Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jafx f'liema stat ħażin huwa l-bini tal-Casino Dragonara? X'tip ta' superviżjoni qed tingħata mill-gvern biex jara li dan il-bini ma tkomplix issirlu ħsara u min hu responsabbli minnu llum jagħmel il-manutenzjoni u t-tiswijiet meħtieġa mmedjata?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm il-Public Service Commission għandha każijiet pendenti u kemm ilhom pendenti? X'inhi l-proċedura li timxi fuqha biex titratta l-każijiet pendenti? Hija parti mill-proċedura stabbilita tal-PSC li tibgħat biex tisma' lil kulmin ikun involut fil-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku għandha tmien każijiet ta’ dixxiplina li huma pendenti. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm ilhom pendenti dawn it-tmien każijiet.
Il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku tikkonsidra b’mod immedjat kull każ ta’ dixxiplina li jiġi sottomess lilha sakemm ikollha l-informazzjoni kollha neċessarja. F’kull każ ta’ dixxiplina, il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku timxi mar-Regolamenti uffiċjali u ippubblikati, li jistabilixxu lil min il-Kummissjoni għandha tisma’ qabel ma tiddeċiedi dwar każ.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-application fee għall-Junior College għoliet minn Lm10 is-sena li għaddiet għal Lm20 din is-sena? Jista' jgħid għaliex il-Junior College qed jitolbu ħlas ta' 75c mingħand l-istudenti biex jingħataw il-book list?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-application fee għall-Junior College kienet Lm10.00 is-sena li għaddiet u baqgħet Lm10.00 din is-sena ukoll, u li l-istudenti tal-Junior College għandhom l-opportunita' li jikkupjaw il-lista tal-kotba minn fuq in-notice boards tal-Kulleġġ jew jixtru l-lista.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-fliexken tal-luminata li jingħataw għal Serenity Ward f'St Vincent de Paule Residence, matul dawn l-aħħar ġimgħat ma kenux qed jitqassmu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Ward msemmija l-luminata dejjem tqassmet f'dawn l-aħħar ġimgħat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fatt li għadd ta' skejjel f'Malta, jimponu fuq il-ġenituri ta' l-istudenti tagħhom li jixtru uniformijiet, basktijiet u stationery minn ċerti ħwienet identifikati, qatt ġiex mistħarreġ bħala monopolju u għaldaqstant li jmur kontra l-kompetizzjoni ġusta u wkoll jagħmel ħsara diretta lil ħwienet żgħar, liema ħwienet ħafna drabi huma mmexxija minn self-employed żgħar, u li ħobżhom ikunu qed jiġu mhedda?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li monopolju jkun hemm meta fis-suq ikollok intrapriża waħda fejn qed tipprovdi prodott jew servizz. F'dan il-qasam, li semmiet l-Onorevoli Interpellanta għandek diversi ntrapriżi fis-suq. Li jmur kontra l-kompetizzjoni huma dawk l-akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi, kif speċifikat fl-Att dwar il-Kompetizzjoni, bejn numru ta' intrapriżi li jsiru bil-ħsieb jew li jkollhom l-effett li jrażżnu jew jimpedixxu il-kompetizzjoni f'Malta.
Fil-passat l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta kien investiga diversi lmenti li kien irċieva fir-rigward ta' uniformijiet. F'din iċ-ċirkustanza, kemm l-Uffiċċju u kemm il-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust kienu qablu li ma kienx hemm ksur ta' l-Att tal-Kompetizzjoni.
Sussegwentament, l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta xorta ħass li kellu joħroġ u fil-fatt hekk kien għamel, għadd ta' linji gwida lil iskejjel intiżi bħala suġġeriment tiegħu sabiex ikun hemm aktar trasparenza fil-proċess u tiżdied il-kompetizzjoni fis-suq.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatawx permessi lill-iskejjel biex ikunu jistgħu jbiegħu stationery u affarijiet oħra relatati ma' l-iskola lill-istudenti? Jekk iva, lil liema skejjel ingħataw dawn il-permessi? X'inhuma l-prodotti li jistgħu jbiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma ingħata l-ebda permess lil xi skola ta' l-Istat biex tbiegħ stationery.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk il-Gvern hux f'negozjati ma' kumpannija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li llum tmexxi d-Dragonara Casino biex jintlaħaq ftehim ġdid? Jista' jgħid jekk il-Gvern hux f'negozjati ma' kumpannija oħra wkoll dwar id-Dragonara Casino?
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni saret mill-Awtorita' tal-Health and Safety fil-Casino tad-Dragonara matul dawn l-aħħar ħames snin? Jekk saru spezzjonijiet, instabu rregolaritajiet fil-kuntest tas-saħħa u s-sigurta' tal-ħaddiema hemmhekk? X'kienu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li tul dawn l-aħħar ħames snin l-Awtorita' għas Sħħa u Sigurta' fuq il-post tax-xogħol għamlet sitt (6) spezzjonijiet ġewwa Dragonara Casino, fejn f’bosta spezzjonijiet inħargu numri ta’ ordnijiet mill-uffiċċjali tagħha.
Informat ukoll li dwar irregolaritajiet li setgħu nstabu fuq dan il-post tax-xogħol hija l-policy ta’ din l-Awtorita li ma tagħtiex informazzjoni speċifika dwar postijiet speċifiċi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba marru bil-ħsara l-lifts f'San Vincenz de Paule Residence matul is-sena 2007? Ta' liema swali? Meta ġew irrapportati (data) bil-ħsara u meta reġgħu bdew jiffunzjonaw (data)?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena kienu ftit l-okkażjonijiet fejn kien hemm rapporti ta' lifts bil-ħsara u f'dawn il-każi dawn ġew irrapurtati mmedjatament u dawn il-lifts reġgħu bdew jaħdmu fl-iqsar żmien possibli skond il-ħsara li tkun żviluppat.
Pero tajjeb li wieħed jinnota li huwa possibli li wieħed jgħaddi minn Ward għall-oħra permezz ta' kurituri minn ġewwa. Dan ifisser li l-aċċessibilta' tal-Wards hija garantita.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawk il-health assistants li applikaw madwar ħames xhur ilu għal kors ta' nursing aides għadhom ma ġewx imsejħa? Meta ser isir dan il-kors?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li ma ħarġet l-ebda applikazzjoni biex Health Assistants jagħmlu kors biex isiru Nursing Aides.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawk il-hospital auxiliariesli jaħdmu f'San Vincenz de Paule Residence u li f'Novembru 2006 għalqu 15-il sena fis-servizz u għalhekk suppost li ġew imsejħa għal kors ta' health assistants għadhom ma ġew imsejħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li billi n-numru ta' Hospital Auxiliaries li għalqu 15 -il sena servizz mall-Gvern, huwa kbir, qegħdin jitqassmu fi gruppi, biex jagħmlu l-imsemmi kors.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawk l-impjegati f'San Vincenz de Paule Residence li għamlu l-kors ta' health assistancts f'April 2006 għadhom ma ngħatawx l-appointments ta' health assistants? Meta se jingħata dan l-appointment? Jaf l-Ministru li dan id-dewmien tellifhom il-flus? Jista' jgħid jekk l-appointment għaldaqstant hux se jingħata b'lura u dawn l-impjegati jieħdu l-flus li tilfu bl-arretrati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-impjegati msemmija li għamlu l-kors ta' Health Assistants ikunu jistgħu jieħdu l-Appointment ta' Health Assistant wara li toħroġ sejħa għall-applikazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid meta d-Day Dimentia Unit f'San Vincenz de Paule Residence se jinfetaħ u jilqa' lill-anzjani li jbatu minn din il-kundizzjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Activity Centre ġewwa San Vinċenz ilu jopera u jagħti servizz lill-anzjani mis-26 ta' Frar 2007.
L-Activity Centre iservi kemm għar-residenti ġewwa San Vinċenz kif ukoll bħala Dementia Day Centre għall-anzjani li jgħixu fil-komunita'. Iċ-Ċentru jinfetaħ kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd.
Għaliex il-cold store fil-kċina ta' San Vincenz de Paule Residence dam madwar xahar bil-ħsara? Għaliex ma ssewwiex mill-ewwel? Kemm sewa flus il-van tal-friza li ġie mikri sakemm isewwiet din il-cold store? Kemm sewa flus il-laħam li kellu jintrema' meta din il-cold store marret bil-ħsara?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f'seduta oħra.
Tista' l-Ministru tispjega d-dettalji li se jkun fih l-avviż li issa se jibda jintbagħat lill-benefiċċjarji kull sitt xhur minflok qabel kull depożitu tal-pagament fil-bank tal-benefiċċjarju, i.e. kull xahar? Tista' tgħid jekk il-benefiċċjarju hux se jibqa' jirċievi breakdown tal-pagament li jsirlu kull xahar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li, kif diġa' ġie notifikat lill-persuni konċernati u anki mħabbar pubblikament permezz ta' stqarrija għall-istampa maħruġa mid-Direttorat Ġenerali tas-Sigurta' Socjali, l-avviż ta' depożitu tal-benefiċċji soċjali direttament f'kont bankarju se jkun juri d-dati u l-ammonti depożitati fis-sitt xhur li jkunu għaddew u d-dati tad-depożiti li jkunu ser isiru fis-sitt xhur li jkunu ġejjin.
Ninsab infurmata wkoll li meta jkun hemm tnaqqis mill-benefiċċji biex jitħallsu flus lura dovuti lid-Direttorat, in-notifika lill-benefiċjarji ser tibqa' toħroġ kull erba' ġimgħat. Meta jkun hemm tibdil fir-rata tal-benefiċċju li tirrizulta minn tibdil fiċ-ċirkostanzi jew xi bidla oħra li taffettwa l-ħlas jew ir-rata tal-benefiċċju, il-benefiċjarji ser jirċievu l-korrispondenza uffiċjali li tindika t-tibdil fir-rata, is-sospensjoni jew twaqqif tal-benefiċċju, skond il-każ, kif kien isir qabel.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-areas iddentifikati bħala caravan sites? X'permessi huma mitluba biex persuna tkun tista' tikkampja x'imkien f'Malta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-areas iddentifikati bħala caravan sites? X'permessi huma mitluba biex persuna tkun tista' tikkampja x'imkien f'Malta?
Tweġiba :
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-siti indikati għal karavans fil-pjanijiet lokali huma dawn:
Il-Marfa
Il-Ponta taż-Żonqor
Baħar iċ-Ċagħaq
Il-Bajja ta' San Tumas
It-tieni parti tal-mistoqsija ma taqax taħt ir-responsabbiltajiet tal-ministeru tiegħi.
Liema huma l-kriterji li se jintużaw fl-assessment li se jsir rigward dawk l-impjegati tad-Dwana li applikaw għal fizzjali? Kif se tkun ir-relazzjoni bejn l-esperjenza, servizz u kwalifiki? Apparti l-eżami bil-miktub, l-interview x'saħħa se jkollu fil-proċess ta' l-għażla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi dawk il-kandidati kollha li jġibu mill-inqas il-passmark f’kull waħda miż-żewġ karti ta’ l-eżami bil-miktub (jiġifieri 60% jew 120 marka minn 200 marka) jiġu msejħa jattendu għall-intervista.
L-intervista għandha massimu ta’ 100 marka. Il-passmark globali ta’ l-eżami hija ta’ 60%, jiġifieri ta’ 60% ta’ 500 marka. La darba, il-kandidati jgħaddu mill-ewwel parti ta’ l-eżami (dik tal-kitba) u jġibu mill-inqas 60% tal-500 marka, dawn jitqegħdu fil-pożizzjoi ta’ l-ordni tal-mertu skond il-marka globali li jġibu.
Il-proċess ta’ l-interviews huwa immirat biex ikunu assessjati l-kwalitajiet personali tal-kandidati bħal intelliġenza, altertness, kapaċità u tagħrif ġenerali, il-għarfien tal-proċeduri u l-ħidmiet tad-Diviżjoni tad-Dwana, speċjalment fil-kuntest tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Il-kriterji li se jintużaw fl-assessment mill-Bord ta’ l-Għażla huma dawk approvati mill-Bord tad-Dixxiplina u huma mqassmin hekk:
Tagħrif relatat: 40%
Esperjenza: 30%
Kwalifiki: 10%
Abilitajiet/Personalità 20%
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pilloli Largactel 100 mg la qed jingħataw lill-pazjenti u li jinħtieġuhom f'Mt Carmel Hospital u lanqas qed isibu jixtruhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-pilloli Chlorpromazine 100mg qatt ma kienet out of stock fl-isptar Monte Carmeli. Huwa l-konsulent li jiddeċiedi liema pilloli jieħdu l-pazjenti taħt il-kura tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm telgħu re-considerations quddiem il-bordijiet tal-MEPA matul dawn l-aħħar xahrejn, ġimgħa b'ġimgħa? Jista' jgħid kemm hemm re-considerations pendenti u kemm ilhom li t-talbiet daħlu għand il-MEPA?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-lista bin-numru ta' reconsiderations li telgħu quddiem il-bordijiet ta' l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tinsab fis-sistema ta' l-informatika tal-website ta' l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u kulħadd għandu aċċess għaliha.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu appuntati n-nursing officers u d-deputy nursing officers li l-applikazzjoni għal dawn il-postijiet ħarġu f'April 2007? X'inhuma l-kriterji stabbiliti għall-għażla ta' dawn l-uffiċjali?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-sejħiet għall-applikazzjonijiet għall-mili ta' Nursing Officer u Deputy Nursing Officer qed jiġu pproċessati mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (PSC). Il-kriterji għall-għażla ta' dawn l-uffiċjali huma dawk stabbiliti mill-istess Kummissjoni.