Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mard terminali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-etika stabbilita mill-professjonisti mediċi, bħal tobba u konsulenti dwar meta jkunu jinħtieġu jagħtu tagħrif dwar mard serju lill-pazjenti tagħhom, bħal meta jkunu jinħtieġu jinfurmaw li l-persuna għandha xi marda terminali? It-tobba u l-konsulenti huma marbutin li jgħidu direttament lill-pazjent tagħhom meta tiġi stabbilita l-qagħda serja tagħhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma jirriżultax li hemm xi regola speċifika li tapplika għall-każ, u għalhekk il-professjonist mediku jrid jaġixxi skond iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ u tal-pazjent involut.

Settur pubbliku — Għalliema

Question

Fiċ-ċirkostani fejn il-politika tal-gvern qed tħeġġeġ biex aktar nisa jkunu attivi fis-suq tax-xogħol, jista' l-Ministru jgħid meta l-għalliema fis-settur pubbliku se jingħataw il-faċilitajiet li diġa' jeżistu għal ħaddiema klerikali fis-settur pubbliku bħal reduced hours?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Onor. Membru taf li l-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' l-għalliema huma regolati b'mod differenti minn dawk ta' ħaddiema klerikali b'ħinijiet u ġranet ta' xogħol adatti għas-sistema edukattiv.

Reserved Parking Bays

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tat-toroq f'Hal Qormi, f'Hal Luqa u fis-Siġġiewi fejn l-Awtorita' dwar it-Trasport tat permessi biex isiru reserved parking bays għal persuni bi problemi ta' mobilita'?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qiegħed impoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Twaqqiegħ ta' bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-obbligi ta' l-iżviluppaturi eċċ. fil-konfront ta' terzi meta jkunu qegħdin iwaqqgħu xi bini li jmiss ma' proprjeta' residenzjali ta' persuni oħra u dan fil-kuntest ta' xi jrid jagħmel l-iżviluppatur biex ma jqiegħedx f'riskju ta' saħħithom u periklu għal ħajja lil dawn it-terzi persuni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

EneMalta — Vakanza ta' Chief Security Officer

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fatt li l-vakanza ta' chief security officerfl-EneMalta qed jintalab li persuni li japplikaw irid ikollhom esperjenza fil-managementjew inkella kors fil-management, hiex se tfisser li qed jiġu esklużi b'mod awtomatiku, dawk il-persuni li applikaw, u li filwaqt jista' m'għandhomx esperjenza fil-management, iżda għandhom esperjenza twila fil-qasam tas-sigurta'? Jekk iva, ma jidhirlux li l-mod kif ħarġet it-talba għall-applikazzjoni se toħloq diskriminazzjoni ċara bejn dawk li jistgħu jkunu eliġibbli għal din il-kariga?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li fiċ-Ċirkulari ċitata minnha, mkien ma tgħid li min m'għandux esperjenza fil-Management jew min m'għandux kors fil-Management qed jiġi skwalifikat, wisq iżjed b'mod awtomatiku.

Persuni b'diżabilita' — Opportunitajiet edukattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex żgħażagħ b'diżabilita' li spiċċaw l-iskola sekondarja u li jistgħu jkomplu jitħarrġu ma sabux opportunitajiet edukattivi u/jew ta' taħriġ maħsub għalihom? Ma jidhirlux li din hija sfortuna mhux biss għal dawn iż-żgħażagħ li kellhom iwaqqfu l-proċess tal-kisba ta' life skillseċċ., ħesrem, iżda għas-soċjeta' li diġa' nvestiet ħafna fihom matul is-snin ta' edukazzjoni li diġa' ħadu? Xi pjanijiet għandu l-gvern fl-immedjat biex dawn iż-żgħażagħ ma jkomplux jitilfu dak li diġa' kisbu anzi jkomplu jkabbru l-iskills tagħhom fil-futur?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dawk iz-zgħazagħ b'dizabilita' li spiċċaw l-iskola sekondarja u li jistgħu jkomplu jitħarrġu dejjem sabu opportunitajiet edukattivi sabiex huma jistgħu jkomplu ikabbru l-ħiliet tagħhom. Dawn sabu opportunitajiet edukattivi kemm fl-Universita', fl-MCAST u kif ukoll fil-Giovanni Curmi Higher Secondary, Naxxar. Ħadd miz-zgħazagħ li kellhom kompetenzi sabiex ikunu jistgħu jsegwu programm ta' taħriġ edukattivi f'dawn l-istituzzjonijiet imsemmija ma tħalla barra. Zgħazagħ oħra b'dizabilita' intellettwali li għalqu sittax-il sena u li spiċċaw l-iskola sekondarja dejjem sabu post sabiex il-proċess tal-kisba tal-life skills eċċ. komplew isaħħuhom billi jattendu għall-programmi speċjalizzati fl-iskejjel speċjali. Bħalissa qed issir ħidma dwar kif jistgħu jitjiebu s-servizzi f'dan il-qasam.

Ħal Qormi — Xogħlijiet fuq triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol li kien qed isir fuq Triq Mons Gerald Frendo f'Ħal Qormi, waqaf ħesrem bil-konsegwenza li issa mhux biss it-triq qed toħloq tbatijiet lir-residenti fiha, iżda wkoll il-bankini li ma tkomplewx u li wħud mir-residenti lanqas jistgħu jagħmlu użu mill-garages tagħhom u qed ikollhom iħallu l-vetturi tagħhom barra esposti għal ħafna riskji? Jista' l-Ministru jara li dan ix-xogħol jitkompla minnufih biex ir-residenti ma jibqgħux isofru minn dawn it-tbatijiet bla ħtieġa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija qiegħed isir xogħol ta' skavar fuq plot privata u li minħabba dan ix-xogħol, kellu jinbena boundary wall li qiegħed jokkupa parti mill-wisgħa tat-triq. Dan qiegħed jostakola li jitkompla x-xogħol. Sadanittant qegħdin isiru plate bearing tests biex jiġi stabbilit jekk l-irdim li kien sar minn terzi persuni jilħaqx l-istandard stabbilit meħtieġ għall-bini ta' l-istess triq.

Day centre għall-anzjani

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 24818 dwar il-possibilta' ta' day centre għall-anzjani fis-Siġġiewi, tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-proġett aktar kumpless ma' l-Awtorita' tad-Djar, li qed isiru diskussjonijiet dwaru u li mit-tweġiba tal-Ministru għas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' huwa implikat li għandu x'jaqsam ma' day centre għall-anzjani fis-Siġġiewi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-proġett ta' l-Awtorita' tad-Djar li rreferit għalih l-Onor. Interpellanti jikkonsisti f'kumpless residenzjali ta' 60 appartament u blokk ta' 21 unit maħsub biex jiġi allokat lil persuni anzjani jew bi bżonnijiet speċjali. Dan il-kumpless maħsub li jinkludi wkoll Day Centre għall-anzjani, Child Day Care Centre, 85 garaxx kif ukoll landscaped area.

Direttorat għall-Investigazzjoni kontra l-Frodi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati fid-Direttorat għall-Investigazzjoni kontra l-Frodi, bid-dmirjiet tagħhom u l-iskali ta' salarji? Tista' tgħid fuq liema bażi dawn l-impjegati huma ngaġġati, jiġifieri jekk hux full time jew part-time jew b'xi mod ieħor? Kemm hemm fuq kull tip ta' kuntratt u x'inhuma d-dmirjiet tagħhom u l-iskali tas-salarji tagħhom? Tista' tgħid jekk qattx ġie farmed out xi tip ta' xogħol lil xi individwi u/jew entita' li mhix parti mis-servizz pubblika u/jew parti mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali? Tista' tgħid kemm sar overtime f'dan id-Direttorat minn kemm ilu mwaqqaf, xahar b'xahar u lil min ingħata l-overtime? Tista' tgħid kemm sar overtime fit-taqsima, li kienet inwaqqfa għal prattikament l-istess skop qabel ma twaqqaf dan id-Direttorat, sena b'sena mill-1998? Tista' tgħid kemm-il spezzjoni u/jew investigazzjoni saret minn dan id-Direttorat minn meta twaqqaf sal-lum, xahar b'xahar u kemm mill-każijiet li ġew investigati ġew maqtugħa mill-eliġibilita' għal benefiċċji soċjali u kemm minn dawn il-każijiet appellaw minn din id-deċiżjoni tad-Direttur ta' dan id-Direttorat quddiem l-Arbitru u kemm dan id-Direttorat tilef appelli quddiem l-Arbitru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li: In-numru ta’ impjegati fid-Direttorat għall-Frodi ta’ Benefiċċji u Investigazzjoni, preżentament hu: Direttur - Skala 4 Assistent Direttur - Skala 5, fuq pre-retirement leave Prinċipal –Skala 10 4 Spetturi (Frodi ta’ Benefiċċji u Investigazzjoni) – 1 fuq Skala sostantiva 10, 2 fuq Skala sostantiva 11 u ieħor fuq Skala sostantiva 13 2 Uffiċjali Eżekuttivi ( Desk Officers ) - Skala 13, persuna minnhom fuq Parental Leave Skrivan Anzjan – Skala 14 Skrivan – Skala 16 2 Impjegati ta’ l-IPSL ( Desk Officers ) Dawn l-impjegati huma kollha full time. Id-direttur u l-assistent direttur qiegħdin fuq kuntratt li hu standard għall-impjegati fil-pożizzjoni ta’ direttur u assistent direttur rispettivament mal-Gvern. L-ispetturi għandhom kuntratt skond kif provdut fis-sejħa għall-applikazzjonijiet li kienet ħarġet għall-mili ta’ dawn il-postijiet. Qatt ma ġie farmed out xi tip ta’ xogħol minn dan id-Direttorat. It-Tabella Numru 1, li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, turi l-ammont ta’ overtime li sar fid-Direttorat minn Jannar 2006 ’l hawn. Kull membru tad-Direttorat intitolat jaħdem l- overtime jingħata l-opportunita` li jagħmel dan meta jkun hemm il-bżonn. Dwar il-ħames parti tal-Mistoqsija ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella 1A li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmata li n-numru ta’ każijiet investigati u numru ta’ rakkomandazzjonijiet biex jitwaqqaf il-benefiċċju huma kif jidhru f’Tabella Numru 2 li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Irrid niċċara li dan id-Direttorat jagħmel biss rakkomandazzjonijiet, bażati fuq l-investigazzjonijiet, lid-Direttur Ġenerali għas-Sigurta’ Soċjali biex jitwaqqaf xi benefiċċju. Id-deċiżjoni jekk il-benefiċċju jitwaqqafx jew le hi r-responsabbilita’ ta’ dan ta’ l-aħħar. Għalhekk ma sar ebda appell quddiem l-Arbitru mid-deċiżjonijiet tad-Direttur għall-Frodi ta’ Benefiċċji u Investigazzjoni.

ATMs

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ATMs li huma f'areas residenzjali, ma jkunux ta' inkonvenjent għall-istess residenti, minħabba konsegwenzi ta' parkingbl-addoċċ, ħsejjes u exhaustaktar eċċ., u wkoll minħabba li dawn l-istess ATMs li huma mħarsa bis-cctvs qed inaqqsu l-privatezza ta' dawn ir-residenti, u dan għaliex hemm każi li r-residenti talbu xi banek biex jikkunsidraw din il-pożizzjoni li ġew fiha, wara li twaħħlu l-ATMs u li sfortunatament, ma ġewx sodisfatti, meta fl-aħħar mill-aħħar ir-residenti kienu qabel ma ġew installati dawn l-ATMs?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

MEPA — Permessi għal bini ta' stallel taż-żwiemel

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn il-MEPA għandha identifikat biex tagħti permessi għall-bini ta' stallel taż-żwiemel u jekk għandhiex xi policy partikolari dwar dan il-qasam?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħejjiet policy "Agriculture, Stables and Farm Diversification" li fost l-oħrajn titratta stalel taż-żwiemel. Din il-policy ġiet approvata mill-Awtorità u issa tressqet għall-approvazzjoni tal-Gvern.

Agro-turiżmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern rigward l-agro-turiżmu? Jekk hemm politika dwar dan is-settur, għal liema nħawi ta' Malta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Ministeru tat-Turiżmu u Kultura jikkonsidra l-Agro-turizmu bħala settur ieħor importanti għall-industrija tat-turizmu, u li dan jista jikkontribwixxi ħafna favur il-problemi ta' l-istaġjonalita'. Is-suċċess għall-iżvilupp ta’ dan jiddependi ħafna minn tfassil ta’ linji ta' gwida dwar bini u pjannar, minħabba l-fatt li fil-parti l-kbira tagħhom, il-bini ta’ proġetti bħal dawn jinstabu f’lokalitajiet li huma barra ż-żoni għall-iżvilupp. Għaldaqstant il-Ministeru tat-Turizmu u Kultura is-sena l-oħra issottometta abbozz ta’ proposti lil-MEPA għal kunsiderazzjoni, u fil-fatt f’Novembru tas-sena l-oħra l-MEPA fasslet linji ta’gwida għall konsultazzjoni li għandhom jgħinu l-iżvilupp ta’ din is-settur. Il-Ministeru mhux jirakkomanda li jillimita dan l-iżvilupp f’lokalitajiet partikolari, għalkemm jirrikonoxxi li Għawdex għandu jappella partikolarment għal dan is-suq.

Ħal Qormi — Bini ta' djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-plots fi Triq id-Dragun u t-toroq ta' biswit din l-istess triq, f'Ħal Qormi biex jinbnew djar li sal-lum l-art għadha ma ġietx akkwistata mill-gvern? Jista' jgħid x'inhu t-titolu legali li kienu ngħataw lil min bena d-dar residenzjali tiegħu fuq dawn il-plots25 sena ilu u sal-lum għadhom b'kuntratt ta' konvenju?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 22690. Ninsab infurmat illi kull ma jrid jiżdied ma' dik it-tweġiba huwa li minn dakinhar kien hemm żvilupp fis-sens li ġie iffinalizzat l-esproprju ta' Plots 115 sa 116 fi Triq il-Plejju u 118 sa 120 fi Triq s-Sagħtar. Bħalissa għaddej il-proċess biex dawn il-plots jiġu ttrasferiti lill-Awtorita' tad-Djar. Barra minn hekk tlesta wkoll il-proċess ta' trasferiment favur lill-istess Awtorita' tas-sitt plots li kont irreferejt għalihom fit-tweġiba għal mistoqsija li rreferejt għaliha aktar l'fuq.

St Vincent de Paule — Ikel

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-menu ta' l-ikel li ġew mitmugħa l-anzjani f'St Vincent de Paule Residence matul dan l-aħħar xahar, ġurnata b'ġurnata?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-menus fir-residenza San Vinċenz de Paul jinħadem fuq perjodu ta' ġimgħa u jolternaw bejn żewġ menus fuq bażi ta' menu differenti kull ġimgħatejn. Kopji ta' dawn il-menus qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

St Vincent de Paule — Ħasil tal-pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex f'ċerti swali f'St Vincent de Paule Residence l-anzjani bdew jiġu maħsula fl-4.30 a.m. meta normalment jibdew jiġu maħsula wara s-7.00a.m., bil-konsegwenza li l-anzjani ġew disturbati?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li mhux proċedura li residenti jiġu maħsula fl-4.30am. F'dawn l-aħħar għaxar snin, każijiet fejn residenti tqajjmu kmieni kienu iżolati bħal per eżempju fejn numru ta' residenti marru ġurnata Għawdex.

Membru ta' l-Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif membru fl-Armata li kien ħa aktar minn 30 ġurnata sick leave u sa 15-il ġurnata qabel l-għoti tal-promozzjonijiet kien se jidher quddiem il-bord mediku biex jiġi boarded out, mhux talli ma deherx quddiem il-Bord Mediku, talli ngħata r-rank ta' Bumbardier? Għaliex ma deherx? X'kienu l-kriterji li fuqhom ingħata l-promozzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li ma jirriżultax li xi individwu fl-Armata li ħa l-promozzjoni ta’ Bumbardier, kien imsejjaħ biex jidher quddiem Bord Mediku sa ħmistax-il ġurnata qabel ingħataw l-promozzjonijiet ta’ dan l-aħħar.

Membri ta' l-Armata — Infantary Course

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex mill-membri kollha ta' l-Armata li ħadu sehem fl-Infantary Course, membru wieħed biss ġie rikonoxxut?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li fl-Armata jiġu organizzati numru sostanzjali ta’ korsijiet matul is-sena. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex ġentilment tissottometti aktar dettalji dwar dan il-każ.

Membri ta' l-Armata — Ftehim

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex minkejja l-ftehim fl-Armata mal-Higher Authority tagħha, biex dawk il-membri fl-armata stess li ilhom anqas minn ħames snin ingaġġati ma' kellhomx jiġu rrakkomandati għall-promozzjoni, kif imbagħad fl-għoti tal-promozzjonijiet kien hemm min attwalment kien ilu anqas minn erba' snin ingaġġat u kkwalifika għall-promozzjoni? Fuq liema kriterji inbidel dan il-ftehim? Għaliex inbidel dan il-ftehim?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li fl-eżerċizzju ta’ promozzjonijiet li saru dan l-aħħar, iż-żmien fis-Servizz li wieħed kien mistenni li jkollu qabel ma kellu jiġi kkunsidrat għall-promozzjoni kien ta’ mhux inqas minn sentejn u mhux ħames snin kif l-Onorevoli Interpellant iddikjarat fil-mistoqsija parlamentari. Istruzzjonijiet f’dan ir-rigward kienu nħarġu lil uffiċjali kollha li kienu obbligati jimlew l-Promotion Assessment Report li abbażi tiegħu isiru l-promozzjonijiet fl-Armata.

Sptarijiet governattivi — Xogħol ta' tapezzara

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi li qed jingħataw ix-xogħol ta' tapezzara fl-isptarijiet tal-gvern? Kemm ingħata b'xogħol, sena b'sena matul dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Diviżjoni tas-Saħħa bdiet tagħti xogħol ta' tapezzar lill-kuntratturi mis-sena 2001. It-totali li ngħataw sena b'sena kien kif ġej: Sena Michale Grima (Lm) Godwin Ferrante (Lm) F. Danenici (Lm) David Zammit (Lm) John J. Xuereb (Lm) Pierre Conti (Lm) Ronnie Cachia (Lm) 2001 1876.99 - - - - - - 2002 4518.24 - - - - - - 2003 2737.50 - 295.00 - - - - 2004 4323.59 274.48 - 69.62 - - 1787.80 2005 2646.91 2343.48 - 102.66 100.80 190.95 1648.00 2006 716.41 - - 152.00 - 1570.00 871.20 2007 989.40 499.68 - - - 578.00 - Total 17809.04 3117.64 295.00 324.28 100.80 2338.95 4307.00