Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #28722 Sitting 585 2007-11-06 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Inċident bejn anzjana u helper

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'passi ttieħdu wara l-inċident li nqala' nhar it-22 ta' Awissu, 2007 bejn l-anzjana msemmija permezz ta' dettalji li qed jintbagħtu separatament u l-helper assenjata lilha, fejn din ta' l-aħħar sfat attakkata mill-imsemmija anzjana li tbati minn dementia qawwija? Min ħa u qed jieħu r-responsabbilta' li l-imsemmija anzjana tibqa' tgħix għal rasha minflok ma tinġabar f'xi dar ta' l-anzjani?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li hekk kif it-taqsima ħidma soċjali fil-Ministeru għal Għawdex irciviet informazzjoni mingħand il-Part Time Social Assistant ta' l-anzjana konċernata, li hija (il-PTSA) ġiet agredita b'xi mod mill-anzjana, immedjatament il-Kap tas-Sezzjoni tas-Social Work fi hdan il-Ministeru ordna lis-social workers li qed isegwu l-kaz fit-taqsima psikjatrika fl-Isptar mentali f'Ghawdex, sabiex jivverika x'gara. Dak inhar stess, flimkien mat-tabib tal-polyclinic (Victoria) huma ghamlu vista fid-dar tal-anzjana, fejn l-imsemmi tabib iċċertifika li l-anzjana ma kienx jinħtiġiela li tinġabar fl-isptar. Irriċulta wkoll li l-agrediment kien wieħed ta' natura ħafifa, tant li l-helper baqgħet sallum tagħti servizz lil din l-anzjana li minn naħa tagħha hi kuntenta ħafna b'dan is-servizz. Dwar min ħa u qed jieħu r-responsabbilta' li l-imsemmija anzjana tibqa' tgħix fil-kommunita', din hija deċiżjoni li tittieħed mill-multi disciplinary team ta' l-isptar mentali kull darba li l-anzjana tattendi b'mod regolari għall-appuntamenti tagħha fl-outpatients għall-assessment.

Invalidity pension

Question

Tista l-Ministru tgħid jekk l-Lm1.50 zieda għall-għoli tal-ħajja għas-sena 2008 hiex se tingħata sħiħa wkoll lil dawk li jgħixu bl-invalidity pension jew b'xi pensjoni oħra apparti dik ta' l-irtirar u kontributorja? Tista' tagħti l-lista sħiħa ta' dawk li jgħixu bil-pensjoni ta' xi tip u li se jibbenefikaw minn din iż-żieda sħiħa għall-għoli tal-ħajja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nikkonferma li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja għas-sena d-dieħla ser tingħata sħiħa lill-dawk kollha li jirċievu pensjoni taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, kemm jekk din il-pensjoni hi kontributorja u kemm le. Dawn jinkludu benefiċjari ta’ pensjoni għall-Irtirar, għall-Invalidita’, għar-Romol, ta’ l-Eta’, tad-Diżabilita’ u tal-Wens.

Qormi — Triq il-Hammieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Gvern se jiddeċiedi biex jinvesti fis-saħħa u s-sigurta' tan-nies u jagħti bidu biex Triq il-Ħammieri, Hal Qormi, isirilha x-xogħol meħtieġ għal dan il-għan? Meta l-Gvern se jaħseb biex, bħal per eżempju u fost affarijiet oħra isiru faċilitajiet biex in-nies jaqsmu min-naħa għall-oħra tat-triq, faċilitajiet biex ma jsirx overspeeding, irranġar ta' blind corner li tiġi għal Triq il-Wied, faċilitajiet ta' sigurta' fit-tarf ta' Triq il-Ħammieri li tiġi għal għol-wied b'periklu ta' għoli sostanzjali, eċċ?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi x-xogħolijiet ser jinbdew din il-gimgħa wara li saru diskussjonijiet u konsultazzjonijiet mall-Kunsill Lokali ta' Ħal-Qormi.

Għalliema ta' Technical Design

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-istudenti tat-tieni sena fil-Junior Lyceum ta' Santa Tereza għadhomx mingħajr għalliem/a tat-Technical Design? Jekk għadhom hekk, għaliex u meta se jingħataw għalliem/a?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ntbagħat għalliem għat-Technical Design fil-Junior Lyceum ta' Santa Tereza.

Day centre għall-anzjani

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 24818 u 25647 u għat-tweġibiet relattivi, tista' l-Ministru tgħid f'liema stadju jinsab il-proġett ta' l-awtorita' tad-djar li jikkonsisti f'kumpless residenzjali ta' 60 appartament u block ta' 21 unit maħsub biex jiġi allokat lil persuni anzjani jew bi bżonnijiet speċjali u li skond it-tweġiba tal-Ministru li ngħatat fis-7 ta' Mejju 2007, għandu jinkludi wkoll day centre għall-anzjani, child day care centre, 85 garaxx kif ukoll landscaped area? Tista' tgħid f'liema area tas-Siġġiewi dan il-kumpless huwa ppjanat u tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-pjanti ta' dan il-kumpless? Tista' tgħid meta huwa ppjanat li dan il-kumpless jitlesta u jkun fully operational?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-proġett ta’ l-Awtorita’ tad-Djar li rreferiet għalih l-Onor. Interpellanti hu ppjanat fuq art fi Triq l-Imdina, kantuniera ma’ Triq it-Tabib Nikol Zammit, is-Siġġiewi. Ninsab infurmata wkoll li dan il-proġett qiegħed fl-istadju ta’ proċessar preliminari mill-MEPA u l-iżvilupp u l-ippjantar tiegħu f’aktar dettal ser isir meta jinħarġu l-permessi meħtieġa.

Ħal Farruġ — Proġett

Question

Taf il-Ministru li l-proġett li kien sar mill-gvern ċentrali f'Ħal Farruġ, jiġifieri madwar il-blokki ta' l-appartamenti l-ġodda għadu ma tlestiex, partikolarment fl-area ta' Blk G fejn hemm il-ħwienet li kienu nkrew mill-gvern? Tista' tgħid għaliex dan ix-xogħol ma tlestiex meta hemm inkonvejenti kbar u riskji bla ħtieġa għas-saħħa tar-residenti li jagħmlu użu mill-uniku ħanut tal-merċa li hemm fl-akwata? Tista' tgħid meta dan ix-xogħol se jitlesta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-proġett ta’ landscaping li rreferiet għalih l-Onor. Interpellanti, għalkemm hu finanzjat mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar, qed jiġi esegwit mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Luqa. Ninsab infurmata wkoll li kien hemm xi problemi bejn il-Kunsill u l-kuntrattur li mistennija jiġu diskussi, flimkien mad-Dipartiment imsemmi, fil-ġranet li ġejjin bl-iskop li jiġu risolti u x-xogħol ikun jista’ jitkompla u jitlesta.

Persuni li jbatu mid-dimentia

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'faċilitajiet qed jingħataw mill-istituzzjonijiet tas-saħħa tal-gvern għal dawk li jbatu mid-dimentia? Dawn il-pazjenti qegħdin jingħataw il-mediċina Exclon b'xejn? Jekk le, x'qed jingħataw bħala għajnuna?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Pazjenti bid-dementia jingħataw il-kura u l-attenzjoni personali li jinħtieġu skond in-natura u l-gravita' tal-marda tagħhom. Il-mediċina msemmija mill-Onor. Interpellant mhijiex fuq il-formularju u għalhekk ma tistax tingħata b'xejn.

Ħal Farruġ — Bini ta' fabbriki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-oġġezzjonijiet li kienu ressqu r-residenti minn Ħal Farruġ dwar il-fatt li qed jingħataw permessi għall-bini ta’ fabbriki prattikament mad-djar tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Korsijiet ta' snajja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma dawk l-opportunitajiet għal żgħażagħ li spiċċaw l-iskola sekondarja u li m’għandhomx ħeġġa għal studji akkademiċi, iżda jixtiequ jsegwu korsijiet fi snajja, iżda li m’għandhomx kwalifiki biex jidhlu fl-MCAST, jigifieri dawk iż-żgħażagħ li qabel kienu jsegwu korsijiet minn eta’ iżgħar fl-iskejjel tas-snajja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li żgħażagħ bħal dawn jiġu aċċettati fl-MCAST fil-Foundation Course ta' l-Istitut għall-Inġinerija tal-Bini u Kostruzzjoni fin-Naxxar, jew inkella fl-ITS fi snajja relatati mat-Turiżmu.

Kriterji dwar tabib tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li bihom jintgħażlu l-ħaddiema tad-dipartiment tiegħu li jkunu morda biex eventwalment il-mard tagħhom jiġi verifikat mit-tobba tad-Dipartiment? Jista' jgħid per eżempju l-għala fis-Sezzjoni tar-Riżorsi Umani t-tabib dejjem jintbgħat għand l-istess nies filwaqt li ħaddiema oħra qishom 'il fuq mil-liġi? Jista' jissottometti lista tal-ħaddiema ta' din is-sezzjoni ta' l-aħħar sentejn li turi kemm ħadu sick leave il-ħaddiema ta' din is-sezzjoni u għand min marru t-tobba msemmija?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jagħmel użu minn kumpanija privata ta' tobba li tiġi mitluba żżur il-ħaddiema kollha li rraportaw morda f'xi wieħed mid-Dipartimenti tal-Ministeru. Rigward il-proċedura ta' kif jitbgħat it-tabib, jien infurmat li ġurnata qabel jintgħażel Dipartiment partikolari u kull impjegat sick jintbgħatlu t-tabib. Dan jgħodd ukoll għas-sezzjoni tar-Riżorsi Umani fejn hawn taħt wieħed isib lista tal-ħaddiema minn 1-26 u kemm utiliżżaw sick fl-aħħar sentejn, kif ukoll kemm intbgħat it-tabib lil kull wieħed u waħda minnhom. Din it-tabella turi b'mod ċar li l-ispezzjonijiet mit-tobba jsiru b'mod regolari mingħajr diskriminazzjoni u li għaldaqstant ħadd mill-ħaddiema ma huwa 'l fuq mil-liġi.

Siggiewi — Triq Dun Manwel Zammit

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sistema tad-drenaġġ fi Triq Dun Manwel Zammit fis-Siġġiewi tnaddfitx wara li far id-drenaġġ nhar il-Ħadd 14 ta' Ottubru, 2007 u daħal saħansitra f'xi basements ta' djar? Jista' jgħid x'se jsir biex jiġi assigurat li din is-sitwazzjoni ma tirrepetix ruħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li wara li nhar il-Ħadd l-14 t’ Ottubru, id-drenaġġ far fi Triq Dun Manwel Zammit, Siggiewi, il-mejn tat-triq kollha tnaddaf nhar it-Tlieta 16 t’Ottubru u minnu ittellgħet ġebla kbira. Is-sitwazzjoni issa ġiet lura għan-normal.

MCAST — Korsijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx li l-istudenti li qed jattendu l-MCAST għal kors fit-tieni sena marbut mal-Lufthansa Teknik mhux qed jingħataw il-lezzjonijiet kollha u dan peress li l-għalliema li ġew assenjati għalihom jidher li l-load ta’ lezzjonijiet li għandhom qed jimpeduhom milli jlaħħqu mad-dmirjiet kollha tagħhom? Jista’ jgħid x’se jsir biex dawn l-istudenti ma jkomplux jitilfu aktar lezzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti għall-kors fit-tieni sena marbut mal-Lufthansa Teknik (ND Aero 2) dejjem kellhom il-lezzjonijiet kollha u l-parti l-kbira mill-għalliema tagħhom huma part-timers li jiġu mid-ditti lokali fl-oqsma tal-manutenzjoni ta' l-ajruplani.

Ex-ħaddiema tal-Kalaxlokk

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ex-ħaddiema ta' Kalaxlokk li issa ilhom s-snin jaħdmu fit-Tarzna u jagħmlu l-istess xogħol ta' ħaddiema ta' Tarzna huma mħallsa b'rata ta' ħlas anqas, saħansitra anke fir-rata ta' l-overtime u ma ġewx ikkumpensati għat-telf tan-nofs ta' nhari? Jista' jgħid jekk din is-sitwazzjoni hiex se tkun rimedjata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-preżenza tal-ħaddiema tal-kumpanija Kalaxlokk fit-Tarzna hija limitata primarjament għall-servizz ta' tindif liema servizz qed jiġi mogħti abbażi ta' ftehim ta' rata ta' ħlas stabilita mit-Tarzna u hija komparabbli fis-settur. Invista ta' dan il-ħaddiema m'humiex sekondati mat-Tarzna. Għaldaqstant il-paġi ta' dawn il-ħaddiema huma skond l-istruttura tal-paġi tal-Kalaxlokk. Dawn il-ħaddiema qed jgħatu primarjament servizz ta' tindif skond l-iskeda tal-ħinijiet tat-Tarzna li huma ta' seba' siegħat u nofs (7.5) kuljum u mhux ta' tmien (8) siegħat u għaldaqstant m'humiex initolati għan-nofs ta'nhari.

Anzjani fi djar residenzjali — Spiża

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' l-ispiża li joħroġ il-gvern għal kull anzjan/a li jżomm f'dar residenzjali għal kull ġurnata u dan apparti dak li l-anzjan/a jħallsu mill-pensjoni u minn assi li jista' jkollhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-ispiża li joħroġ il-Gvern għal kull anzjan/a li jżomm fid-djar residenzjali hija medja ta' Lm10.92 għal kull ġurnata. Kull anzjan residenti f'xi Dar ta' l-Anzjani jħallas 60% tad-dħul kollu li jkollu u dan bħala kontribuzzjoni għas-servizz li jkun qed jirċievi fid-Dar ta' l-Anzjani.

Adult Training Centre

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex il-Head ta’ l-Adult Training Centre ta’ Ħal Far ġie mġiegħel jirreżenja fil-jiem li għaddew? Tista’ tikkonferma jekk din ir-riżenja ntalbitx għaliex din il-persuna ġibdet l-attenzjoni tal-ġenituri li ma kienx hemm nurse fiċ-Ċentru u allura l-ġenituri kellhom jibgħatu l-mediċina eżatta għal uliedhom li jattendu fiċ-Ċentru? Tista’ tgħid għaliex uffiċjali għolja ta’ l-Aġenzija Support taw struzzjonijiet lill-impjegati ta’ dan iċ-Ċentru li m’għandhomx jikkommunikaw mal-ġenituri fuq il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ nurse, kif sar mill-ex Kap permezz ta’ ċirkolari?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellanti ma ġiex imġiegħel jirriżenja għalhekk it-tweġiba għat-Tieni Parti tal-Mistoqsija hi fin-negattiv. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmata li ħadd mill-uffiċjali għolja ta’ l-Aġenzija Sapport ma ta struzzjonijiet lill-impjegati taċ-Ċentru li m’għandhomx jikkomunikaw mal-ġenituri speċifikament dwar il-kwistjoni tan- nurse , iżda permezz ta’ ċirkolari maħruġa qabel din il-kwistjoni, l-impjegati kienu ġew infurmati li komunikazzjonijiet il-barra miċ-Ċentri kellhom jigu approvati mill- Manager taċ-Ċentri.

Adult Training Centres — Spiża ta' l-ikel

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet tiġi l-ispiża ta' l-ikel ta' l-Adult Training Centres għal ġurnata waħda meta l-ikel ma kienx jingħata lil kuntrattur privat u kemm qed jiswa issa għal ġurnata waħda meta ngħata lil kuntrattur privat? Tista' tindika l-menu ta' ġurnata tipika u l-ispiża għaż-żewġ ċirkostanzi differenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ispiża għal ikla li kienet tiġi preparata mill-kċina ċentrali taċ-Ċentri għall-Persuni b’Diżabilita’ kienet tiswa madwar 73c. Dan l-ammont ikopri biss spiża f’salarji u x-xiri tal-materja prima iżda ma tinkludix spejjeż oħra relatati, bħal ma hu t-trasport ta’ l-ikel għaċ-Ċentri l-oħra, dawl, ilma, eċċ. Il-kuntrattur privat se jipprovdi ikel biss għall-erba’ Ċentri l-kbar għall-prezz ta’ Lm1 (ikel solidu) u 65c (ikel likwidizzat). Ninsab infurmata li din il-miżura hi waħda temporanja sakemm anki f’dawn iċ-Ċentri l-ikel jibda jiġi preparat fiċ-Ċentru rispettiv mill-impjegati flimkien mal-klijenti. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal- menu ta’ l-ikel provdut mill-kċina ċentrali u mill-kuntrattur.

Ħal-Luqa — Art fi Triq il-Mitjar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux vera li l-art li bħalissa tinsab żdingata fi Triq il-Mitjar, Ħal-Luqa hija ntenzjonata biex tigi żviluppata fi ground tal-football? Jekk iva, jista’ jgħid kemm se jkun kbir dan il- ground ? Min se jidħol għal din l-ispiża biex jinbena? F’idejn minn se jitħalla biex jitmexxa? Meta se jinbeda x-xoghol?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva, l-Gvern ċentrali ser jizviluppa din l-art li tħalliet zdingata f'faċilita' sportiva għall-poplu ta' Ħal Luqa.

Qormi — Clay shooting club

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat min-naħa tad-Dipartiment tat-Toroq jew xi enti oħra pubblika li t-triq li twassal għall-Qormi Clay Shooting Club f’Tal-Ħandaq tiġi rranġata flimkien mal-parking area li hemm biswit dan l-istess club? Jekk iva, meta se jsir dan?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi ser issir speżżjoni biex nistħargu aħjar sabiex nkunu f’pożiżżjoni li nieħdu deċiżjoni.

SVPR — Cold Store

Question

Għaliex il-cold store fil-kċina ta' San Vincenz de Paule Residence dam madwar xahar bil-ħsara? Għaliex ma ssewwiex mill-ewwel? Kemm sewa flus il-van tal-friza li ġie mikri sakemm isewwiet din il-cold store? Kemm sewa flus il-laħam li kellu jintrema' meta din il-cold store marret bil-ħsara?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Walk In Freezer li kien bil-ħsara huwa tal-Provisions Store u mhux tal-kċina. Meta saret il-ħsara l-laħam tpoġġa fi freever van li nkera apposta. Il-laħam li ntrema kienet kunsinna li fuqha hemm każ pendenti ta' qorti u fill-fatt kellha tintalab l-awtorita' ta' l-istess qorti biex dan jintrema b'kollaborazzjoni mall-Health Inspectorate u l-MEPA. Dan l-istess freezer kellu jkun iffumigat u mnaddaf qabel ma seta jiġi msewwi u tħalla għal xi ġranet fuq testing sakemm wasal għat-temperatura meħtieġa. L-ispiża li tħallset għall-van telgħet għal Lm2010.

Dragonara Casino — Slot Palace

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jafx li l-bini magħruf bħala s-Slot Palace li jagħmel parti mill-bini tad-Dragona Casino, għandu ħsarat kbar, tant li anke parti mis-saqaf waqa'? X'sar biex din il-ħsara tissewwa u tkompli tikber?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.