Legislature:
Category:
Reset
Active:

Benefiċċju għal mard

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-benefiċċju għal mard jitħallas fuq bażi ta' sitt ijiem u mhux sebat ijiem, meta ħaddiem irid jiekol u jgħix sebat ijiem u mhux sitta biss? U għaliex ma jitħallasx tal-festi pubbliċi? Ma jidhrilhiex li din hija inġustizzja u twaddab lura lil dawk il-familji u individwi li jkunu qed jiddependu minn dan il-benefiċċju biss għall-għixien tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali jipprovdi għall-ħlas ta’ benefiċċju kontributorju għal mard għal dawk il-ġranet li persuna normalment taħdem. Din hi r-raġuni għaliex dan il-benefiċċju ma jitħallasx għas-sebat ijiem kollha tal-ġimgħa. Kif kelli l-okkazzjoni li ngħid pubblikament, anki f’din il-Kamra, bħalissa għaddej studju dwar r-riforma fil-liġi tas-Sigurta’ Soċjali u l-punt imqajjem mill-Onor. Interpellanti ġie mressaq għall-konsiderazzjoni tal-grupp ta’ esperti involuti.

Skema tal-MEPA

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-iskema li għandha l-MEPA magħrufa bħala Timber Replacement Scheme, ma tapplikax għal raħal antik bħal Hal Qormi u meta l-istess MEPA tidentifika ħafna mill-area f'dan ir-raħal bħala urban conservation area? X'inhi r-raġuni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Sal-lum l-iskema kienet limitata għall-Belt Valletta, għall-Floriana u għall-ibliet tal-Kottonera għal raġunijiet ta’ limitazzjonijiet ta’ fondi.

Mediċina Omerprazole

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-mediċina Omerprazole 20mg hija out of stock? Kemm ilha out of stock? Meta se tkun available fl-ispiżeriji tal-gvern? X'qed jiġu offruti l-pazjenti li huma eliġibbli għal mediċini b'xejn u huma ordnati li jieħdu din il-mediċina bħala kura għall-kundizzjoni tagħhom mill-ispiżeriji tal-gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-mediċina Omeprazole 20 mg waqgħet out of stock madwar ġimgħa ilu, minħabba żieda fil-konsum fi żmien meta s-servizzi farmaċewtiċi tal-Gvern kien hemm problemi waqt l-aġġudikar tat-tender, ta' natura regolatorja u ta' prezz. Is-servizzi farmaċewtiċi tal-Gvern qed jistennew ordni ġdida imminenti. Saret ridistribuzzjoni ta' l-istock bejn id-diversi sptarijiet u polikliniċi tal-Gvern sabiex il-pazjenti xorta jibqaw jinqdew kemm jista jkun f'dan il-perjodu fejn il-mediċina spiċċat out of stock.

Arretrati tal-pensjoni

Question

Rigward l-arretrati fil-pensjonijiet li qegħdin joħorġu, dawn huma dawk ir-reviżjonijiet li suppost isiru kull sena lil kull pensjonant? L-arretrati huma ta' sena waħda jew ta' iżjed minn sena waħda? Kemm huma l-ammonti fi flus fuq dawn l-arretrati għall-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? U kemm kien hemm pensjonanti li bbenefikaw? Dawn ir-reviżjonijiet, jekk huma hekk, ser jinħadmu għal kull pensjonant? Hemm pendenzi ta' reviżjonijiet fuq is-snin li għaddew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għaddej b'eżerċizzju ta' reviżjonijiet ta' pensjonijiet bħal ma' jsir kull sena. Hemm dawk ir-revizjonijiet li jsiru minħabba xi ftehim kollettiv, speċjalment fejn ikun hemm involuti ażjendi kbar, kif ukoll fejn il-penzjonant kien jaħdem f'organizazzjoni iżgħar. Hemm każijiet fejn ġew imħallsa arretrati għal sena u oħrajn għal aktar minn sena waħda. Dan l-eżerċizzju jinvolvi xogħol delikat, fejn l-impjegati tad-Dipartiment ikollhom idaħħlu ħafna informazzjoni jew isewwu din id-data fuq is-sistema elettronika li biha jħallas il-benefiċċji l-istess dipartiment. Ir-reviżjonijiet ser isiru fuq il-pensjonanti kollha. Tapprezza l-Onor. Interpellanti li dan ix-xogħol irid isir b'ċertu attenzjoni biex ma jsirux żbalji li jafu joħolqu inkonvenjent għall-pensjonant. In-numru ta' pensjonanti li gawdew minn ir-reviżjonijiet kien ta' 1153 b'nefqa ta' Lm364,610 jew €849,312 bħala arretrati, sa l-aħħar ta' April 2007.

News release tal-NSO

Question

B'referenza għan-news release tal-NSO rigward l-ispiża fil-benefiċċji ta-sigurta' soċjali minn Jannar sa Diċembru 2006, numru 54/2007, fejn jindika li kien hemm żieda ta' 6.8% fuq is-sena 2005, dwar benefiċċji kontributorji, tista' l-Ministru tagħtina breakdown dettaljat li juri: Kemm kien hemm żieda ta' pensjonanti, nisa/rġiel, għall-pensjonijiet tal-irtirar, tar-romol u tal-invalidita'? U kemm jikkwantifikaw f'ammonti ta' flus?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-tabella li qed inpoggi fuq il-mejda tal-kamra.

Pensjonijiet

Question

B'referenza għall-miżuri tal-budget 2007, kemm kienu l-benefiċċjari u kemm laħqet l-ispiża sal-ewwel sitt xhur tal-2007, rigward: Romol li żżewġu u ser jibqgħu jibbenefikaw mill-pensjoni għall-ħames snin ta' wara ż-żwieġ; Romol li ser jibqgħu jaħdmu bil-paga ta' iżjed mill-paga minima nazzjonali wara li t-tfal laħqu l-eta'; Persuni li jibbenefikaw minn pensjoni tad-diżabilita' li żżewġu u mhux se jittieħdilhom in konsiderazzjoni id-dħul tal-konjuġi għall-komputazzjoni tal-benefiċċju, għal ħames snin ta' wara ż-żwieġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għaddej b'eżerċizzju biex jiddentifika l-benefiċċjarji li ser jibbenefikaw mill-miżuri tal-budget 2007. Qed isir ukoll it-tibdil neċessarju fis-software tad-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali biex ikun jista' jakkomoda dawn il-benefiċċji ġodda fil-proċess ta' ħlas. Għaldaqstant għalissa għad m'hemmx in-numru u l-ammont tal-ispiża involuta kif mitluba mill-Onor. Interpellanti.

OPM — Dħul

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid mis-sena 1998 sas-sena 2005 kemm kien id-dħul medju (mean) iddikjarat u l-varjazzjoni (variance) għal dawn l-income bracketsli jidhru hawn taħt għal kull tip ta' persuni mpjegati kemm single kif ukoll miżżewġin (employed, self-employed, u pensjonanti)? Jista' jgħid ukoll kemm kienu d-deductions/allowances għal kull kategorija u għal kull tip? Income group: Lm0 - Lm4000 Lm4000 - Lm5000 Lm5000 - Lm6000 Lm6000 - Lm7000 Lm7000 - Lm8000 Lm9000 - Lm10000 Lm10000 - Lm12000 Lm12000 - Lm14000 Lm14000 u aktar.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Luqa — Impact assessments

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' impact assessments saru fuq l-area fejn qed tiġi żviluppata binja li minn dak li qed jintqal se takkomoda madwar 400 housing unit, fi Triq Ħal Tarxien f'Ħal Luqa? Jekk saru dawn l-impact assessments f'liema oqsma saru? Jekk saru, jista' jqiegħedhom fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ir-risposta tingħata f'xi seduta oħra

Liċenzja tas-sewqan

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawk l-anzjani li jagħlqu s-70 sena iħallsu l-liċenzja tagħhom kull sentejn u mhux bl-istess mod bħal dawk ta' etajiet oħra u dan minħabba li qed jeħlu aktar charges minn oħrajn?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li bis-saħħa ta' emenda li saret fi Frar ta' din is-sena fir-Regolamenti dwar il-Liċenzji għas-Sewqan ta' Vetturi bil-Mutur, il-liċenzja tas-sewqan ta' persuni li jkunu għalqu s-70 sena bdiet tiġġedded kull ħames snin minflok kull sentejn. Din l-emenda tinsab fir-Regolament Nru 7 ta' l-Avviż Legalli 25 ta' l-2007 li kopja tiegħu qed nerġa' nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra għall-informazzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant.

MCAST — Studenti bis-dyslexia

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex tlett studenti ta' l-MCAST li attendew kors ta' carers u jbatu mid-dyslexia ma ngħatawx l-għajnuna waqt l-eżami u wara li għamlu r-re-sit damu ġimgħat ma ngħataw ir-riżultati, anzi ġew mitluba biex jerġgħu jagħmlu l-eżami għal darb'oħra u kien wara li oġġezzjonaw fuq parir tat-tabib tagħhom li ngħataw ir-riżultat żmien wara? Għaliex m'hemmx arranġamenti partikolari għal żgħażagħ bħal dawn li b'tant entużjażmu jidħlu biex jitħarrġu iżda mbagħad isibu ostakoli mhux mistennija a bażi tad-diffikulta' tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ħadd mill-istudenti fuq dan il-programm ma nforma lill-MCAST dwar dyslexia jew xi ħtiġijiet oħra speċjali. L-MCAST minn dejjem kellu nies apposta fis-sezzjoni ta' l-Inclusive Education Unit, biex jieħdu ħsieb jagħtu l-għajnuna neċessarja lil dawk li jipprovdu evidenza professjonali minn tobba jew esperti oħra. Minħabba l-livell baxx ta' edukazzjoni tagħhom, dawn l-istudenti ingħataw għajnuna addizzjonali fil-Malti u fl-Ingliz matul il-kors kollu biex jgħinhom fl-istudji tagħhom. Dan sar mingħajr ebda spejjez għall-istudenti konċernati.

Casual cleaners

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fid-dipartiment hemm casual cleaners li ilhom is-snin jaħdmu b'dan it-tip ta' kuntratt, uħud aktar minn tmien snin? Jista' jgħid jekk dawn l-impjegati humiex se jibqgħu b'dan il-kuntratt u jekk le, x'se jsir?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif ikun indikat f'kull sejħa għall-applikazzjonijiet, l-ingaġġ ta' Casual Cleaners huwa ta' natura għal kollox temporanja għax, kif juri l-isem stess, is-servizz tal-Casual Cleaners ikun maħtieġ biss għal numru ta' siegħat fil-ġimgħa jew matul perjodu partikolari tas-sena biex jassistu lill-istaff inkarigat mit-tindif fejn ikun hemm nuqqas ta' General Hands. Hekk, per ezempju, il-Casual Cleaners fl-iskejjel jitwaqqfu matul il-vaganzi tas-sajf jew parti minnhom, meta l-istaff permanenti jkun jista' jlaħħaq aħjar mat-tindif. Mhix il-prerogattiva tal-Ministeru li jagħmel tibdil fil-kundizzjonijiet ta' l-ingaġġ.

Airmalta — Loaders

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi d-differenza fil-paga u fil-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' l-impjegati bħala loaders ma' l-Air Malta u ta' dawk fl-istess xogħol li huma impjegati tal-kumpannija privata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Air Malta ma' għandha ebda nformazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema li jaħdmu mal-kumpaniji li jkunu ħadu xi kuntratt mingħandha.

Income and living conditions

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-lokalitajiet li minnhom ġejjin id-59,315 persuni (in-numru ta' persuni u minn liema lokal) li huma ndikati permezz tas-survey on income and living conditions 2005 u li qed jgħixu taħt is-60% tal-median equivalised income u għaldaqstant taħt il-poverty line?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jistax jingħata għaliex l-istatistika mitluba tinġabar fuq bażi nazzjonali u mhux lokali.

Għajnuna mill-EU

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji stabbiliti li fuqhom jintgħażlu dawk il-persuni li jingħataw l-għajnuna mibgħuta mill-EU, permezz ta' l-għoti ta' għaġin, ross u ħalib eċċ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji stabbiliti li fuqhom jintgħażlu dawk il-persuni li jingħataw l-għajnuna mibgħuta mill-EU, permezz ta' l-għoti ta' għaġin, ross u ħalib eċċ? Tweġiba : Ninsab infurmat li d-distribuzzjoni ssir fuq il-kriterji li ġejjin. Min jikkwalifika l-ewwel ikun irid jiġbor formola apposta mill-uffiċċju distrettwali ta’ l-għajnuna soċjali. - Persuni li m’għandhomx possibbiltà li jmantnu lilhom infushom jew/u li qegħdin taħt livell ta’ għixien bażiku - Persuni li jgħixu f’istituzzjonijiet mhux-governattivi bħal orfanatrofji, kenn ta’ emerġenza, eċċ - Persuni li jirċievu għajnuna ta’ sigurtà soċjali mhux kontributorja inkluża dik ta’ qagħad, diżabiltà u benefiċji mediċi Fi ftit kliem ir-Regolament ta’ l-Unjoni Ewropea 3149/92 jitkellem dwar provvista ta' ikel “lil min hu l-aktar fil-bżonn”. Il-kriterji ġew stabbiliti wara konsultazzjoni mal-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali u l-għaqdiet volontarji bħala linji gwida għall-kappillani u għall-għaqdiet tal-karità. Fil-fatt it-tqassim ta' l-ikel isir mill-parroċċi u mill-għaqdiet tal-karità, fosthom il-Moviment Azzjoni Soċjali, YMCA u ARKA.

Taxxa fuq trasferiment ta' proprjeta'

Question

Jaf il-Prim Ministru li t-taxxa fuq trasferiment ta' proprjeta ġejja minn wirt fuq nisa miżżewġin u li ma jaħdmux qed tkun indirizzata lill-irġiel tagħhom? Ma jidhirlux li din il-proċedura hija waħda diskriminatorja a bażi ta' sess? Ma jidhirlux li din il-proċedura m'hijiex konformi mal-prinċipju tal-liġi, fis-sens li proprjeta' li ġejja minn wirt hija meqjusa bħala parafernali u mhux parti mill-komunjoni ta' l-akkwisti u għaldaqstant, il-parti l-oħra fiż-żwieġ m'għandhiex għalfejn tkun involuta anke mil-lat ta' taxxa? X'se jsir min-naħa tad-dipartiment biex din il-proċedura tinbidel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi taħt il-liġi ta’ l-Income Tax, koppja miżżewġa li jgħixu flimkien huma meqjusa bħala taxpayer wieħed u jiġu ntaxxati flimkien fuq return waħda. Kull dħul li jkollhom, kemm jekk flimkien jew individawlment, huwa ntaxxat fuq dik ir-return. Il-koppja għandha d-dritt li tagħżel min minnhom jitqies bħala l-konjuġi responsabbli għall-finijiet tat-taxxa, u għalhekk ma hemm ebda diskriminazzjoni.

MCAST — Campus

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-pjanti u l-istima/i tan-nefqa proposta għall-campus il-ġdid biex jinġabru l-istituti flimkien ta' l-MCAST?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mhux opportun li l-master plan, pjanti jew stimi jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra minħabba speċifikazzjonijiet tekniċi. Il-Master Plan jinkorpora l-istadji li matulhom jista' jsir ix-xogħol u tindika kif parti tista' titwettaq wara l-oħra u/jew flimkien ma' oħra b'mod li l-Istituti ezistenti fil-Kampus prinċipali l-MCAST ikunu jistgħu jkomplu joperaw mingħajr diffikulta' biex fl-ebda ħin ma jkun hemm tfixkil fil-korsijiet ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali. Ix-xogħol preliminari ikun jista' jibda wara li jinkisbu l-permessi meħtieġa u jitwettaq il-proċess ta' tenders biex jitħejjew il-pjanti fid-dettal tagħhom. Filwaqt li x-xogħol fuq il-proġett se jkompli mingħajr waqfien, l-Onor. Kollega tifhem li mhux possibli f'dan l-istadju li wieħed jindika meta ser jispiċċa minħabba l-entita' kbira tal-proġett u d-dipendenzi li għandu biex jitwettaq. Il-fondi se jiġu sew mill-Gvern Malti kif ukoll mill-Unjoni Ewropea permezz tal-fondi strutturali. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra stqarrija għall-istampa fuq is-suġġett datata 31 ta' Mejju, 2007. Bħalissa għaddej xogħol ta' bini ta' skejjel sekondarji fil-Verdala u f'Tal-Ħandaq kif ukoll ser jibda x-xogħol fuq skejjel sekondarji ġodda oħrajn fil-Mosta u Għawdex. Dawn l-iskejjel flimkien ma' l-iskejjel ezistenti se jkunu jistgħu jakkomodaw lill-istudenti li llum jinsabu fil-Junior Lyceum ta' San Ġuzepp.

Skejjel speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li qed jattendu bħalissa fl-iskejjel speċjali u li qegħdin jistennew biex jiġu trasferiti għaċ-Ċentri ta' l-Adulti u li għadhom m'għamlux is-sena programm ta' transizzjoni? Jista' l-Ministru jikkonferma jekk dawn l-istudenti hux ser jibqgħu fl-iskejjel speċjali għas-sena skolastika li jmiss sakemm il-programm ta' transizzjoni jsir u dan peress li fl-assenza ta' dan il-programm l-istudenti se jsofru konsegwenzi psikoloġiċi serji?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li studenti li qed jattendu bħalissa fl-iskejjel speċjali u li qegħdin jistennew biex jiġu trasferiti għaċ-Ċentri ta' l-Adulti hemm 25, li twieldu bejn is-sen 1984 - 1985. L-ewwel fazi tal-programm tat-transizzjoni diġa' saret. Bħalissa qed isiru l-arranġamenti meħtieġa bejn l-uffiċjali tal-Ministeru tiegħi u dawk tal-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali, sabiex dawn iz-zgħazagħ jimxu għaċ-Ċentri ta' l-Adulti bi programm ta' transizzjoni.

Survey on Income and Living Conditions

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-findings kollha li joħorġu mis-Survey on Income and Living Conditions għas-sena 2005? Tista' tgħid jekk sarx is-Survey on Income and Living Conditons għas-sena 2006 u jekk sar meta se joħroġ ir-riżultat tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.

Computers fid-dipartimenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti spjega ta' dak li stqarr pubblikament fil-ħarġa tal-ġurnal "In-Nazzjon" bid-data tat-30 ta' Mejju, 2007 meta qal li l-Gvern jixtri l-computers tiegħu bl-aktar mod effettiv bl-inqas total cost of ownership possibli? Jista' jgħid b'liema mod qed jixtri dawn il-computers u kemm kienet in-nefqa kull sena għax-xiri ta' computers għall-impjegati tal-Gvern, minn kemm ilu li daħħal il-computers fid-dipartimenti, entitajiet, eċċ il-Gvern? Min kienu l-kumpaniji li ssuplixxew dawn il-computers? Liema kienu d-dipartimenti u f'liema sena daħħlu l-computers għall-ewwel darba u/jew biddlu l-computers? Kemm-il impjegat tal-Gvern sena b'sena ġie fornut bil-computer?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li kemm ilu mwaqqaf il-Ministeru tiegħi, in-nefqa fuq computers kienet kif murija fit-tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-kumpaniji li mingħandhom inxtraw il-computers huma: Merlin Computers Forestals Intercomp VSS Tabone Computers A to Z Electronics u Strand Electronics. Il-Ministeru jixtri l-computers permezz ta' Local Purchase Orders, bl-e procurement, quotations jew tenders.

Community Technology Learning Centres

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ħames Community Technology Learning Centres li huma mgħammra b'teknoloġiji speċjalizati biex persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jużaw dawn iċ-ċentri, humiex aċċessibli għal kulħadd, inkluż għal dawk li għandhom diżabilita' severa li taffettwa l-mobilita'? Fejn huma dawn iċ-ċentri?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevelli Interpellant li l-Community Technology Learning Centers huma Ċentri li twaqqfu ma’ Organizzazzjonijiet li jaħdmu ma’ nies li għandhom bżonn attenzjoni speċjali biex jagħmlu użu jew jitgħallmu kif jużaw it-teknoloġija. Huma vejikolu ta’ kif il-Gvern qed jaħdem ma’ diversi stakeholders biex ikompli jkisser il-qasma diġitali. Iċ-Ċentri huma miftuħa għal firxa ta’ nies inklużi dawk neqsin mid-dawl. Xi uħud miċ-Ċentri jispeċjalizzaw fil-bżonnijiet ta’ nies b’diżabilita’. Iċ-Ċentri miftuħa s’issa huma fl-Eden Foundation, Bulebel; l-Aċċess, il-Birgu u fil-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa, il-Blata l-Bajda, Ir-Richmond Foundation, St. Venera u l-UĦM, il-Furjana. Dalwaqt ser jinfetħu żewġ Ċentri oħra – wieħed mal-Physically Handicapped Rehabilitation Fund, f’Kordin u l-ieħor mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, il-Belt. Lewwel tliet ċentri imsemmija huma aċċessibli wkoll għal dawk li għandhom diżabilita severa li taffetwa l-mobilita.