Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #4658 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Ċentri tas-Saħħa — Riċetti tal-mediċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex jikkonsidra li jirranġa s-sistema tar-riċetti għal mediċini fil-health centres? Jaf il-Ministru bil-queues twal li jkun hemm f'health centres bħal, per eżempju ta' Ħal Qormi biex jagħmlu dawn ir-riċetti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Dipartiment tal-Kura Primarja flimkien ma dak tas-Servizzi Farmaċewtiċi dejjem jaħdmu biex jaraw kif jistgħu jtejbu s-servizzi mogħtija f'dan il-qasam. Id-dewmien li jista' jkun hemm huwa dovut għall-fatt li jkun hemm ġranet fejn in-numru ta' Tobba fiċ-Ċentru tas-Saħħa jkun limitat minħabba n-nuqqas li hemm fil-compliment.

Sigurta' Soċjali — Assistenza soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex omm xebba b'żewġt itfal (uliedha rreġistrati b'unknown father) mhijiex tieħu assistenza soċjali? Kemm suppost tieħu assistenza soċjali f'dan it-tip ta' każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sabiex omm xebba b'żewġt itfal li huma rreġistrati b'unknown father, tieħu l-Assistenza Soċjali, din għandha tapplika fl-Uffiċċju Distrettwali tal-lokal tagħha. L-ogħla rata fil-ġimgħa ta' din l-għajnuna li hi tista' tikkwalifika għaliha, jekk ma jkollhiex riżorsi u tkun qegħda tgħix bħalha familja għal rasha, hija ta' Lm34.13 fil-ġimgħa. Barra minn dan hija tikkwalifika wkoll għall-Bonus Speċjali ta' Lm1.34 fil-ġimgħa u għall-Bonus ta' Lm58 li jitħallas f'Ġunju u f'Diċembru. Hija tista' tikkwalifika wkoll għal 50 ċenteżmu fil-ġimgħa jekk tkun qegħda tħallas il-kera. Il-persuna li tkun qegħda trabbi t-tfal tista' wkoll taħdem xogħol part-time, sakemm id-dħul mill-impieg tagħha ma jeċċedix is-Lm16.75 fil-ġimgħa. Barra minn hekk, jekk ulied din il-persuna għadhom taħt l-eta' ta' sittax-il sena, hija tikkwalifika wkoll għal Lm12.98 fil-ġimgħa f'Allowance tat-Tfal. Persuni f'dawn iċ-ċirkostanzi jistgħu jikkwalifikaw għal benefiċċji oħra bħal Rabate tad-dawl u l-ilma, il-karta roża eċċ. 8.3.99
Leg 9 PQ #4660 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Hold-up f'Ħal Qormi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet dwar il-hold-up li sar fl-10 ta' Frar, 1998 f'nru. 8, Freemond Str, Qormi? Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu l-proċeduri dwar dan il-każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant hu suġġett ta' inkjesta Maġisterjali u li l-investigazzjonijiet dwaru għadhom għaddejjin. Għaldaqstant ma nħossx li hu opportun li tingħata xi nformazzjoni dwar dan il-każ f'dan l-istadju. 08.03.99

Maltacom plc — Vakanzi

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-iktar kopji riċenti ta' sejħiet għal mili ta' vakanzi għal Clerk 1, Executive Officer, Assistant Principal, Customer Service Assistant u Customer Service Officer fil-Maltacom plc?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Maltcom plc — Customer Service Officer

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3663, jista' l-Ministru jgħid kif il-Bord ta' l-intervista wasal biex ta l-marki lill-kandidati fil-kriterji ta' l-abilta' u mertu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kif jirriżulta mid-dokument li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għall-Mistoqsija numru 3663, il-Bord ta' l-Intervista qassam it-total ta' 100 marka b'mod ekwu fuq erba' kriterji; servizz, abilta', esperjenza u mertu. Naturalment l-intervista kienet tkopri dawn il-kriterji.

Maltacom plc — Bord ta' l-Appelli

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Bord ta' l-Appelli (Promozzjonijiet) fil-Maltacom plc kemm wara l-protesta u l-petizzjoni li xi impjegati kienu ressqu lill-istess Ministru u kemm wara diversi rapporti li dehru fil-media? Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord, jekk il-bord huwiex qed jiltaqa' u jekk le, għaliex u jekk huwiex qed jisma l-appelli mressqa u jekk le, meta beħsiebu jibda jismagħhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-fatt li kien hemm bidla f'wieħed mill-Membri tal-Bord ta' l-Appelli (Promozzjonijet) fil-Maltacom ma jfissirx li l-pożizzjoni ta' l-istess Bord inbidlet minn dik li kienet qabel. Il-Bord huwa magħmul miċ-Chairman is-Sur George Borg Cardona u minn żewġ Membri, is-Sinjur Gaston Debono u John L. de Gray. Is-segretarju tal-Bord huwa s-Sur David Buttiġieġ, uffiċjal tal-Maltacom. Il-Bord kellu jagħmel l-ewwel laqgħa preliminari tiegħu fit-18 ta' Frar 1999, pero` peress li wieħed mill-membri ma setax jattendi minħabba impenji aktar urġenti, il-laqgħa ġiet posposta. Fil-fatt il-Bord iltaqa` l-ewwel darba fit-2 ta' Marzu 1999.
Leg 9 PQ #4652 Sitting 71 1999-03-03 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Bordijiet/kumitati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Bordijiet/kumitati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-Bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Politika Soċjali li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni li talab l-Onor. Membru. 3.3.99

Qormi — Triq San Ġwakkin

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 202 dwar it-twessiegħ u l-istat ġenerali ta' Triq San Ġwakkin, f'Ħal Qormi, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal id-Dipartiment tat-Toroq biex iwettaq ix-xogħol bżonnjuż f'din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq bi ħsiebu jibda x-xogħol neċessarju biex isiru d-disinji meħtiega hekk kif xogħol ieħor li hemm fl-idejn jitlesta`.

Impjiegi — Ħaddiema li kienu mal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm biex ħaddiema li kienu mal-gvern u li llum huma mpjegati ta' entitajiet pubbliċi, biex dawk li llum huma pensjonanti u li l-pensjoni tagħhom intradmet fuq il-paga ta' meta kienu mal-gvern, issir ġustizzja magħhom u jiġu mogħtija lilhom dak li hu ħaqqhom skond il-paga li kellhom fl-entita' pubblika rispettiva li kienu fiha qabel spiċċaw mix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob l-Onor. Interpellant tirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru għal-Finanzi, li taħtu taqa' r-responsabbilita' għad-Dipartiment tat-Teżor li jamministra l-pensjonijiet ta' l-impjegati tal-Gvern. 3.3.99
Leg 9 PQ #4656 Sitting 71 1999-03-03 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Ħwienet li jbiegħu vated items

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif id-Dipartiment tal-VAT qed jassigura li ma jsirux abbużi fir-rigward ta' ħwienet li jbiegħu items li huma vated iżda jirreġistrawhom fuq il-cash register bħala exempt?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bil-liġi tal-VAT, tal-Ħwienet huma obbligati li ma` kull bejgħ li jagħmlu jagħtu rċevuti fiskali li turi xi jkunu l-oġġetti jew servizzi mibjugħa kif ukoll jekk kull oġġett jew servizz ikunx taxxabbli jew le. B`hekk l-ispetturi tad-Dipartiment tal-VAT ikunu jistgħu, waqt l-ispezzjonijiet li jagħmlu, jivverifikaw jekk irċevuta fiskali tkunx reġistrata korrettament fil-cash register jew le, u anke jekk ikun hemm bżonn billi jiċċekkjaw il-prodotti mixtrija ma` l-irċevuta.

Persuni b'diżabilita' — Sinjal ta' "reserved"

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex tneħħiet ir-"reserved" ta' persuna bi bżonnijiet speċjali (il-permess ilu madwar 10 snin) fi Triq il-Vitorja, Ħal Qormi qrib l-uffiċċju tal-kunsill lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-Reserved Parking Area/Keep Clear Bays quddiem residenzi privati ta' persuni f'diżabilita' bħala regola tingħata jew titneħħa mill-Bord Għall-Kontroll tat-Traffiku fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'. Mill-1 ta' Ottubru 1998 sas-17 ta' Frar 1999 il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda rakkomandazzjoni biex titneħħa xi Reserved Parking Area/Keep Clear Bays minn quddiem xi residenzi privati ta' persuni b'dizabilita'. 3.3.99

Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Bordijiet/kumitati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u risposta tingħata f`seduta oħra.
Leg 9 PQ #4647 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — Bordijiet/kumitati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru għat-Turiżmu li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?

Response (REFALO, MICHAEL)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 794 fis-Seduta 10, infurmat li r-rimunerazzjoni li l-membri tat-tliet organizzazzjonijiet jieħdu rispettivament hi kif ġej: L-'Executive Board' tan-'National Tourism Organisation - Malta' -------------------------------------------------- ------------- 'Chairman' - Lm5,000 fis-sena Membri (ħlief iż-żewġ rappreżentanti ta' l-Air Malta) - Lm1,000 fis-sena Din hi l-istess rimunerazzjoni li kienet tittieħed qabel il-5 ta' Settembru 1998. Il-'Hotels and Catering Establishments Board' --------------------------------------------- Qabel l-1 ta' Jannar 1999: Lm4 kull seduta liċ-'Chairman' u Lm5 lill-Membri. Wara l-1 ta' Jannar 1999: Lm8 kull seduta liċ-'Chairman' u Lm6 lill-Membri. L-'Institute and Tourism Studies' --------------------------------- 'Chairman' - Lm750 fis-sena Membri (ħlief dawk maħtura 'ex ufficio) - Lm500 fis-sena Qabel il-5 ta' Settembru 1998, iċ-'Chairman' kellu onorarju ta' Lm1,800 fis-sena u l-Membri (ħlief dawk maħtura 'ex ufficio') kienu jitħallsu Lm750 fis-sena.
Leg 9 PQ #4648 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru għall-Ambjent — Bordijiet/kumitati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li ħlief għal bidla fiċ-'Chairman' tal-Building Industry Consultative Council ma kien hemm l-ebda tibdil fil-Bordijiet jew Kumitati tat-tmexxija li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent. Iċ-'Chairman' ta' qabel il-5 ta' Settembru 1998 tal-Building Industry Consultative Council kien il-perit Martin Debono filwaqt li ċ-'Chairman' il-ġdid huwa l-perit Robert Musumeci. Ir-remunerazzjoni ta' dan ta' l-aħħar hija l-istess bħal ma kienet tal-predeċessur tiegħu.
Leg 9 PQ #4649 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

Ministeru tal-Finanzi — Bordijiet/kumitati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Finanzi li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?

Response (DALLI, JOHN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Leg 9 PQ #4650 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Bordijiet/kumitati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-bordijiet li nħatru s'issa fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'l hawn huma: * Il-Kumitat Festival tal-Kanzunetta Maltija/Kanzunetta għall- Ewropa * Il-Bord tal-Commonwealth Scholarships u Fellowhips * Il-Kumitat ta' Tmexxija tal-Malta Racing Club Kif weġibt fil-Mistoqsija Parlamentari Nru 791, bid-differenza li s-Segretarju tal-Bord tal-Commonwealth Scholarships u Fellowhips inbidel u ġie maħtur is-Sur Anthony Żammit. Flimkien ma dawn ġew maħtura wkoll: * Il-Bord ta' l-Eżamijiet Pubbliċi Lokali Kompożizzjoni tal-Bord ta' qabel l-aħħar Elezzjoni Ġenerali: Chairman Dr Victor Borg Grech LL.D. Membri Is-Sur Joseph R. Grima Is-Sinjorina Mary A. Muscat Is-Sur Joe Buhagiar Is-Sur Paul Sultana Segretarju Is-Sur Joe Scerri Bord kif maħtur fis-17 ta' Frar 1999 Chairman Is-Sur Sebastian Debono Membri Is-Sinjorina Doris Borg Is-Sur John Gatt Is-Sinjorina Frances Sammut Is-Sur Victor Sammut Segretarju Is-Sur Joseph Scerri Bord tad-Diretturi Public Broadcasting Services Limited Chairman Is-Sur Maurice Zarb Adami Viċi Chairman Is-Sur Tony Mallia Membri Is-Sur Richard J. Aquilina Is-Sur Michael Fenech Is-Sinjorina Louise Vassallo.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Bordijiet/kumitati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Viċi Prim Ministru li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Il-kompożizzjoni ta' l-uniku Bord li jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni tiegħi, jiġifieri l-Kunsill ta' Amministrazzjoni tal-Voice of the Mediterranean, ma nbidlitx minn wara l-Elezzjoni ta' Settembru 1998 'il hawn. Il-Kunsilliera li jservu fuq dan il-Bord ma jirċievu ebda remunerazzjoni għax-xogħol li jagħmlu.

Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-kompożizzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara ġew magħżula żewġ membri mill-qasam tal-criminology u mbagħad m'hemm, per eżempju, l-ebda social worker?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-komposizzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara mhix ibbażata fuq rappreżentanza ta' professjonijiet differenti, iżda hi bbażata fuq il-kriterji li l-persuni magħżula jistgħu jagħtu kontribut fil-qasam tan-Nisa fis-Soċjeta. Jidhirli, pero', li l-Kummissjoni tinkludi membri li huma impenjati ħafna fl-oqsma soċjali ewlenin. 1.3.99
Leg 9 PQ #4641 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Ministeru tas-Saħħa — Bordijiet/kumitati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u l-entitajiet l-oħra pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru għas-Saħħa li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Bordijiet u l-Kumitati li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi li kienu appuntati biex iservu fl-1998, baqgħu jiffunzjonaw sat-terminu tal-ħatra tagħhom, jiġifieri sal-31 ta' Diċembru 1998, mingħajr ma kien hemm tibdil fil-Membri. Fl-1 ta' Jannar 1999, il-Bordijiet u l-Kumitati kollha ġew rikostitwiti b'xi tibdil fil-Membri. Dan l-aħħar ġiet rikostitwita wkoll il-Kummissjoni Nazzjonali Għar-Riforma tas-Saħħa Mentali wara xi dewmien, minħabba l-fatt li l-Oppożizzjoni m'aċċettatx l-invit tal-Gvern biex tinnomina membru minn naħa tagħha fuq il-Kummissjoni. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-kompożizzjoni tal-Bordijiet kif gew appuntati fl-1998 u 1999.