Legislature:
Category:
Reset
Active:

CASMA — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22773 li saret fid-19 ta' Diċembru, 2006 u li ġiet riferuta lilu fis-27 ta' Marzu, 2007, u li kienet tgħid: Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-impjegati tal-CASMA li għal dawn l-aħħar tmien snin ġew mislufa lill-kumpannija Accor u llum Bariere? Jista' jgħid jekk il-gvern hux jikkontempla li jġedded il-kuntratt lill-kumpannija Barriere ma' l-għeluq tal-kuntratt għal għaxar snin milħuq mal-kumpannija Accor? Jekk il-kuntratt jiġġedded, il-gvern se jassigura li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li ġew mislufa mill-CASMA jitjiebu, wara li matul dawn l-aħħar tmien snin il-kundizzjonijiet tagħhom ġew prattikament iffriżati u l-impjegati tħallew mingħajr ftehim kollettiv?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li hu previst illi l-impjegati ta’ Casma Ltd li għal dawn l-aħħar snin kienu mislufa lil Dragonara Casino Ltd jibqgħu jagħtu s-servizzi tagħhom lil ta’ l-aħħar meta u jekk terġa’ tiġġedded il-konċessjoni mill-Gvern lil Dragonara Casino Ltd. Il-Gvern jikkonferma li teżisti l-possibilita’ li terġa tiġedded il-konċessjoni lil Dragonara Casino Ltd mal-egħluq tal-kuntratt preżenti. L-impjegati ta’ Casma huma koperti bil-ftehim kollettiv li ġie ffirmat fl-1999. Dan minħabba l-fatt li huma qed jikkontestaw il-validita’ tal-ftehim kollettiv li kien ġie ffirmat fl-2002 u l-każ qiegħed il-Qorti. Minkejja dan kollu, kif kienet dejjem il-prattika, l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema ta’ Casma huma suġġetti għal negozjati u diskussjonijiet bejn ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-Management.

Kunsilli Lokali — Impjegati tal-Gvern

Question

B'referenza għall-mistoqsija u għat-tweġiba parlamentari 22744 dwar jekk il-ħaddiema mpjegati tal-gvern li kienu ntbagħtu jaħdmu mal-kunsilli lokali u li kienu sussegwentement ntbagħtu ftit taż-żmien ilu jagħmlu xogħol ta' bini eċċ., f'Hal Safi għal faċilitajiet adegwati biex jiġu akkommodati l-immigranti irregolari, issa li dan ix-xogħol tlesta, jista' l-Ministru jgħid humiex se jerġgħu jintbagħtu lura mal-kunsilli lokali? Jista' jwieġeb din il-mistoqsija li ġiet riferuta lilu bħala l-Ministru kompetenti?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li fil-preżent it-Taqsima tax-Xogħlijiet għad għandha bżonn ta’ dawn il-ħaddiema fuq id-diversi proġetti tagħha u għaldaqstant m’hemmx ħsieb li jerġgħu jintbagħtu lura mal-Kunsill Lokali.

Membri ta' l-Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex minkejja li l-prassi fl-Armata, biex tingħata promozzjoni, membru irid ikollu l-punti u s-seniority meħtieġa, kien hemm għadd ta' membri, li filwaqt li jikkwalifikaw f'dan il-kuntest, ma ngħatawx il-promozzjoni li kien ħaqqhom? Jista' jgħid jekk kienx hemm xi kriterji oħra li ma kienx magħrufa li setgħu ntużaw fl-għoti ta' dawn il-promozzjonijiet? X'kienu dawn il-kriterji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-kriterji li fuqhom ngħataw il-promozzjonijiet dan l-aħħar fl-Armata kienu rregolati mill-Kundizzjonijiet tas-Servizz tal-Forza Regolari tal-Forzi Armati ta’ Malta li jistabbilixxu li l-promozzjoni għandha ssir skond rakkomandazzjoni bbażata fuq effiċjenza, anzjanità, kwalifiki u għażla biex timtela vakanza. Dawn huma l-istess kriterji li diġà ġew msemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 24816. Ġara li billi din id-darba kien hemm aktar suldati kwalifikati milli kien hemm vakanzi, ma kienx possibbli li kull min kien kwalifikat, jingħata promozzjoni. Għaldaqstant il-promozzjonijiet ġew mogħtija skond l-ordni tal-mertu.

Day centre għall-anzjani

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24591 dwar il-ħtieġa ta' day centre għall-anzjani u għat-tweġiba tal-Ministru, partikolarment għal: "Fil-fatt kienet saret laqgħa formali fuq is-suġġett imsemmi bejn il-kunsill, id-dipartiment għall-anzjani u kura fil-komunita' u s-segretarjat għall-anzjani", jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-minuti ta' din il-laqgħa u/jew proposti u konklużjonijiet tal-laqgħa? B'riferenza wkoll għal dak li ntqal fit-tweġiba tal-Ministru: "Fl-istess waqt id-dipartiment huwa dispost li jkompli jiddiskuti mal-kunsill lokali xi proposti li jkun hemm għall-futur", jista' jgħid jekk kienx hemm proposti mressqa mill-kunsill fil-laqgħa msemmija aktar 'il quddiem u jekk kien hemm x'kienu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li fil-laqgħa msemmija ġiet diskussa l-possibilita' ta' Day Centre fis-Siggiewi fejn il-partijiet imsemmija wrew ix-xewqa li dan il-proġett jitwettaq bil-koperazzjoni ta' kulħadd. Ma għandi xejn xi nżid mat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija numru 24591. Fl-istess waqt aħna konxji li għaddejjin diskussjonijiet fuq proġett aktar kumpless mal-Awtorita' tad-Djar. Għal aktar informazzjoni għandha ssir il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Membri ta' l-Armata — PT Tests, BFT Tests

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif uħud mill-membri ta' l-Armata li għamlu l-PT Tests u l-BFT Tests, li jfisser li jkunu għamlu ħilithom, ma ngħatawx il-promozzjoni li kien ħaqqhom u oħrajn li m'għamlu xejn ingħatatilhom promozzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li fl-eżerċizzju tal-promozzjonijiet, il-punti li jingħataw fuq il-Physical u l-Battle Fitness Tests jiffurmaw parti minn punteġġ aktar wiesgħa li jingħata f’dik is-sezzjoni ta’ marki li jingħataw fuq it-taqsima ta’ marki fuq effiċjenza ta’ dak li jkun. Fil-każijiet li l-Onorevoli Interpellant semma fil-mistoqsija parlamentari tiegħu, individwi, setaw ma ġabux punti f’dawn iż-żewġ testijiet jew ġabu punti baxxi, iżda mbagħad pattew għalihom fis-sezzjonijiet l-oħra ta’ din it-Taqsima u Taqsimiet oħra ta’ dak li jissejjaħ Promotion Assessment Report li abbażi tiegħu isir l-eżerċizzju tal-promozzjonijiet fl-Armata.

Mediċini

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24596 u t-tweġiba tagħha, fejn il-Ministru informa li: "il-mediċini li qabel kienu jinħażnu f'Ta' Qali issa qegħdin jinħażnu temporanjament f'imħażen il-Marsa", jista' l-Ministru jgħid jekk l-imħażen fil-Marsa humiex mikrija jew proprjeta' tal-gvern? Jekk huma mikrija, kemm qed iħallas il-gvern għal din il-kirja fis-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Membru ta' l-Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif membru fl-Armata li kien ħa aktar minn 30 ġurnata sick leave u sa 15-il ġurnata qabel l-għoti tal-promozzjonijiet kien se jidher quddiem il-bord mediku biex jiġi boarded out, mhux talli ma deherx quddiem il-Bord Mediku, talli ngħata r-rank ta' Bumbardier? Għaliex ma deherx? X'kienu l-kriterji li fuqhom ingħata l-promozzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Adult Training Centre

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kienet in-natura ta' l-abbuż li ġenitur ġibed l-attenzjoni li seħħ, permezz ta' ittra lil ATC Service Manager, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fuq klijenti fl-ATC u li din l-ATC Service Manager ammoniet lil Senior Care Worker quddiem il-ġenituri waqt laqgħa, li għaliha kienu preżenti iċ-Chairman ta' l-Agenzija Sapport u ċ-Chairperson ta' l-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri, li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, li jibgħatu lil uliedhom fl-ATCs?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ittra li rreferiet għaliha l-Onor. Interpellanti kienet waħda anonima. Din l-ittra kienet tallega li care workeruża diskors u atteġġiament nieqsa mir-rispett dovut lejn persuni b'diżabilita'. Ninsab infurmata wkoll li waqt il-laqgħa ndikata, s-Service Manager spjegat li, filwaqt li hi tinvestiga kull ilment li jaslilha u tieħu l-passi meħtieġa biex tindirizza xi nuqqas, ma kienetx f'pożizzjoni li tieħu passi fuq ittri anonimi. Għalhekk talbet lil kull min ikollu xi lment biex javviċinha personalment biex tkun tista' tieħu l-passi meħtieġa. Ma jirriżultalix li, dwan dan il-każ, is-Service Manager ammonit lil xi ħadd, inkluż is-Senior Care Worker.

Adult Training Centres — Kuntratti u proċeduri

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif il-kuntratti u l-proċeduri li jirregolaw l-adult training centres u l-impjegati tagħhom qed jinbidlu mingħajr ma l-kapijiet ta' dawn l-istess ċentri qed ikunu preżenti għad-diskussjonijiet? Għaliex qed isir dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellanti tispeċifika għal liema kuntratti u proċeduri qed tirreferi.

Adult Training Centres

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-adult training centres humiex se jkunu organizzati f'ente separata fi ħdan il-fondazzjoni għas-servizzi tal-welfare jew humiex se jkunu parti integrali mill-agenzija Sapport? Jekk se jkunu parti integrali mill-agenzija Sapport, dan ma jfissirx li mhix se tinżamm il-wegħda li ngħataw l-impjegati ta' l-adult training centres mid-diriġenza ta' l-istess fondazzjoni? Jekk l-ATCs se jkunu parti integrali mill-agenzija Sapport, min ħa din id-deċiżjoni u għaliex? Jekk l-ATCs se jkunu parti integrali mill-agenzija Sapport, ma jidhrilhiex il-Ministru li l-agenzija Sapport li llum mhix tlaħħaq ma' l-għanijiet li għaliha twaqqfet minħabba nuqqas ta' riżorsi eċċ, kif fil-fatt ġie kkonfermat mill-istess rapport annwali tal-kummissjoni nazzjonali persuni b'diżabilita', aktar u aktar mhix se tlaħħaq ma' l-esiġenzi ta' riforma li jeħtieġu l-ATCs u li l-gvern ilu jgħid li se jwettaq? Tista' l-Ministru tgħid jekk l-aġenzija Sapport għandhiex ir-riżorsi umani partikolarment ta' speċjalizzazzjoni li jinħtieġu l-ATCs? Jekk iva, min huma l-persuni fl-organizzazzjoni/ġerarkija ta' l-aġenzija Sapport li huma speċjalizzati fuq l-ATCs?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nikkonferma li ċ-Ċentri għall-Persuni b’Diżabilita saru parti integrali mill-Aġenzija Sapport fi ħdan il-Fondazzjoni. Dan jirrifletti d-direzzjoni politika tal-Gvern, kif murija fl-Estimi għal din is-sena, fejn l-allokazzjoni ta’ fondi għal dawn iċ-Ċentri ġiet integrata flimkien mal-Vot ta’ l-Aġenzija Sapport. Din id-direzzjoni rriżultat mill-fatt li ma kienx jagħmel sens li jkollok żewġ entitajiet separati li jipprovdu servizzi lil persuni b’diżabilita’ fi ħdan l-istess Fondazzjoni. Fl-istess ħin kien għadda żmien biżżejjed biex l-Aġenzija Sapport tieqaf fuq saqajha u jkollha esperjenza fil-qasam tad-diżabilita’ biex tkun tista’ tieħu din ir-responsabbilta’ b’mod immedjat malli dawn iċ-Ċentri jgħaddu taħt il-Fondazzjoni. Għal dak li jirrigwarda riżorsi, ninsab infurmata li reċentement, bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi, ġiet riveduta l-allokazzjoni ta’ fondi għal din is-sena lill-Aġenzija Sapport, fejn ġiet allokata Lm147,000 addizzjonali li minnhom Lm96,000 huma ntiżi għaċ-Ċentri għall-Persuni b’Diżabilita. Kemm iċ-Chief Operations Officer ta’ l-Aġenzija Sapport kif ukoll is-Service Manager responsabbli għaċ-Ċentri huma persuni b’esperjenza fil-qasam tad-diżabilita’. Dawn, flimkien mal-kontribut li għandhom x’jagħtu l-impjegati taċ-Ċentri, għandhom iwasslu biex jingħata servizz aħjar lill-klijenti ta’ dawn iċ-Ċentri.

Membri ta' l-armata — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-lista ta' dawk il-membri ta' l-armata li ħassew li kellhom jingħataw promozzjoni u fil-fatt ma ngħatatilhomx u għalhekk issottomettew ilmenti permezz tal-proċedura interna ta' l-armata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li minħabba l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data mhux possibbli tingħata l-lista mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Aġenzija Sapport

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-fondi vvutati għall-aġenzija Sapport mhumiex maqsumin skond l-aspetti ewlenin ta' l-operat tagħha imma globalment? Tista' tagħti breakdown tal-flus li ġew ivvutati biex jintnefqu fuq l-adult training centres għal persuni b'diżabilita' u l-breakdown tal-flus li ġew ivvutati fuq id-djar residenzjali għall-persuni b'diżabilita'?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħal fil-każ taż-żewġ Aġenziji l-oħra taħt il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali, il-fondi għall-Aġenzija Sapport jiġu vvutati globalment. Dawn l-allokazzjonijiet jinqassmu skond l-aspetti ta' l-operat ta' Aġenzija rispettiva internament. Ninsab infurmata li l-Ministeru tal-Finanzi rreveda l-allokazzjoni ta' fondi għall-Aġenzija Sapport għas-sena 2007 għal total ta' Lm2,217,000, li minnhom Lm1,527,000 ġew allokati għaċ-Ċentri għall-Persuni b'Diżabilita' u Lm690,000 għas-servizzi l-oħra li jingħataw mill-Aġenzija, inkluż djar residenzjali għall-persuni b'diżabilita'.

Membri ta' l-Armata — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-lista ta' dawk il-membri ta' l-Armata li ngħataw il-promozzjoni dan l-aħħar bil-kriterji li fuqhom ingħataw u l-lokalitajiet fejn joqogħdu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-kriterji li fuqhom ngħataw il-promozzjonijiet dan l-aħħar fl-Armata kienu rregolati mill-Kundizzjonijiet tas-Servizz tal-Forza Regolari tal-Forzi Armati ta’ Malta li jistabbilixxu li l-promozzjoni għandha ssir skond rakkomandazzjoni bbażata fuq effiċjenza, anzjanità, kwalifiki u għażla biex timtela vakanza. Minħabba l-Att Dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data, mhux possibli tingħata l-lista mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

CASM — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-impjegati tal-CASMA li għal dawn l-aħħar tmien snin ġew mislufa lill-kumpannija Accor u llum Bariere? Jista' jgħid jekk il-gvern hux jikkontempla li jġedded il-kuntratt lill-kumpannija Barriere ma' l-għeluq tal-kuntratt għal għaxar snin milħuq mal-kumpannija Accor? Jekk il-kuntratt jiġġedded, il-gvern se jassigura li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li ġew mislufa mill-CASMA jitjiebu, wara li matul dawn l-aħħar tmien snin il-kunidizzjonijiet tagħhom ġew prattikament iffriżati u l-impjegati tħallew mingħajr ftehim kollettiv?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li l-operat jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru tal-Finanzi, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Casino Dragonara

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-gvern dwar l-istat ħażin li tħalla jaqa' fih il-bini tal-Casino Dragonara matul dawn l-aħħar tmien snin, għajr għal ftit irtokki ta' manutenzjoni li saru biss dan l-aħħar, wara li prattikament ma saret l-ebda manutenzjoni għal tmien snin sħaħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li l-operat jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru tal-Finanzi, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ħal Qormi — Servizz ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħata s-servizz ta' l-ilma lir-residenti fi N/S off Valletta Road, Ħal Qormi u dan meta diġa' ingħataw is-servizz tad-dawl?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li hemm diffikultajiet tekniċi biex ikun estiż il-mejn ta’ l-ilma biex ir-residenti msemmija jkunu jistgħu jingħataw is-servizz. Biex isir dan ix-xogħol, l-estensjoni tal-mejn trid tgħaddi minn propjeta’ privata f’parti fejn din it-triq għadha ma gietx ifformata. Għaldaqstant il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma se titlob lid-Dipartiment ta’ l-Artijiet biex tingħata servitu’ u b’hekk dan ix-xogħol ikun jista jsir. Din il-proċedura li trid twassal għal dikjarazzjoni tal-President dwar is-servitu’ normalment tieħu ż-żmien.

EneMalta — Vakanza ta' Chief Security Officer

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fatt li l-vakanza ta' chief security officerfl-EneMalta qed jintalab li persuni li japplikaw irid ikollhom esperjenza fil-managementjew inkella kors fil-management, hiex se tfisser li qed jiġu esklużi b'mod awtomatiku, dawk il-persuni li applikaw, u li filwaqt jista' m'għandhomx esperjenza fil-management, iżda għandhom esperjenza twila fil-qasam tas-sigurta'? Jekk iva, ma jidhirlux li l-mod kif ħarġet it-talba għall-applikazzjoni se toħloq diskriminazzjoni ċara bejn dawk li jistgħu jkunu eliġibbli għal din il-kariga?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Ħal-Qormi — Ċentru għas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jafx bid-dewmien esaġerat li qiegħed ikun hemm fiċ-ċentru għas-saħħa f'Ħal Qormi għal dawk li jagħmlu użu mis-servizzi offruti f'dan iċ-ċentru, minħabba n-nuqqas ta' impjegati, partikolarment tobba? X'qed isir min-naħa tad-dipartiment tas-saħħa biex jiġi evitat dan id-dewmien li qiegħed joħloq inkonvenjent serju għal ħafna nies li jagħmlu użu mis-servizz ta' dan iċ-ċentru, partikolarment anzjani?

Response (DEGUARA, LOUIS)

F'ċerti ġranet jista' jirriżulta li jkun hemm dewmien biex pazjenti jinqdew minn għand it-tabib. dan minħabba ċirkustanzi li d-dipartiment m'għandux kontroll assolut fuqhom bħall meta jkollok tobba morda jew oħrajn li jintalbu jitilgħu jixhdu fil-qrati. Barra min hekk hemm żewġ tobba li joħorġu miċ-ċentru tas-saħħa ta' Ħal Qormi kuljum sabiex jaraw l-immigranti illegali fiċ-ċentri tad-detenzjoni. Dan l-aħħar kien hemm ukoll tobba li rriżenjaw minn mad-dipartiment. Bħala dipartiment tal-kura primarja qed nagħmlu dak kollu possibbli biex jiżdied in-numru ta' tobba fiċ-ċentri tas-saħħa kollha u qed noffru s-sahra lil dawk it-tobba eżistenti li jridu jaħdmu aktar sigħat. Qed noffru xogħol lil dawk it-tobba privati interessati li jaħdmu part-time.