Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tindif ta' widien

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Wied is-Sewda/Wied Inċita, Wied il-Kbir u Wied ic-Cawsli f'Hal Qormi, ġewx imnaddfa matul dan is-sajf? Jekk ġew imnaddfa, meta ġew imnaddfa u x'tip ta' xogħol ta' tindif sar? Jista' jgħid jekk sarx tindif tas-sistema minn fejn jgħaddi l-ilma tal-widien f'Hal Qormi għal Marsa u li madwar sentejn ilu kienet ġiet imkabbra u estiża, ġietx imnaddfa u mantenuta, biex jiġi assigurat li malli jibda l-istaġun tax-xita, l-ilma ma jkollux problema biex jibqa' għaddej u ma jikkawzax għargħar?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi Wied iċ-Ċawsli ġie mnaddaf kollu bejn it-13 u l-20 ta’ Awissu 2007. Parti minn Wied il-Kbir ġie mnaddaf ukoll fl-istess perjodu. Sar tindif, kif ukoll xogħol ta’ tiswija ta’ lqugħ għall-ilma f’ Wied is-Sewda matul din is-sena bejn l-24 t'Awissu u l-5 ta' Settembru. Sar ukoll tindif fejn il-Pumping Station f’Wied is-Sewda għax rega’ ntrema materjal tal-kostruzzjoni kif ukoll sar xogħol ta' tneħijja ta' skart illegali u twittija ta' l-art tul 150 metru. Il-korsa ta’ l-ilma li tgħaddi madwar il-korsa taż-żwiemel ġiet imnaddfa bejn it-12 ta’ Lulju u l-11 ta’ Awissu 2007. Ix-xogħol ta' tindif fuq il-korsa ta’ l-ilma li ġiet imwessa fl-aħħar snin tlesta ukoll. Ħafna mit-tindif kien jikkonsisti fit-tneħħija ta’ rimi ta’ skart illegali u materjal li nġarr bl-ilma tax-xita.

Mina biex jgħaddi l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jispjega dwar il-proġett li sar rapportaġġ dwaru f'The Times, tat-8 ta' Awissu, 2007 jiġifieri l-mina proposta li tinbena biex tieħu l-ilma tax-xita u b'hekk itaffi l-ilmijiet tax-xita mit-toroq f'ċerti inħawi f'Malta, u jiġi evitat l-għargħar, b'liema mod se taffettwa l-ilmijiet kbar ta' xita li jgħaddu minn Hal Qormi u li mhux l-ewwel darba ikkaġunaw għargħar serju?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-proġett tal-mini li sar rappurtaġġ dwaru fit-Times tat-8 ta’ Awissu, 2007 jagħmel parti mill-proposti li qed ikunu evalwata fl-Storm Water Master Plan. Permezz ta’ sistema ta’ mini hu maħsub li diversi catchments ikunu magħquda flimkien biex l-ilma li jinġabar ikun jista’ jiġi maħżun u wżat bħala second class water. Hu maħsub li din is-sistema ta’ mini, li parti minnhom tkun għaddejja min-naħa ta’ fuq tal-catchment ta’ Ħal-Qormi, jiġifieri fil-konfini ta’ bejn Ħal-Qormi, Ħaż-Żebbug u Attard, tkun tista’ tilqa' fiha ammont ta’ ilma tax-xita li jaqa’ fuq dawn iż-żoni qabel ma dan jasal Ħal-Qormi u b’hekk jitnaqqas l-ammont ta’ ilma tax-xita li llum jgħaddi minn Ħal-Qormi. Dan ix-xogħol hu parti minn proġett estensiv ta' 2nd class water harvesting u prevenzjoni tal-għargħar, proġett li jqum madwar 70 miljun Ewro u li ser jiġi ffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja. Barra minnhekk, ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li bil-proġett ta' kontra l-għargħar li sar fl-aħħar snin mill-Ministeru il-problema ta' l-għargħar fiż-żona ta' Ħal Qormi u l-Marsa ġiet imtaffija. Dan il-proġett kien jikkonsisti fil-kostruzzjoni ta' watercourse minn Triq Manwel Dimech għal Triq l-Iljun u jgħaddi mill-Marsa Sports Grounds u jibqa' sejjer sal-Menqa.

Hal Qormi — Sinjali ma' showroom

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ADT għamlet sinjali sofor doppji ma' showroom li għadha mhix tintuża fi Triq Dun Ġorġ Fenech, Ħal Qormi, flimkien ma' żewġ sinjali fuq il-bankina li huma speċifikament maħsuba biex jaqdu dan l-istabbiliment u dan meta diversi drabi l-ADT tinsisti li mhix il-policy tagħha li tiffavorixxi stabbilimenti kummerċjali għal dak li huwa parking eċċ?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġġjar tat-Traffiku irizulta li kemm il-linji sofor kif ukoll it-tabelli li għalihom qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari ma ġewx approvati mit-taqsima.

Siggiewi — Trasport pubbliku

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 27119 u t-tweġiba tagħha dwar is-sistema tat-trasport pubbliku fis-Siġġiewi, jista' l-Ministru jgħid x'kien l-eżitu tad-diversi laqgħat bejn l-ADT, il-kunsill lokali u l-ATP sabiex ir-rotta 89 tas-Siġġiewi tiġi devjata bejn Wied Hesri u taqdi lil dawn l-inħawi, kif semma fit-tweġiba tiegħu? Meta se ssir laqgħa oħra sabiex jiġu ffinalizzati dawn id-diskussjonijiet u jingħata servizz aħjar fis-Siġġiewi, li semma fit-tweġiba tiegħu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li kien hemm qbil fuq id-devjazzjoni ta’ din ir-rotta bejn l-ATP, l-ADT u l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi wara li saru diversi laqgħatJien infurmat li kien hemm qbil fuq id-devjazzjoni ta’ din ir-rotta b bejn it-tlett partijiet konċernati. L-ADT qeda tistenna l-konferma mingħand il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.

San Gwann — Appartament tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-appartament proprjeta' tal-gvern f'San Ġwann, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux mikri lil xi familja jew inkella hux battal u se jiġi allokat? Jekk fl-affermattiv, meta se jiġi allokat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-appartament indikat mill-Onor. Interpellanti hu mikri.

Qormi — Mdina Road

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi biex jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex tiġi ndirizzata d-diffikulta' serja li hemm għall-ħafna familji u individwi fl-area ta' Mdina Road, Qormi, popolarment magħrufa bħala ta' ħdejn is-Shopwise, minħabba li t-traffic lights li hemm installati f'din il-parti tat-triq huma f'distanza konsiderevolment 'l bogħod mill-bus stop fuq in-naħa l-oħra ta' Mdina Road? Peress li din id-distanza tikkawza problemi b'mod li ħafna jagħżlu li ma jaqsmux minn fuq it-traffic lights u għaldaqstant ir-riskju u l-periklu għal ħajja ta' nies għadu jipprevali, jista' jara li jittieħdu passi biex isiru faċilitajiet ta' ħarsien fil-qsim ta' din it-triq qrib dan il-bus stop, bħala per eżempju, zebra crossing eċċ?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-Awtorita’ tat-Trasport ta’ Malta ser tikkunsidra l-proposta mressqa mill-Onorevoli Nterpellant biex tara jekk huwiex possibli li jinstab post alternattiv għal ‘bus stop’ imsemmija fil-perametri ta’ diżinn u sigurta’ fit-triq.

SVPR — Admissions board

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri fuq l-admissions board ta' San Vincenz de Paule Residence? Kull meta jiltaqa'? X'inhija l-proċedura li jsegwi biex jiddeċiedi l-każijiet ta' admissions kemm permanentment kif ukoll fuq bażi ta' respite? Min huma l-esperti mediċi, paramediċi u ħaddiema soċjali li jiġu kkonsultati fil-proċess ta' l-admissions f'SVPR mill-bord?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri ta’ l-Admissions Board huma: Is-Sur Saviour Sciberras – Chairperson Dr Frank Bartolo – Superintendent Mediku, Sptar San Luqa Dr Ronald Fiorentino – Superindent, SVPR Is-Sur Remigio Zammit – Department Nursing Manager Is-Sinjura Bernardette Psaila – Social Worker Is-Sinjura Faustina Sammut – Lay Representative Is-Sinjura Jessica Calleja – Segretarja tal-Board Il-Board jiltaqa` regolari darba fil-ġimgħa. Il-Board jara u jeżamina kull applikazzjoni li ssir għad-dħul kemm għall-San Vinċenz kif ukoll għad-djar tal-Gvern. L-applikazzjoni flimkien mas- Social Re port tas- Social Workers fi ħdan d-Dipartiment ta’ l-Anzjani jipprovdu biżżejjed dettal sabiex il- Board ikun jista’ jagħmel deċiżjoni oġġettiva dwar kull każ. Il-Board huwa kompost minn nies ta’ professjonijiet varji li huma kapaċi sabiex jaslu għal deċiżjoni. Meta jkun hemm nuqqas ta’ informazzjoni sabiex il-Board jasal għal deċiżjoni, jiġu nterpellati professjonisti oħrajn minn San Vinċenz u mid-Dipartiment għall-Kura ta’ l-Anzjani kif ukoll tista’ tintalab aktar kjarifika mit-tabib li jkun għamel l-applikazzjoni. Dwar respite admissions teżististi proċedura separata li titmexxa minn tim multi-dixxiplinarju li jagħmel analiżi tal-ħtiġijiet mediċi u soċjali ta’ l-individwu u l-familja tiegħu.

SVPR — Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu anzjani direttament fis-swali ta' San Vincenz de Paule Residence mingħajr m'għaddew mill-proċedura segwita mill-admissions board u l-admissions ward matul is-sena 2007?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lll-Onor. Interpellant li n-numru ta' anzjani li daħlu San Vinċenz mingħajr ma kien infurmat il-Board minn qabel, jammontaw għal tlieta min-nies. Dawn daħlu minn St Lukes u l-Board ġie infurmat fl-ewwel laqgħa li kien imiss. Anzjani li daħlu ġewwa San Vinċenz mingħajr ma ddaħlu l-Admissions Ward kienu jammontaw għal għoxtin persuna. Dawn daħlu direttamentġos-swali minħabba li l-Admissions Ward kienet mimlija b'pazjenti li kienu għaddejjin mill-proċess ta' riabilitazzjoni u kien hemm diversi sodod vojta ġewwa s-swali ta' San Vinċenz. L-anzjani kollha li daħlu direttament ġos-swali għaddew mill-istess proċess li jsir fl-Admissions Ward.

Anzjani li daħlu f'xi residenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu anzjani f'San Vincenz de Paule Residence, fid-djar ta' l-anzjani fil-komunita' u fis-swal ta' Mount Carmel bejn Jannar u l-aħħar ta' Awissu 2007, xahar b'xahar, minn liema lokalitajiet f'Malta u f'liema residenza intbagħtu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed nehmeż tliet listi b'risposta għal din il-Mistoqsija Parlamentari.

OPM — Dħul

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid mis-sena 1998 sas-sena 2005 kemm kien id-dħul medju (mean) iddikjarat u l-varjazzjoni (variance) għal dawn l-income bracketsli jidhru hawn taħt għal kull tip ta' persuni mpjegati kemm single kif ukoll miżżewġin (employed, self-employed, u pensjonanti)? Jista' jgħid ukoll kemm kienu d-deductions/allowances għal kull kategorija u għal kull tip? Income group: Lm0 - Lm4000 Lm4000 - Lm5000 Lm5000 - Lm6000 Lm6000 - Lm7000 Lm7000 - Lm8000 Lm9000 - Lm10000 Lm10000 - Lm12000 Lm12000 - Lm14000 Lm14000 u aktar.

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din qed tingħata fuq salarji meħuda mill-Annual Labour Force Survey datasets ta’ impjegati li għandhom xogħol prinċipali. L-NSO m’għandix informazzjoni fuq dħul tas-self-employed u pensjonanti. Barra minn hekk fil-Labour Force Survey ma tinġabarx informazzjoni fuq deductions u allowances fis-salarji. L-informazzjoni li qiegħda tingħata hija mis-sena 2000 għaliex il-Labour Force Survey beda jsir għall-ewwel darba minn dik is-sena.

Siggiewi — Binja Hesri - Parking lines

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli li jagħmel il-parking lines fl-area ta' Binja Hesri, Siggiewi wara li saret it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Onorevoli Nterpellant hija mitluba tagħti l-isem tat-triq li qed tirreferi għaliha minħabba li f'din l-area skond kif indikata fis-siteplan tal-MEPA ma jirrizultax li riċentament saru toroq mill-ADT.

Riforma fl-istruttura fl-edukazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed iżomm milli jiġi ffirmat il-ftehim ma' l-MUT dwar ir-riforma fl-istruttura fl-edukazzjoni ħalli fost affarijiet oħra jiġi assigurat li dawk impjegati bħala instructors mad-dipartiment u li għandhom il-kwalifiki meħtieġa jkunu jistgħu javvanzaw fil-karriera tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-diskussjonijiet dwar il-ftehim ma' l-MUT waslu fil-fazi konklussiva tagħhom.

Siggiewi — Trasport Pubbliku

Question

Jaf il-Ministru li l-arranġamenti tat-trasport pubbliku fis-Siggiewi ma jgħaddix qrib l-akwati kollha fis-Siggiewi? Jista' jgħid meta se jsiru l-arranġamenti meħtieġa biex it-trasport pubbliku fis-Siġġiewi jkun jista' jaqdi lir-residenti kollha fis-Siggiewi u li ma jgħixux fiċ-ċentru tas-Siggiewi, bħal per eżempju, l-area ta' Wied Ħesri? Jista' jgħid x'sar minnha l-petizzjoni li kienu ffirmaw ir-residenti dwar il-ħtieġa tas-servizz ta' trasport pubbliku adegwat u li jgħixu fl-area ta' Wied Ħesri? Jista' jgħid jekk l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta ħaditx passi fuq din il-petizzjoni? Jekk ħadet passi, x'passi ħadet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li saru diversi laqgħat bejn l-ADT, l-Kunsill Lokali u l-ATP sabiex ir-Rotta 89 tas-Siġġiewi tiġi devjata lejn Wied Ħesri u taqdi lil dawn l-inħawi. Infurmat ukoll li ser terġgħa ssir laqgħa oħra sabiex jiġu ffinaliżżati dawn id-diskussjonijiet u jingħata serviżż aħjar fis-Siġġiewi.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Instructors

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawk impjegati bħala instructors mad-Dipartiment u li għandhom ħafna kwalifiki fil-qasam edukattiv ma ngħatawx l-opportunita' li japplikaw għall-post ta' assistenti kapijiet ta' l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sejħiet għall-applikazzjonijiet għal pożizzjonijiet fil-Klassi ta' Edukazzjoni huma regolati mill-ftehim li jidħlu fih Gvern u Unions.

Siggiewi — Wied Hesri - Bankini

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli li jagħmel il-bankini li ġew imwiegħda lir-residenti, li se jsiru madwar sitt snin ilu madwar il-binjiet ta' Wied Hesri?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Luqa — Impact assessments

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' impact assessments saru fuq l-area fejn qed tiġi żviluppata binja li minn dak li qed jintqal se takkomoda madwar 400 housing unit, fi Triq Ħal Tarxien f'Ħal Luqa? Jekk saru dawn l-impact assessments f'liema oqsma saru? Jekk saru, jista' jqiegħedhom fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li żvilupp fit-triq imsemmija faċċata fuq Triq Tarxien, Triq Mikelanġ Sapiano u Triq Patri Indri Schembri hu kopert b'permess għal żvilupp ta' 150 residenza, 201 garaxxijiet u 29 spazju għall-parkeġġ. Sar studju dwar l-impatt tat-traffiku fiż-żona liema dokument huwa diġà aċċessibbli pubblikament mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).

Bord ta' l-isplussivi — Ħatriet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il membru se jispiċċa mill-Bord ta' l-Isplussivi? Kif isiru l-ħatriet biex jiġu appuntati l-membri fuq dan il-bord?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi hemm membru wieħed li ser jispiċċa minn membru fuq il-Bord ta' l-Isplussivi għax ser jirtira mis-Servizz. Fil-fatt diġa' ġie nominat is-sostitut tiegħu. Il-ħatriet fuq dan il-bord isiru mill-President ta' Malta fuq parir tal-Ministru responsabbli mill-Pulizija.

Ħlas ta' ċens

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'se jkun it-titolu legali ta' dawk li qed jiġu nfurmati mill-Awtorita' tad-Djar li jistgħu jifdu ċ-ċens ta' l-art li fuqha kienu bnew id-dar tagħhom meta ngħataw HOS Plot fuq bażi ta' ftehim preliminari fl-1982?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-plots maħruġa mill-Awtorita' tad-Djar ingħataw b'titolu ta' ċens perpetwu u, jekk dan iċ-ċens jinfeda, l-art li fuqha nbnew ir-residenzi tkun libera u franka.

PSC — Każijiet pendenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm il-Public Service Commission għandha każijiet pendenti u kemm ilhom pendenti? X'inhi l-proċedura li timxi fuqha biex titratta l-każijiet pendenti? Hija parti mill-proċedura stabbilita tal-PSC li tibgħat biex tisma' lil kulmin ikun involut fil-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.