Jista' l-Ministru jgħid ma' liema kumpanija kien rreġistrat fl-ETC li kien qed jaħdem iċ-Ċiniż Liu Chang Hua meta ddaħħal l-isptar fit-3 ta' Awissu 2007 minn emoroġija celebrali waqt li kien qiegħed jaħdem fuq il-vapur tas-sajd Degre?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Tista' l-Ministru tispeċifika dak li qalet f'artiklu li ġie pubblikat fil-ħarġa tal-ġurnal "The Times" ta' l-20 ta' Novembru, fl-okkażjoni ta' Jum Internazzjonali għat-Tfal dwar il-liġi ta' l-adozzjoni? Meta se titressaq il-liġi l-ġdida quddiem il-Parlament? Meta se tiġi ntrodotta l-estenzjoni għall-adoption leave u b'kemm?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Abbozz tal-liġi dwar l-adozzjoni ġie ppubblikat fis-16 ta’ Novembru 2007 u qiegħed fuq l-Aġenda ta’ dan il-Parlament għat-Tieni Qari.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferiha lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid hux qed issir inkjesta dwar il-persuna, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li l-ġimgħa l-oħra ddaħħal fl-emerġenza fl-10p.m. u li wara xi siegħa telaq minn hemmhekk u nstab f’xi s-siegħa ta’ filgħodu ħdejn il-kamra mortwarja?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ma kienx hemm ħtieġa ta' inkjesta. Dan il-kaz jirrigwarda persuna ta` nazzjonalita` barranija impjegata ma kuntrattur Malti li giet licenzjata mill-isptar taħt ir-responsabilita` ta` min kien iħaddimha. Wara ftit siegħat barra mill-isptar, din il-persuna giet abbandunata fl-isptar minn nies mhux magħrufa. Instabet fl-inħawi tal-Kamra Mortwarja u reġgħet ġiet ammessa fil-ward minn fejn kienet ġiet licenzjata. Nhar il-Ħadd 25 ta` Novembru 2007, din il-persuna irritornat lura pajjizha.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet ġiet in-nefqa fuq il-bdil tas-sistema ta' l-elettriku fl-Adult Training Centre ta' Hal Far madwar tlett snin ilu? Tista' tgħid jekk hux minnu li ġiet ppublikata talba għal offerti għal xogħol fuq is-sistema tad-dawl għall-istess Adult Training Centre? Jekk din l-offerta hija għal xogħol fuq is-sistema tad-dawl f'dan il-post, tista' tgħid għaliex fi tlett snin reġa' hemm il-ħtieġa għal dan ix-xogħol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li x-xogħol li rreferit għalih l-Onor. Interpellanti fl-Ewwel Parti tal-Mistoqsija sar fiż-żmien meta ċ-Ċentri għall-Persuni b’Diżabilita’ ma kienux jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tad-dekasteru tiegħi. Għalhekk nitlobha tirreferi din il-parti tal-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Ninsab infurmata wkoll li s-sejħa għal
Expression of Interest
, ippubblikata dan l-aħħar, tikkonċerna xogħlijiet fis-sistema ta’ l-elettriku fiċ-Ċentru ta’ Ħal Far, a bażi ta’ rapport tekniku minn inġinier, liema rapport ġie kummissjonat wara li kien qed ikun hemm problemi fl-istess sistema, inkluż qtugħ ta’ spiss ta’ dawl.
Jaf il-Ministru li ż-żgħażagħ li jbatu mill-kundizzjoni tad-dyslexia u li se joqogħdu għall-eżamjiet tal-Matsec O level mhumiex se jingħataw l-faċilita' ta' reader kif kienu jingħataw sa madwar sentjen ilu? Jista' jgħid għaliex? Jaf li dawn iż-żgħażagħ se jkunu preġudikati wara snin sħaħ ta' studju u għaldaqstant se jaqgħu lura? Jista' għaldaqstant jidħol fil-każ biex din il-problema serja għal dawn iż-żgħażagħ tkun solvuta bl-azzjoni meħtieġa?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Adult Training Centres — Ikel lil persuni b'diżabilita'
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-menus ta’ l-ikel li ingħataw lill-persuni b’diżabilita’ li jattendu fl-Adult Training Centres matul l-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru 2007, meta dan l-ikel gie pprovdut mill-kuntrattur?
Tista’ tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-menus ta’ l-ikel li kienu qed jingħataw lill-persuni b’diżabilita’ matul il-ġimgħa li għaddiet, fl-adult training centres, ċentru ċentru?
Min huma n-nutritionist u d-dietician li approvaw dawn il-menus taċ-ċentri individwali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Dwar l-Ewwel Parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 27821 f’Seduta Numru 560.
Ninsab infurmata wkoll li t-tagħrif mitlub fit-Tieni Parti tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmata li
nutritionist
ikkonsultata biex jitfassal programm għall-preparazzjoni ta’ l-ikel fiċ-Ċentri kienet mid-Diviżjoni tas-Saħħa.
Tista' l-Ministru tgħid min u kif jiddeciedi lil liema impjegati fl-Adult Training Centres, jingħataw l-allowances? Lil liema impjegati qed jingħataw l-allowances u x’tip ta’ allowances qed jingħataw?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-allowances lill-impjegati tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, inkluż dawk li jaħdmu fiċ-Ċentri għall-Persuni b’Diżabilita’, jingħataw skond il-policies stabbiliti ta’ l-istess Fondazzjoni.
Għal dak li jirrigwarda l-impjegati tal-Gvern li huma
deployed
mal-Fondazzjoni f’dawn iċ-Ċentri, peress li dawn għandhom struttura differenti, fejn indikat, jingħataw l-
allowances
tal-Fondazzjoni wara evalwazzjoni tax-xogħol tal-persuna konċernata skond l-istruttura tal-Fondazzjoni.
Ninsab infurmata wkoll li reċentement ġiet introdotta
allowance
għal
care workers
jew
sapport workers
li jkunu nvoluti fil-preparazzjoni ta’ l-ikel għall-klijenti fiċ-Ċentri l-kbar.
B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 28677 u t-tweġiba tagħha fejn il-Ministru wiegħed li x-xogħol fuq Triq Ħammieri, f’Ħal Qormi, kien se jinbeda fil-ġimgħa ta’ l-1 ta’ Novembru, 2007 jista’ l-Ministru jgħid għaliex dan ix-xogħol għadu ma nbediex wara kwazi ħmistax-il ġurnata li suppost kellu jinbeda? U dan specjalment meta r-residenti f’din it-triq u dawk kollha li b’xi mod jgħaddu minnha huma suġġetti għal perikli għas-saħħa u s-sigurta’ tagħhom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi x-xogħol kien verament ippjanat li jsir kif ġie dikjarat.
Madankollu l-Kunsill talab li jipposponi x-xogħol peress li l-perit rappreżentant tal-Kunsill Lokali ma kienx disponibbli.
Għaldaqstant ix-xogħol ġie differit u għandu jkun lest fil-ġranet li ġejjin.
Ħal Farruġ — Impatt ambjentali u s-saħħa tal-familji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-buffer zone li oriġinarjament kien ippjanat li kellu jinbena madwar l-industrial estate ta’ Ħal Luqa, biex jifred l-area industrijali minn dik residenzjali u biex itaffi mill-impatt negattiv ambjentali b’risq is-saħħa tal-familji residenti f’Ħal Farruġ?
Għaliex il-
bounday wall
li kellu jkun ta’ ċertu għoli ma sarx mad-dawra kollha kif kien ippjanat?
Għaliex ma tkompliex ix-xogħol tat-tħawwil tas-siġar mad-dawra kollha fejn kellu jinbena l-
buffer zone
bejn l-
industrial estate
u r-residenzi?
Għaliex ma nbeniex l-aħħar
boundary wall
mad-dawra kollha biex jitkompla b’mod sħiħ dan il-
buffer zone
, iżda llum hemm biss ċint ta’ mhux aktar minn 4 filati?
Għaliex il-pjan ta’
buffer zone
ġie injorat u abbandunat, anzi f’ċerti partijiet ingħataw il-permessi għal aktar zvilupp industrijali matul dawn l-aħħar snin, meta hemm saħħet il-popolazzjoni li taqbeż għadd ta’ mijiet ta’ nies f’Ħal Farruġ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-buffer zone mad-dawra tal-qasam industrijali tifforma parti mill- master plan PA 191/98 u mill-permess PA 5097/95 għall- bini ta' ħajt (boundary wall) mad-dawra taż-żona industrijali ta' Ħal Luqa u wkoll għal tħawwil ta' siġar mad-dawra ta' l-istess ħajt. Dan il-permess inħareġ fis-26 ta' Marzu 1997 lill-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp u kien validu għal tliet snin estiżi b’sentejn. Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ukoll għat-tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Parlamentari Nru 28923.
Jista' l-Prim Ministru jgħid issa li saru l-eżamijiet għal Executive Officer mal-Gvern minn barra, x'se jiġri minn dawk l-impjegati fil-grad ta' clerk, dawn se jibqgħu clerkssakemm jirtiraw, jekk il-postijiet vakanti fil-grad ta' EO jiġu mimlija? Jista' jgħid għaliex għaddew biss 25% ta' dawk li applikaw? Fhiex weħlu l-aktar fl-eżami bil-miktub jew fl-interview? Jekk jogħġbu jista' jagħti statistika? Għaliex dan l-eżami sar issa fl-aħħar tal-leġislatura meta dan l-eżami ilu ma jsir mill-1992?
Ħal Farruġ — Żvilupp industrijali qrib ir-residenzi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-petition tar-residenti fl-area ta’ Ħal Farruġ, f’Ħal Luqa dwar l-iżvilupp industrijali approvat mill-MEPA fil-viċinanza ta’ Triq l-Egrett l-Isfar u Triq l-Egrett l-Abjad?
Jista’ jgħid x’permessi għal bini industrijali ħarġu s’issa mill-MEPA f’din l-area?
Jista’ jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra site plan immarkata bl-art li ġiet mogħtija permessi għall-iżvilupp industrijali mill-MEPA u xi pjani għandha l-MEPA għal żvilupp industrijali fil-futur f’din l-area partikolari?
Jista’ jgħid xi studji saru mill-MEPA dwar l-impatti ambjentali u soċjali li dan l-iżvilupp se jħalli fuq din l-area? Jista’ jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra r-riżultati ta’ dawn l-istudji u oħrajn li saru fuq din l-area b’effett ta’ żvilupp ġdid industrijali?
Jista’ jgħid jekk dawn il-permessi għal żvilupp industrijali daqshekk qrib ir-residenzi tal-familji, liema residenzi ilhom li nbnew aktar minn 22 sena, jikkonformawx mal-pjani ta’ żvilupp li ġew approvati, u ma’ regolamenti ambjentali u s-saħħa u s-sigurta’ tan-nies kif stabbiliti mill-Unjoni Ewropea?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-petizzjoni li saret mir-residenti li joqogħdu fit-toroq imsemmija saret waqt il-perjodu ta' konsultazzjoni pubblika rigward il-pjan lokali għan-nofsinhar ta' Malta. Il-punti li tqajmu f'din il-petizzjoni wasslu biex titfassal policy speċifika (SMLU 09) għal din il-parti taż-żona industrijali u li ġiet inkluża fil-pjan li kien approvat f'Awissu 2006.
Il-permessi li nħarġu mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fl-area industrijali ta’ Ħal Farruġ jinkludu permess outline għal master plan ta’ l-estate (maħruġ f’PA 4079/93 u emendat permezz ta’ PA 191/98) kif ukoll permess separat (PA 5097/95) għall-bini ta’ boundary wall li jifred l-area industrijali mill-area residenzjali. Numru konsiderevoli ta’ permessi fuq siti individwali ġew ukoll proċessati mill-Awtorità skond il-master plan approvat. L-art mogħtija għall-iżvilupp industrijali kienet approvata bil-permess PA 191/98. Il-pjan ta' l-Awtorità għal dan il-qasam huwa espress fis-South Malta Local Plan kif approvat f’Lulju ta’ l-2006 wara proċess ta’ konsultazzjoni. Filwaqt li l-pjan jikkonferma l-area bħala żona industrijali, policy SMLU 09 ta’ l-istess pjan tesiġi li l-attività industrijali qrib l-area residenzjali ma toħloqx impatti negattivi.
Il-proċess ta’ l-applikazzjoni għall-master plan ma kien jinkludi ebda studju ambjentali minħabba li l-area kienet diġà stabbilita bħala żona industrijali filwaqt li l-intenzjoni tal-master plan kienet li ttejjeb l-ambjent ġenerali tal-qasam waqt li tnaqqas l-impatt negattiv fuq l-iżvilupp residenzjali fil-qrib.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm ħaddiema mill-Adult Training Centres li telqu mill-ATCs sabiex jibqgħu jaħdmu f'xi dipartiment ieħor tal-Gvern, wara li dawn l-istess ħaddiema li oriġinarjament kienu mpjegati tas-servizz pubbliku ġew mogħtija l-għażla ta' fejn jixtiequ jagħtu s-servizz tagħhom jekk hux fl-ATC's taħt il-Foundation for Social Welfare Services jew f'xi dipartiment ieħor tal-Gvern, mid-9 ta' April 2007?
Jekk kien hemm ħaddiema li marru lura f'xi dipartiment tal-Gvern, kemm huwa n-numru ta' dawn il-ħaddiema li rritornaw lura f'dipartiment kif ukoll taħt liema kriterji ġiet approvata t-talba ta' dawn il-ħaddiema li rritornaw lura f'dipartiment? Xi grad għandhom dawn il-ħaddiema u x'inhi l-kariga li ngħatatilhom? Minn liema ministeru qegħda toħroġ il-paga ta' dawn il-ħaddiema? Kemm huwa n-numru ta' ħaddiema oħra li għamlu t-talba sabiex huma wkoll jirritornaw lura f'dipartiment tal-gver u ta' liema grad huma dawn il-ħaddiema? Kemm hu n-numru li ġew irrifjutati u taħt liema kriterji dawn ġew irrifjutati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-ħaddiema tas-Serviżż Pubbliku kollha li kienu mpjegati fiċ-Ċentri għall-Persuni b’Diżabilita’ ġew ‛deployed’ mal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali skond il-kundizzjonijiet elenkati fl-ittra mibgħuta lil kull ħaddiem. Fost dawn il-kundizzjonijiet kien hemm li ħaddiem li juri x-xewqa li jirritorna lura fis-Servizz Pubbliku jkun jista’ jagħmel dan skond il-prassi eżistenti, jiġifieri jekk il-Gvern ikollu domanda u ħtieġa għas-servizz tiegħu. Dan id-deployment ma jipprekludix ħaddiem, li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni, li japplika għall-postijiet vakanti fis-Servizz Pubbliku, mħabbra minn żmien għal żmien.
Ninsab infurmata wkoll li mid-9 ta’ April 2007, meta daħal fis-seħħ dan id-
deployment
, kien hemm tlett ħaddiema li rritornaw lura f’dipartimenti oħra tal-Gvern. Il-grad tagħhom kien ta’ kok,
casual nurse
u
senior care worker
. L-ewwel żewġ persuni applikaw u ġew magħżula biex jimlew postijiet vakanti f’dipartimenti tal-Gvern barra d-dekasteru tiegħi. Fil-każ tas-
seniour care worker
, kien hemm talba minn Ministeru ieħor biex din tagħti s-servizzi tagħha, li kienu meħtieġa, f’Taqsima taħt dak il-Ministeru.
Ninsab infurmata wkoll li, mid-data msemmija qabel, kien hemm tnaxil ħaddiema li talbu biex jirritornaw lura fis-Servizz Pubbiku. Il-gradi ta’ dawn il-ħaddiema huma:
head care centre, assistant head care centre, senior care worker, care worker, assistant care worker, health assistant, senior tradesman u general hand
. Ebda waħda minn dawn it-talbiet ma ntlaqgħet peress li ma kienx hemm domanda u ħtieġa għas-servizz tagħhom band’oħra.
Tista' l-Ministru tgħid min iddeċieda u kif ġie deċiż li l-impjegati fl-Adult Training Centres kollha, inkluż dawk impjegati tas-servizz pubbliku isirilhom Skills Audit? Kif ġie deċiż b'liema metodu dan l-iSkills Audit għandu jsir u liema metodu ġie magħżul għal Care Workers, Support Workers kif ukoll dawk fi gradi ogħla? X'inhu l-iskop għal dan l-audit?
Min ġie mqabbad jagħmel dan l-istħarriġ fuq l-impjegati? Kif ġew magħżula dawn il-persuni li għamlu dan l-istħarriġ? X'esperjenza għandhom fil-qasam tad-diżabilita'? Kemm ħallset il-Foundation for Social Welfare Services għal dan l-eżerċizzju u lil min ħallset dawn il-flus? Kemm huwa n-numru ta' persuni li għamlu jew se jagħmlu dan l-eżerċizzju? Kemm hija jew kemm hija kkalkulata l-ispiża ras għal ras biex isir dan l-eżerċizzju? Dan l-iSkills Audit kien optional jew bilfors għall-impjegati ta' l-Adult Training Centres?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-deċiżjoni li jsiru l-iskills audits ta’ l-impjegati kollha fiċ-Ċentri għall-Persuni b’Diżabilita’ ittieħdet mill-management tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali wara diversi diskussjonijiet. Il-metodu adottat ġie deċiż flimkien mal-kumpanija li ġiet magħżula wara talba għall-proposti minn tlett kumpanniji b’esperjenza magħrufa fil-qasam tar-riżorsi umani. Il-kumpannija magħżula kienet il-MISCO għax ippreżentat l-aktar proposta estensiva għal dak li jirriġwarda t-testijiet li riedu jsiru kif ukoll kienet aċċessibli finanzjarjament għall-Fondazzjoni.
Wara l-għażla, din il-kumpannija ħadmet fil-qrib ħafna mal-Fondazzjoni biex tingħata l-informazzjoni meħtieġa, inkluż
job descriptions
tax-xogħlijiet varji, u biex tuża sitwazzjonijiet realistiċi li jgħinuha toħroġ riżultati relevanti. Il-metodoloġija użata ġiet approvata mill-
management
tal-Fondazzjoni wara preżentazzjoni dettaljata mill-
Head of Learning and Development
tal-kumpannija, u kienet tinkludi:
Analiżi tas-
CVs
tal-ħaddiema
Intervisti mal-ħaddiema nfushom
Evalwazzjoni tal-litteriżmu u tal-ħiliet bażiċi fuq il-
computer
Workshops
ibbażati fuq
teamwork
L-iskop ta’ dan l-eżerċizzju kien li, issa li l-ħaddiema kollha f’dawn iċ-Ċentri waqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-Fondazzjoni, jittieħed
snapshot
tal-ħiliet eżistenti, jiġu identifikati xi nuqqasijiet li jista’ jkun hemm f’dan ir-rigward u t-taħriġ li hemm bżonn biex jindirizza dawn in-nuqqasijiet. Dan kollu biex jingħata servizz aħjar lill-klijenti ta’dawn iċ-Ċentri.
Ninsab infurmata li għal dan l-eżerċizzju MISCO tħallsu b’kollox Lm 4,944.20 u l-ispiża ras għal ras hi kkalkulata li kienet ta’ Lm26.72.
Ninsab infurmata wkoll li dan l-i
skills
audit
kien obbligatorju għal kull ħaddiem fiċ-Ċentri għall-Persuni b’Diżabilita’.
Jista’ l-Ministru jgħid jafx bil-passaġġ/mogħdija fi Triq Patri Indri Schembri, Luqa li għal dawn l-aħħar 25 sena kienet tintuża minn bdiewa kif ukoll min-nies li jkunu jridu jmorru l-Wied il-Kbir ta’ Ħal Luqa, li ġiet żgumbrata bi kwantita’ kbira ta’ terrapien?
Jista’ jgħid x’se jsir biex il-passaġġ/mogħdija msemmija titnaddaf biex dan l-iskart li qed joħloq inkonvenjent kbir għan-nies li jużaw din il-mogħdija ma jibqax?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kienet diġá investigat dan il-każ meta rċeviet ilment ftit ta' żmien wara li ntefa' l-materjal. Fil-fatt, il-munzelli ta' terrapien li mblokkaw il-passaġġ in kwestjoni twittew mingħajr ħtieġa t'azzjoni t'infurzar bir-riżultat li t-trejqa reġgħet infetħet kif kienet. Dan kien ikkonfermat minn spezzjoni li saret.
Ħal Farruġ — Implimentazzjoni u Infurzar tar-Regolamenti tal-MEPA
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’permessi ħarġu mill-MEPA għall-iżvilupp ta’ industrija li sal-lum il-bini tagħha għadu mhux komplut, iżda qed isir xogħol minnha fi Triq l-Egrett l-Isfar, f’Ħal Farruġ?
Jista’ jgħid b'mod konkret x’passi ttieħdu fl-interess tal-ħaddiema u tar-residenti ta’ Ħal Farruġ minħabba emissions, ħmieġ u skart industrijali li qed jitħalla minn industrija li qed topera minn dan il-bini mhux komplut u li ġie żviluppat matul din l-aħħar sena fl-area qrib Triq l-Egrett l-Isfar?
X’inhuma d-direttivi li ngħataw lil din l-industrija biex l-emissions, ħmieġ u skart industrijali ma jibqgħux jaffettwaw b’mod ħażin lill-ħaddiema u lir-residenti msemmija?
X’qed isir biex l-awtorita’ tassigura li d-direttivi qed jiġu segwiti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fis-7 ta' Mejju 2005 ħarġet permess ta' żvilupp PA5481/03 biex jinbena workshop ta' mastrudaxxa f'din l-area industrijali. L-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) ġiet fil-fatt ikkonsultata waqt il-proċess ta' din l-applikazzjoni (PA 5481/03) però din ma sabitx oġġezzjoni għal dan l-iżvilupp propost.
Rigward ħmieġ, l-operatur huwa obbligat iżomm il-viċinanzi tal-fabbrika nodfa biex ma jikkawżax ħsara lis-sura u d-dehra tal-madwar. Fil-fatt huwa għadu kif jiġi ordnat inaddaf xi materjal li deher ikerrah il-post u huwa beda din l-operazzjoni.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27114 li saret fid-9 ta' Lulju, 2007 dwar il-parking lines fl-area ta' Binja Hesri fis-Siġġiewi, u għat-tweġiba tal-Ministru bid-data tas-16 ta' Lulju, 2007 fejn wieġeb li skond is-siteplan tal-MEPA ma jirriżultax li riċentement saru toroq mill-ADT u għaldaqstant l-Interpellant ġiet mitluba tindika l-isem tat-triq, jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli li jagħmel il-parking lines fl-area tal-binjiet ta' Wied Ħesri, madwar il-pjazza u/jew ġnien li sar ftit taż-żmien ilu?
Area ta' Ħal Farruġ — Saħħa u Sigurta tal-ħaddiema u r-residenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid b'mod konkret x’passi ttieħdu fl-interess tal-ħaddiema u tar-residenti ta’ Ħal Farruġ minħabba emissions, ħmieġ u skart industrijali li qed jitħalla minn industrija li qed topera minn dan il-bini mhux komplut u li ġie żviluppat matul din l-aħħar sena fl-area qrib Triq l-Egrett l-Isfar?
X’inhuma d-direttivi li ngħataw lil din l-industrija biex l-emissions, ħmieġ u skart industrijali ma jibqgħux jaffettwaw b’mod ħażin lill-ħaddiema u lir-residenti msemmija?
X’qed isir biex l-awtorita’ tassigura li d-direttivi qed jiġu segwiti?
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27121 bid-data 9 ta' Lulju, 2007 dwar il-bankini qrib il-binjiet ta' Wied Ħesri u li ġiet riferuta lill-Ministru kkonċernat, jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli li jagħmel il-bankini li ġew imwegħda lir-residenti li jgħixu fil-binjiet ta' Wied Ħesri, u li kellhom isiru madwar sitt snin ilu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi saret spezzjoni fuq is-sit minn uffiċjali tal-ADT. It-triq ġiet asfaltata mid-Dipartiment tat-Toroq pre-2000 mingħajr ma saru dawn il-bankini. Għaldaqstant hija responsabbilta’ tad-Direttorat tagħna li dawn isiru.
L-istima ta’ dan ix-xogħol ġa saret.
Jista' l-Ministru jgħid meta s-sistema ta' trasport pubbliku fis-Siġġiewi se taqdi lir-residenti kollha tas-Siġġiewi, partikolarment f'dawk l-areas l-agħar milquta? Jista' jgħid x'sar min-naħa ta' l-Awtorita' għat-Trasport ta' Malta dwar il-ħtieġa ta' sistema ta' transport xierqa li tindirizza l-problema ta' residenti li joqogħdu f'areas fis-Siġġiewi li żviluppaw minn madwar 25 sena 'l hawn u li sal-lum għadhom mingħajr aċċess effiċjenti għat-trasport pubbliku?
Jista' jgħid jekk fil-proċess ta' l-assessment li l-Awtorita' għat-Trasport ta' Malta suppost tagħmel biex tindirizza din il-problema hiex tieħu in konsiderazzjoni li kwalunkwe sistema adattata għal transport pubbliku aktar effiċjenti jagħmel mill-anqas ħsara lill-ambjent ta' l-istess residenti ta' l-areas milquta? Jista' jgħid hiex tiġi kkonsultata l-MEPA dwar l-effetti fuq l-ambjent, jew xi entita' awtorevoli oħra fuq dan il-qasam?
Jista' jgħid jekk saritx konsultazzjoni pubblika dwar din il-ħtieġa bażika u jekk ukoll saritx din it-tip ta' konsultazzjoni biex ir-residenti jressqu s-suġġerimenti tagħhom dwar kif filwaqt li jkun hemm sistema effiċjenti ta' transport, jiġi assigurat li ma jkunx hemm impatti negattivi żejda fuq l-ambjent minħabba l-użu ta' aktar toroq residenzjali minn vetturi kbar? Jekk din il-konsultazzjoni pubblika għadha ma saritx, hemm il-ħsieb li ssir? B'liema mod u min se jkun responsabbli għaliha?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f’seduta oħra.