xi kondizzjoni u/jew istruzzjonijiet amministrattivi? Min hu responsabbli minn din il-proċedura? Kif tiġi segwita? X'inhuma d-drittijiet tal-ħaddiema/impjegati, fis-sens ta' appell, eċċ f'każ li jkun għaddej minn proċedura ta' dixxiplina? Jeżistu xi kondizzjonijiet tax-xogħol u/jew istruzzjonijiet amministrattivi li jmorru oltre minn dak stabbilit bil-liġi għall-ħaddiema/impjegati ta' l-SVPR u li dawn huma magħrufa mill-ħaddiema/impjegati? Jekk jeżistu, x'inhuma u kif il-ħaddiema/impjegati jiġu mgħarrfa bihom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal f'kull dipartiment ieħor tal-Gvern il-proċedura ta' Dixxiplina f' San Vincenz de Paul hija regolata mir-Regolamenti ta' l-1999 tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura ta' Dixxiplina) skond l-Avviż Legali Numru 186/99.
Din il-proċedura taqa taħt ir-responsabilta' ta' l-uffiċjal inkarigat mis-Sezzjoni tar-Riżorsi Umani fl-istess residenza.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi li qed joffru servizzi regolari fir-residenza San Vincenz de Paule u jqiegħed kopja tal-kuntratti mogħtija fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratturi li qed joffru servizzi regolari fir-residenza San Vinċenz de Paule huma:
- Healthcare Services ltd
- Health Services Group Ltd
Kopja tal-kuntratti qed tintbgħat mat-tweġiba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm care workers li huma mpjegati direttament fis-servizz pubbliku ġewwa r-residenza San Vincenz de Paule u kemm hemm impjegati f'din l-istess residenza li huma mpjegati mal-kuntratturi? Min huma l-kuntratturi li jissuplixxu dawn il-care workers? Kemm jitħallsu s-siegħa l-care workers fis-servizz pubbliku u kemm jitħallsu s-siegħa dawk impjegati mal-kuntrattur? Kemm jieħu l-kuntrattur kull siegħa għal kull care worker li huwa jissuplixxi lill-gvern?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-residenza San Vincenz de Paule, fis-servizz pubbliku hemm 42 Care Workers u mal-kuntratturi skond il-bżonn.
Care Workers li jaħdmu mas-Servizz Pubbliku jaqilgħu skond l-iskala li jkollhom. Il-kuntrattur jitħallas Lm2.35 is-siegħa matul il-ġimgħa u Lm3.35 il-Ħdud u l-festi. Id-Dipartiment ma jidħolx fil-mertu ta' kemm jitħallsu il-Care Workers mill-kuntrattur.
Il-kuntratturi li jissuplixxu dawn il-Care Workers huma Healthcare Services Ltd u l-Health Services Group Ltd.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu maħsuba li għandhom jesgħu anzjani s-swali ta' l-irġiel fir-residenza San Vincenz de Paule, sala b'sala? Kemm hemm anzjani rġiel illum f'kull sala, sala b'sala? Kemm kienu maħsuba li għandhom jesgħu anzjani s-swali tan-nisa fir-residenza San Vincenz de Paule, sala b'sala? Kemm hemm anzjani nisa llum f'kull sala, sala b'sala?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta qed tinġabar u ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti fl-isptar San Luqa li huma meqjusa bħala social cases? Kemm hemm anzjani li ġew trasferiti fis-swali li ġew rranġati apposta f'Mount Carmel minħabba li ma kienx hemm spazju fir-residenza San Vincenz de Paule jew inkella għaliex kienu meqjusa bħala social cases fl-isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li skond ir-reġistru tas-Social Cases fis-27 ta' Frar fl-isptar San Luqa kien hemm 46 pazjent li huma meqjusa bħala Social Case. Minn meta fetħet is-Sala St Jean Antide sal-lum ġew trasferiti 98 il-mara. Bejn April u Diċembru 2006 ġew trasferiti 59 il-mara u bejn l-1 ta' Jannar u 13 ta' Frar ġew trasferiti 39.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fi Triq in-Nissieġ, Haż-Żabbar, li hija parti mibnija, ma ngħatawx permessi għal bini fuq plots nri 56 u 59? Jista' jgħid għaliex din id-differenza bejn plot u oħra? Għaliex din it-triq li saħansitra anke ngħatat l-asphalt saret din id-distinzjoni ma' ċertu sidien ta' plots?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tipproduċi site plan fejn dawn iż-żewġ plots imsemmija jkunu indikati.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-każ ta' persuni li jbatu mill-kundizzjoni tad-dijabete u li jkollhom jużaw l-insulina, ma jingħatawx siringi biżżejjed, partikolarment għal dawk il-persuni li jkollhom jittaqbu aktar minn darba kuljum? Għaliex bħala medja qed jingħataw 12-il siringa fix-xahar biss, meta dawn jinħtieġu ħafna aktar? Għaliex dawn l-istess persuni ma jingħatawx l-isticks li permezz tagħhom jittestjaw id-demm? Jaf l-Ministru li hemm għadd kbir minn dawn il-persuni b'din il-kundizzjoni li sfortunatament m'għandhomx il-mezzi finanzjarji biex ilaħħqu ma' dawn it-tip ta' spejjeż essenzjali? X'beħsiebu jagħmel il-gvern biex lil dawn il-persuni dijabetiċi jkunu mgħejjuna ħalli ma jkomplux jitgħabbew b'piżijiet li ma jifilħux għalihom u li sfortunatament f'ħafna minn dawn il-każijiet, lanqas ma jkunu jistgħu jlaħħqu maż-żamma ta' dieta tajba kif titlob din il-kondizzjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
1. Il-policy dwar l-għoti ta' siringi lid-dijabetici li jużaw l-insulina hija skond gwidi internazzjonali . Għaldaqstant ġiet stabbilita policy li jingħataw 10 siringi fix-xahar.
2. L-isticks għal kontroll taz-zokkor fid-demm mhumiex mediċini. Skond ma jippermettu r-riżorsi tal-pajjiż qed jibbenifikaw mill-konċessjoni ta' sticks b'xejn għall-ittestjar tad-demm dawk id-dijabetiċi li għandhom 35 sena jew inqas u nisa li huma dijabetiċi matul it-tqala, irrispettivament mill-eta'.
3. Id-dijabetiċi qed jiġu mgħejjuna b'meżżi oħra jiġifieri:
i. Permezz ta' għoti tal-karta r-roża lid-dijabetiċi kollha irrispettivament mill-meżżi finanzjarji tagħhom, li tintitolhom, għal mediċini b'xejn skond il-lista approvata, liema lista tkopri wkoll kura għal mard ieħor mhux biss dijabete.
ii. Assistenza soċjali fi flus sabiex ilaħħqu ma' l-ispejjez tad-dieta speċjali li jkollhom bżonn id-dijabetiċi, wara li jissodisfaw il-means test skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk anzjan/a li jkunu residenti f'xi dar tal-Gvern, u jiddeċiedu li jbiegħu d-dar residenzjali tagħhom, il-gvern jeħux xi persentaġġ ta' l-assi likwidi li jkunu ġew għand l-anzjan/a permezz tat-trasferiment tar-residenza, bħal fil-każ ta' per eżempju, is-60% mill-imgħax fuq depożiti u/jew investimenti oħra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Ir-risposta ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-injection Calcitonin (100cu) mhux qed ikunu in stock, saħansitra kien hemm perijodu li damu anke tlett xhur out of stock?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li stokk minn din il-mediċina Calcitonin Injection (100iu) tinsab fl-ispiżeriji tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji addottati biex anzjani applikati għad-dħul fid-dar residenzjali għall-anzjani, St Vincent de Paule, jiġu admitted? Jista' jagħti l-lista ta' l-anzjani li ddaħħlu f'St Vincent de Paule mis-sena 2003, sena b'sena sas-sena 2006, kategorizzati nisa u rġiel, eta' u l-lokalita' ta' l-oriġini tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23918 għadha qed tinġabar u titpoġġa fuq il-Meja tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ilu mwaqqaf l-Humanitarian Committee fil-Ministeru jew fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jittratta l-każijiet partikolari dwar l-eżenżjoni mis-soprataxxa fuq il-konsumm tad-dawl u l-ilma għal persuni b'diżabilita', i.e. l-kumitat li rreferiet għalih, waqt konferenza għal media msejħa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', t-Tlieta, 13 ta' Frar, 2007?
Min huma l-membri ta' dan il-kumitat? Fuq liema kriterju ġew magħżula l-membri biex iservu fuq dan il-kumitat? Liema każijiet qiegħed jittratta, i.e. ta' persuni b'diżabilita' biss, jew anke ta' oħrajn? Xi kriterji qiegħed juża biex jiddeċiedi liema applikazzjonijiet japprova u oħrajn ma japprovahomx? Dawn il-kriterji ġew ippublikati x'imkien?
Kemm-il applikazzjoni kien hemm ta' persuni b'diżabilita' u jekk jittratta applikazzjonijiet oħra kemm kien hemm min dawn? Kemm-il applikazzjoni ġiet approvata minn meta twaqqaf dan il-kumitat, u ta' liema kategorija, u kemm ma approvax u għaliex?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-kumitat maħtur biex jikkunsidra talbiet għal eżenzjoni mis-surcharge fuq il-konsum tad-dawl u ilma fuq bażi umanitarja twaqqaf f’ Mejju tas-sena l-oħra.
Dan il-kumitat hu kompost kif ġej:
Chairman
Is-Sur Alfred Portelli
Membri
Dr. Louis Bonello, M.D.
Dr. Victoria Farrugia, M.D.
Is-Sur Jesmond Schembri
*
Segretarja
Ms Marvic Cordina
*sat-2 ta’ Frar 2007
Il-membri ta’ dan il-kumitat ġew maħtura a bażi tal-kompetenza u l-esperjenza fil-qasam tax-xogħol jew professjoni rispettiva tagħhom.
Dan il-kumitat jikkunsidra talbiet minn familji li, għalkemm ma jikkwalifikawx għall-eżenzjoni mis-surcharge fuq il-konsum tad-dawl u ilma skond it-test tal-mezzi, jistgħu jikkwalifikaw għal din l-eżenzjoni fuq bażi umanitarja minħabba ċirkustanzi partikolari relatati ma’ marda jew kundizzjoni ċertifikata.
Il-kriterji approvati li jimxi fuqhom dan il-kumitat huma li: -
(a) xi membru fil-familja j/tkun qed i/tbati minn marda jew kundizzjoni ċertifikata fejn ikun meħtieġ konsum eċċessiv ta’ dawl u ilma, u
(b) d-dħul kollu tal-familja ma jkunx jeċċedi Lm13,270 fis-sena.
Ninsab infurmata li, sa l-aħħar ta’ Jannar 2007, in-numru ta’ talbiet referuti lil dan il-kumitat kien ta’ 64. Minn dawn, 24 każ ġew aċċettati u ngħataw l-eżenzjoni, 27 każ ġew miċħuda għax ma kienux jissodisfaw il-kriterji msemmija u 13 il-każ għadhom qed jiġu kkunsidrati.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk Sqaq Nru. 4 fi Triq il-Kbira, Mosta hux privat jew le?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi Sqaq Nru. 4 fi Triq il-Kbira, Mosta huwa spazju miftuħ li minn fuqu hemm aċċess għal proprjeta' privata li kollha kemm huma għandhom ukoll drittijiet ta' servitu' fuq l-istess spazju miftuħ.
Mill-pjanti miżmuma fit-Taqsima ta' Proprjeta' tal-Gvern jidher li dan l-istat ta' fatt ilu hekk ta' l-anqas 100 sena. Dan l-ispazju ma jikkwalifikax bħala proprjeta' tal-Gvern skond il-parametri wżati mill-istess Taqsima; pero' wieħed ma jistax jeskludi li dan l-ispazju irrenda ruħu pubbliku mal-milja tas-snin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-istabbiliment li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għandux il-permessi kollha tal-MEPA biex jopera n-negozju li qiegħed imexxi minn ġo fih?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21814 u jgħid jekk jistax jgħid kemm nefaq il-gvern biex eżenta 13,000 familja mis-surcharge fuq id-dawl u l-ilma matul is-sena 2006?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ispiża għall-Korporazzjoni Enemalta biex teżenta 13,000 familja mis-surcharge fuq id-dawl u l-ilma matul is-sena 2006 hija stmata li tammonta għal Lm660,000. Ta' min wieħed iżid li din hija stima peress li l-kontijiet għas-sena 2006 ikunu għadhom ma ħarġux kollha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellha impjegati magħha l-kumpannija Air Malta sa Mejju ta' l-1987, kategorija kategorija u/jew skala skala u/jew kariga kariga?
Kemm ġew impjegati ħaddiema mal-kumpannija sena b'sena minn Ġunju 1988 sa Diċembru 2006, kategorija kategorija u/jew skala skala u/jew kariga kariga?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra r-rapport li sar mill-Perit Robert Musumeci xi snin ilu, fi żmien meta l-Onor. Francis Zammit Dimech kien Ministru ta' l-Infrastruttura, dwar il-qagħda tal-widien f'Ħal Qormi? Jista' jgħid kemm ġie kkonsultat dan ir-rapport? Liema rakkmandazzjonijiet ġew mogħtija attenzjoni u sussegwentement ittieħdet azzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li mill-informazzjoni li setgħat tinġabar mill-files tad-Dipartiment ma jirriżultax li kien hemm xi rapport formali. Li jirriżulta huwa li l-Perit Musumeci kien għamel laqgħat mall-Kunsill Lokali ta` Ħal Qormi. Minn dawn il-laqghat ħarġu numru ta` proposti u inizjattivi biex isir tindif fil-widien u water courses li jgħaddu minn Ħal Qormi kif ukoll proposti għat-titjib in konnessjoni ma` flood relief f’dawn l-istess inħawi.
Fil-fatt l-imsemmi Perit kien involut biex jitħejjew pjanti għal dawn il-proposti u saru applikazzjonijiet lill-MEPA għall-permessi meħtieġa.
Il-parti l-kbira ta` dawn il-proposti twettqu