Legislature:
Category:
Reset
Active:

Computers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura u/jew s-sistema li biha familji li ma jistgħux ilaħħqu ma' l-ispiża ta' xiri ta' computer, qed jingħataw opportunita' li jakkwistaw computers f'kondizzjoni tajba bi prezz imraħħas ħafna, kif stqarr pubblikament fil-ġurnal in-Nazzjon, tat-30 ta' Mejju, 2007? Min qiegħed jissupplixxi dawn il-computers? Dawn huma computers second hand? X'inhuwa l-prezz ta' dawn il-computers?

Response (GATT, AUSTIN)

Bi pjaċir ninnota li fl-aħħar l-Oppozzizzjoni qiegħda tinteressa ruħha f’dan l-izvillup pozittiv għal dawk il-familji li ma’ jistgħux ilaħħqu ma’ l-ispiza ta’ kompjuter ġdid. Ngħid dan għaliex s’issa l-unika ħaġa li għamel il-Partit Laburista f’dan il-proċess kien li wera opportunizmu politiku bla preċedenti bil-għan li jgerrex lil min hu interessat li jikkompeti għal dan it-tender billi wasal ukoll biex hedded lil kull min hu interessat li jekk qatt il-Partit Laburista jkun fil-Gvern, kien ser jirrevedi kuntratt pubbliku li jkun ingħata skond il-Ligi. Fir-rigward tal-mistoqsijiet speċifiċi ta’ l-Onorevoli Interpellant ninsab infurmat li: Ser jinħargu linji gwida dwar min hu eliġibbli għal dawn il-kompjuters. Wara jkun hemm proċess ta’ applikazzjoni miftuħa. Dawn huma kompjuters u laptops li llum qegħdin jintuzaw fil-Gvern u l-prezz ikun stabbilit wara li taghlaq it-tender relattiva biex jigi stabbilit l-ispiza tar-refurbishment.

ST Microelectronics

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhija s-sitwazzjoni fl-ST Microelectronics minħabba d-diċeriji li hawn dwar it-tnaqqis ta' kundizzjonijiet tax-xogħol għal ħaddiema u anke l-possibilitajiet ta' sensji?

Response (GATT, AUSTIN)

L-ST Microelectronics hija kumpanija privata u ma taqgħax taħt il-kompetenza tal-Ministeru tiegħi.

Programm ta' restawr

Question

In vista tal-programm ta' restawr li l-Gvern qiegħed iwettaq jista' l-Ministru jgħid jekk fil-pjan li għandu, n-niċċeċ u kappelli f'Hal Qormi, hawn taħt imniżżlin, humiex inklużi biex jiġu restawrati u dan minħabba l-istat ħażin li qegħdin fih u sussegwentement qed jinħoloq ir-riskju li jaqgħu u nitilfu parti mill-istorja tagħna partikolarment tan-nies ta' Hal Qormi? Il-Knisja tal-Ħlas żewġ niċċeċ fi Triq Dun Mario żewġ niċċeċ fi Triq San Gorġ niċċa fi Triq Barrakki il-kappella li qegħda fi Triq Santa Katarina kantuniera ma' Triq San Pietru il-kappella li qegħda fi Triq Santa Katerina ftit l-isfel mill-junction ta' Triq Santa Katerina u Triq l-Isqof Scicluna tlett niċċeċ fi Triq Santa Katerina, ftit 'l fuq mill-qasam tal-mużew il-kappella fi Triq Santa Katerina quddiem id-dar storika ta' Stanislaw Gatt niċċa fi Triq Aloisio ma' Triq San Gorġ, kif iddur min-naħa ta' isfel ta' Triq Dun Mario żewġ niċċeċ fiż-żewġ kantunieri fi Triq il-Kbira ma' Triq San Pietru żewġ niċċeċ fiż-żewġ kantunieri fi Triq il-Kbira qrib is-Sorijiet Agostinjani niċċa fi Triq il-Vitorja quddiem l-uffiċċju distrettwali tas-sigurta' soċjali is-salib li hemm fil-Pjazza tal-Vitorja ħdejn l-istatwa ta' San Gużepp quddiem il-Knisja tal-Vitorja Jekk dawn qegħdin fil-pjan tar-restawr tal-Gvern, jista' l-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol u meta huwa maħsub li jitlesta? Jekk dawn mhux qegħdin fil-pjan tar-restawr tal-Gvern jista' l-Ministru jgħid għalhekk x'se jsir fid-dawl tal-qagħda ħażina ta' xi wħud minn dawn il-monumenti storiċi f'Hal Qormi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi fil-preżent it-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qiegħda tħejji l-istudji neċessarji għal proġetti ta’ restawr tal-Kappella ta’ Santa Marija ta’ Qrejċa u ta’ Santa Marija tal-Ħlas ġewwa Ħal Qormi u huwa maħsub li jinbdew fl-2008. Għall-futur immedjat, mhumiex ippjanati aktar xogħlijiet ta’ restawr ġewwa Ħal Qormi barra dawk imsemmija hawn fuq. Barraminnhekk, niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant li t-Taqsima tar-Restawr tagħmel ukoll xogħolijiet permezz ta' Joint Venture ma' numru ta' kunsilli lokali. Ninsab infurmat illi sa mill-2003, minn meta ġiet introdotta din l-iskema, l-kunsill lokali ta' Ħal Qormi li ma neskludix li huma ukoll għandhom għall-qalbhom il-wirt storiku tal-lokalita', ma ressqu l-ebda talba għal xogħol ta' restawr.

Pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir xi forma ta' pelican lights eċċ quddiem il-Maltapost f'Hal Qormi u dan għaliex huma ħafna dawk li jaqsmu din it-triq proprju minn din il-parti, kemm jekk għax-xogħol kif ukoll biex jiġu segwiti l-attivitajiet li jkunu organizzata fil-Marsa Racing Club u dan sabiex jiġi ndirizzat l-periklu li jeżisti f'din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Is-sit li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Nterpellant diġa ġie kkunsidrat mill-Awtorita’dwar it-Trasport ta’ Malta u sar diżinn meħtieġ sabiex isiru l-pelican lights. Għaldaqstant ingħata wkoll il-kuntratt tax-xogħol sabiex il- pelican lights tiġi mplimentata fi żmien qasir.

Taxxa fuq trasferiment ta' proprjeta'

Question

Jaf il-Prim Ministru li t-taxxa fuq trasferiment ta' proprjeta ġejja minn wirt fuq nisa miżżewġin u li ma jaħdmux qed tkun indirizzata lill-irġiel tagħhom? Ma jidhirlux li din il-proċedura hija waħda diskriminatorja a bażi ta' sess? Ma jidhirlux li din il-proċedura m'hijiex konformi mal-prinċipju tal-liġi, fis-sens li proprjeta' li ġejja minn wirt hija meqjusa bħala parafernali u mhux parti mill-komunjoni ta' l-akkwisti u għaldaqstant, il-parti l-oħra fiż-żwieġ m'għandhiex għalfejn tkun involuta anke mil-lat ta' taxxa? X'se jsir min-naħa tad-dipartiment biex din il-proċedura tinbidel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Telefonija ċellulari

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-antenna li jitwaħħlu minn kumpanniji tat-telefonija ċellulari fuq bjut ta' proprjeta' privata hux qed tkun iċċertifikata li tagħmel ħsara lis-saħħa tan-nies mill-aspett ta' radjazzjoni, eċċ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26394, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li testijiet dwar l-antenna li jitwaħħlu minn kumpaniji tat-telefonija ċellulari isiru mill-Malta Communications Authority bħala l-Awtorita` kompetenti u mhux mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika. Għal aktar dettalji fuq kif isiru dawn it-testijiet nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant tirreferi lill-Ministru responsabbli mill-Malta Communications Authority.

Caring for the Elderly — Kors

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ir-riżultati tar-re-sit li sar għaċ-Ċertifikat aħħari tal-kors Caring for the Eldery (ESF 16), li nżamm fid-19 ta' Frar, 2007, rċevewh fil-21 ta' Mejju, 2007? Għaliex damu daqshekk biex it-tlett studenti li għamlu dan l-eżami tħallew fl-għama għal tlett xhur sħaħ dwar l-andament ta' xogħolhom? X'kienet l-marka stabbilita' għal pass mark? Għaliex fl-ewwel eżami li sar fl-14 ta' Diċembru, 2006, studenti bid-dyslexia ma ngħatawx l-għajnuna u mbagħad fir-re-sit ingħatatilhom? Għaliex ma ngħatawx din l-għajnuna mill-ewwel meta professjonisti fl-iskola huma konxji li dawn l-istudenti għamlu sforz kbir biex ħadmu fil-kors b'suċċess, iżda ma jifilħux għal pressjoni ta' studju qawwi għat-tieni darba konsekuttiva fi żmien relattiva qasir? Ma jidhirlux l-Ministru li l-ambjent għal dawn l-istudenti li għandhom ħteġijiet speċjali, fl-aħħar fażi tal-kors, jiġifieri fil-mod kif tmexxew l-eżamijiet, ma jirrifletti xejn, il-policy ta' inclusive education?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Xogħol ta' tattooist

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk biex persuna tagħmel xogħol ta' tattooist tenħtieġx xi permessi mid-Dipartiment tal-Kummerċ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li skond l-iskeda 6 tar-Regolamenti tal-Liċenzji tal-Kummerċ A.L. 1 ta' 2006, Tattoists ma jiġux liċenzjati mid-Direttorat tas-Servizzi tal-Kummerċ iżda mid-Dipartiment tas-Sanita', għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-għalliema mhux jibbenefikaw mill-iskemi ta' family friendly work practices bħal impjegati oħra fis-servizz pubbliku? Jista' jgħid għaliex l-għalliema fis-servizz pubbliku ma jistgħux jibbenefikaw mis-sistema ta' reduced hours minħabba l-familja? Jista' jgħid jekk hux ippjanat li din is-sistema u/jew sistemi oħra jiġux aċċessibbli għall-għalliema fis-servizz pubbliku bħal impjegati oħra fis-servizz?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliema jgawdu minn diversi family friendly work practices bħal leave marbut ma’ maternita’ jew paternita’, leave għat-twelid, leave f’każ ta’ żwieg jew mewt, u waqfa mill-karriera. Uffiċjali fil-grad ta’ għalliem jistgħu jidħlu jaħdmu sa l-aħħar ta’ Frar jew fil-bidu tas-sena skolastika f’Settembru, anke jekk ma jkunux ħadu t-tnax-il xahar kollu tal-leave għall-ġenituri. Il-bqija tal-leave jintilef biex il-lezzjonijiet ma jiġux sfrattati. Rigward is-sistema ta’ sigħat imnaqqsa wieħed irid josserva li l-għalliema diġa’għandhom ġimgha ta’ kuntatt ma’ l-istudenti fl-iskejjel ta’ 27.5 siegħa (u waqt in-nofs ta’ nhari anke anqas minn hekk) u vaganzi fissi matul is-sena fil-Milied, l-Għid u s-Sajf. Minħabba li fl-edukazzjoni l-interess primarju hu dak tat-tfal u l-istudenti, u minħabba li ħinijiet diġa` limitati li semmejt aktar ‘l fuq kif marbut max-xogħol partikolari ta’ l-għalliema, ikun diffiċli li ġimgħa li diġa’ għandha anqas sigħat ta’ kuntatt dirett tkompli titnaqqas. Fil-livell ta’ kindergarten u primarju l-għalliema mistnenija jgħallmu l-istess klassi għal matul il-ġimgħa kollha. Fil-livell sekondarju s-sistema differenti. Tnaqqis ta’ sigħat ta’ xogħol (tagħlim) fil-livell sekondarju, jekk ma jkunx ippjanat għal matul is-sena skolastika kollha, joħloq problemi serji fit-tagħlim ta’ l-istudenti.

Marsa Sports Ground

Question

Jaf il-Ministru li l-unika spazju li huwa konvenjenti biex familji li jġibu lil uliedhom b'diżabilita' ġewwa l-Marsa Sports Ground biex jagħmlu l-horse ridingfejn jipparkjaw ilu xhur twal jimtela' bl-imbarazz u l-ħmieġ? Jaf li minkejja d-diversi rapporti li saru biex dan l-ispazju jiġi mnaddaf ma tnaddaf qatt, anzi fl-aħħar ġimgħa kompliet tingħalaq l-entratura bir-rimi ta' skart ta' kostruzzjoni? Għaldaqstant, jista' l-Ministru jassigura li jsir it-tindif meħtieġ ta' dan l-ispazju li tant huwa meħtieġ għall-ipparkjar minn dawn il-familji li għandhom tfal u żgħażagħ b'diżabilita' u jara li jittieħdu azzjonijiet biex ikun hemm deterrent effettiv kontra min qiegħed jagħmel dan il-post miżbla?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-iSport ħa passi neċessarji biex dan l-ispazju jiġi mnaddaf kif meħtieġ.

Dħul ta' l-Ewro

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'inhi u/jew x'se tkun is-sistema għal dawk il-Maltin li għandhom flus imġemmgħin id-dar u li issa jridu jaqilbuhom għall-Ewro? B'liema mod se jkunu jistgħu jagħmlu dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mill-1 ta’ Diċembru 2007, kull ċittadin se jkun jista’ jieħu l-flus imġemmgħin id-dar għand wieħed mill-banek kummerċjali. Il-banek kummerċjali, skond id-dispożizzjonijiet indikati fit-tielet aġġornament tal-Master Plan maħruġ mill-Kumitat Nazzjonali għall-Bidla għall-Ewro, se jibdew isarfu minn din id-data mil-Lira Maltija għall-ewro mingħajr ma jimponu ebda charges addizzjonali. Madankollu, għal matul ix-xahar ta’ Diċembru, dan is-servizz se jkun jiddependi mid-disponsibilità ta’ flus kontanti ta’ l-ewro min-naħa tal-bank. Minn Jannar 2008 sa Marzu 2008, iċ-ċittadini se jkunu jistgħu jsarfu għand il-bank kummerċjali tagħhom, mingħajr limiti, u mingħajr spejjeż il-karti u l-muniti fil-Lira Maltija. L-unika ħtieġa hi li jinfurmaw lill-bank tagħhom jumejn qabel jekk ikunu fi ħsiebhom isarrfu aktar minn Lm250. Madankollu, bank għandu d-dritt li jimponi limitu ta’ Lm250, meta min ikun qed iwettaq dik it-transazzjoni ma jkunx klijent ta’ dak il-bank. Wara dawn it-tliet xhur, kulħadd se jkollu ċans isarraf il-muniti u l-karti tal-Lira Maltija f’ewro fil-Bank Ċentrali għal sentejn u għaxar snin rispettivament. Naturalment, dawn il-flus jistgħu jiġu depożitati minn issa f’kontijiet denominati fil-Lira Maltija jew f’investimenti oħra li eventwalment se jiġu mibdula f’ewro mingħajr ebda spejjeż. Dawn it-transazzjonijiet dejjem ikunu suxxettibbli għall-liġijiet attwalment fis-seħħ dwar il-ħasil ta’ flus.

Forzi Armati — Membri li jgħalqu l-55 sena

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jafx jekk dawk il-membri tal-Forzi Armati li jagħlqu l-55 sena qed jintbagħtu jirreġistraw għax-xogħol ma' l-ETC u qed jintqal lilhom li mhux se jkun possibbli li jinstabilhom xogħol full time, iżda xogħol part-time? Ma jidhirlux li dawk li jifilħu jaħdmu u jixtiequ jaħdmu għandhom jingħataw xogħol full time? Ma jidhirlux li għal persuni ta' 55 sena qed ikun diffiċli li jinstab ix-xogħol għalihom? Ma jidhirlux li fiċ-ċirkostanzi dawn il-membri tal-Forzi Armati għandhom jingħatalhom xogħol fl-armata li jkun addattat għalihom skond iċ-ċirkostanzi u dan sabiex ma tintilifx l-esperjenza u s-snajja li dawn għandhom? Jista' jgħid kif fiċ-ċirkostanzi li dawn il-membri ma jinstabilhomx xogħol, se jkunu effettwati fir-rigward tal-pensjoni kontributorja tagħhom ma' l-għeluq taż-żmien biex jirtiraw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Qormi — Triq Mons Gerald Frendo

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25646 dwar Triq Mons Gerald Frendo, jista' l-Ministru jgħid jekk in vista tat-tagħrif li ta jfissirx li minħabba l-iżvilupp privat ir-residenti humiex se jibqgħu jbatu l-konsegwenzi tat-twaqqif tax-xogħol in kwestjoni għal perjodu in definit? Jista' jgħid jekk għallinqas, jistax jitkompla x-xogħol fuq il-bankini li huma diġa' ffurmati permezz tal-kurduna ta' barra u tista' għallinqas titwitta t-triq u titlesta fil-maġġor parti tagħha fejn l-iżvilupp in kwestjoni ma jaffettwax, biex il-problema li llum teżisti u li qed tolqot lil kulħadd, tittaffa'?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ntlaħaq ftehim ma' terzi persuni li għandhom żvilupp privat f'din it-triq biex ilestu xogħlijiet neċessarji ta' ħajt ta' lqugħ ta' triq kemm jista' jkun malajr. B'hekk it-triq tkun tista' titlesta fi ftit ġimgħat oħra.

Cittadinanza doppja

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ċittadini Maltin mwielda barra minn Malta minn ġenituri Maltin u li ġew imġiegħla jneħħu ċ-ċittadinanza barranija minħabba ċirkostanzi tagħhom qabel il-liġi tas-sena 2000 dwar iċ-ċittadinanza doppja? Kemm minnhom huma mill-Istati Uniti, Kanada, Awstralja, Ingilterra u pajjiżi oħra? X'qed jagħmel jew x'jista' jagħmel il-gvern Malti biex dawk li kienu mġiegħla jiċħdu d-drittijiet ta' art twelidhom minħabba ċirkostanzi tagħhom, jgħinhom jerġgħu jiksbu d-drittijiet ta' art twelidhom bl-għajnuna ta' l-ambaxxaturi Maltin jew Konsli mill-pajjiżi rispettivi tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li ebda Gvern Malti ma “ġiegħel” lil xi persuni mwielda barra minn Malta biex ineħħu ċ-ċittadinanza tal-pajjiżi fejn twieldu. F’dan ir-rigward infakkar lill-Onor. Interpellant li meta Malta saret Stat Indipendenti fil-21 ta’ Settembru 1964, kienet għażlet li żżomm ċittadinanza waħda għaċ-ċittadini Maltin. Għalhekk dawk il-persuni li kienu twieldu barra minn Malta, li kellhom żewġ ċittadinanzi u li xtaqu jibqgħu Malta u jgawdu benefiċċji mogħtija mill-Istat Malti liċ-ċittadini Maltin, kellhom jagħżlu ċ-ċittadinanza Maltija. Kif taf tajjeb l-Onor. Interpellant il-Gvern, kemm fis-sena 1989, u kemm fis-sena 2000, għamel ħafna tibdil fil-liġi taċ-ċittadinanza sabiex ċittadini Maltin ikollhom żewġ ċittadinanzi u l-problemi li semmiet setgħu jiġu megħluba. Dwar dak li qed titlob l-Onor. Interpellanti ninsab infurmat li ma teżistix statistika dwar din l-informazzjoni, għalkemm in-numru konċernat huwa ta’ xi ftit eluf. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija tagħha, ninforma lill-Onor. Interpellanti li dan m’huwiex il-kompitu tal-Gvern Malti. Fejn, iżda, il-Gvern Malti ġie mitlub xi għajnuna simili minn għaqdiet ta’ Maltin f’dawn il-pajjiżi, kemm ukoll f’Malta, sa fejn kien possibbli, din l-għajnuna ngħatat, u bid-dovuta kawtela saru sottomissjonijiet lill-Gvernijiet konċernati.

Virus tal-HIV

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mis-46,000 testijiet li saru għal verifika dwar il-marda ta' l-AIDS, bejn is-sena 2000 u 2007 nstabu pożittivi għal virus ta' l-HIV? Jista' jagħti sena b'sena, mis-sena 2000 sa 2007, kemm-il test sar kull sena u kemm instabu minn dawn it-test pożittiv għall-virus ta' l-HIV? Jista' jgħid x'inhi s-sitwazzjoni kurrenti, i.e. kemm persuni qed jiġu nfettati kull sena u x'inhuwa t-total ta' dawk il-pazjenti li llum qed isofru mill-marda ta' l-HIV jew l-AIDS?

Response (DEGUARA, LOUIS)

nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba dwar in-numru ta' każijiet ta' AIDS u HIV bejn l-2000 u April 2007 huwa kif ġej SENA AIDS HIV 2000 3 - 2001 1 - 2002 4 - 2003 4 - 2004 2 15 2005 3 16 2006 6 23 2007 (sa 30 ta' April 2007) - 8

Universita' ta' Malta — Boroż ta' studju

Question

Peress li ta' kull sena, l-Universita' ta' Malta tagħti numru ta' boroż ta' studju (scholarships) lill-impjegati tagħha, kemm fi gradi akkademiċi kif ukoll dawk mhux akkademiċi, bil-għan li dawn ikomplu jitħarrġu u jtejbu l-kwalifiki tagħhom fuq il-post tax-xogħol u peress li l-Universita' hija ffinanzjata mill-fondi ta' l-istat, jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dettaljata, sena b'sena, għal dawn l-aħħar għaxar snin, kemm kien hemm impjegati ta' l-Universita' ta' Malta li applikaw u kemm ibbenefikaw minn din l-iskema? Jista' jagħti l-ispiża annwali ta' kull individwu, il-kriterji ta' l-għażla u tagħrif ieħor ġenerali fuq l-istudji u l-grad/post tax-xogħol ta' l-applikanti? Għaldaqstant, jista' jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għall-perijodu bejn l-1997 u s-sena 2007 skond dawn id-dettalji li ġejjin? 1. X'inhuwa n-numru ta' applikanti (maskili u femminili) għall-boroż ta' studju maħruġa mill-iStaff Development & Scholarships Committee tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani ta' l-Universita' ta' Malta għal matul il-perijodu 1997 sa l-2007? 2. X'inhu n-numru ta' applikanti magħżula u minn liema Dipartiment u/jew Istitut u/jew Fakulta' dawn kienu ġejjin għal matul il-perijodu 1997 sa l-2007? 3. X'kienu ċ-ċertifikati, diploma jew degrees universitarji li ġew miksuba fi tmiem il-kors jew riċerka ta' kull applikant magħżul/a għall-perijodu bejn l-1997 u s-sena 2007? 4. X'kienu l-perijodi tal-korsijiet jew riċerka, u jekk l-istudju kienx fuq bażi full-time jew part-time għal dan l-istess perijodu? 5. Liema huma l-istituzzjonijiet (universita', kulleġġ, eċċ) fejn sar jew qed isir l-istudju? 6. Kemm mill-impjegati rnexxielhom jiggradwaw u kemm irriżenjaw matul dan il-perijodu? 7. X'kienet u/jew x'inhi l-ispiża annwali ta' kull kors (safar, tuition fees, eċċ) 8. X'kienu u x'inhuma l-kriterji li fuqhom issir l-għażla ta' l-applikanti għal dawn il-korsijiet, studju u/jew riċerka?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li x-xogħol meħtieġ biex tinġabar l-informazzjoni mitluba jieħu ħafna żmien, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Xogħol ta' tattooist

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk biex persuna tkun tista' tagħmel xogħol ta' tattooist tinħtieġx xi permessi partikolari mid-Dipartiment tas-Saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant illi dan ix-xogħol huwa kkontrollat permezz ta' Kap 270 (Att dwar il-Kontroll tat-Tattoo) li tistipola illi biex persuna tippratika bħala tattooist irid ikollha liċenzja maħruġa mill-Ministru tas-Saħħa.

Xogħol ta' tattooist — Permessi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk biex persuna tagħmel xogħol ta' tatooist tinħtieġx xi permessi tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tattoo tal-ġilda huwa rregolat b'Kapitolu 270 tal-Liġijiet ta' Malta. Liċenzji taħt dan l-att jinħarġu mill-Ministru responsabbli għas-saħħa pubblika u mhux meħtieġ xi permess mill-pulizija.

Income and living conditions

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-lokalitajiet li minnhom ġejjin id-59,315 persuni (in-numru ta' persuni u minn liema lokal) li huma ndikati permezz tas-survey on income and living conditions 2005 u li qed jgħixu taħt is-60% tal-median equivalised income u għaldaqstant taħt il-poverty line?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.