Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-iktar kopji riċenti ta' sejħiet għal mili ta' vakanzi għal clerk I, Executive Officer, Assistant Principal, Customer Service Assistant u Customer Service Officer fil-Maltacom plc?
Response (BONNICI, JOSEF)
Din il-mistoqsija diġa` tajt tweġiba għaliha meta rrispondejt il-mistoqsija parlamentari numru 4661 magħmula mill-istess Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-compliment għal grad ta' Assistant Head of Customer Service fil-Customer Care Unit fi ħdan il-Maltacom huwa ta' tnejn? Jista' l-Ministru jikkonferma wkoll li bħalissa hemm Assistant Head of Customer Service min-naħa tat-telegrafija u fergħat nieqes? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk il-Maltacom għandhiex il-ħsieb li timla' din il-vakanza u jekk fil-pożittiv, meta u x'inhuma r-rekwiżiti biex impjegat ikun jista' japplika?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-compliment għal grad ta' Assistant Head of Customer Service huwa ta' tnejn. Bħalissa hemm vakanza waħda f'dan il-grad u s-sejħa interna għall-mili ta' din il-vakanza diġa ħarġet.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-bord ta' l-appelli (promozzjonijiet) fil-Maltacom plc kemm wara l-protesta u l-petizzjoni li xi mpjegati kienu ressqu lill-istess Ministru u kemm wara diversi rapporti li dehru fil-media? Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord, jekk il-bord hux qed jiltaqa' u jekk le, għaliex u jekk hux qed jisma' l-appelli mressqa u jekk le, meta beħsiebu jibda jismagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4663 magħmula mill-istess Interpellant fuq l-istess suġġett.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3663, jista' l-Ministru jgħid kif il-bord ta' l-intervisti wasal biex ta l-marki lill-kandidati fil-kriterji ta' l-abilita' u mertu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4662 li hija identika għal din magħmula mill-istess Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid meta d-Dipartiment tat-Toroq se jagħti attenzjoni bis-serjeta' lill-istat diżastruż li jinsabu fih dawn it-toroq - Triq il-Ġunġlien, Triq il-Ħabbież, Triq Amleto Spiteri, Triq Ġużeppi Ciappara, Triq it-Tensiela u Triq Dun Mario, f'Ħal Qormi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dawn it-toroq huma diġa asfaltati u x-xogħol tal-manutenzjoni jew resurfacing isir mill-Kunsill.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom li ġew maħtura l-membri l-ġodda tal-bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Liema kienu l-applikazzjonijiet għal xi tip ta' żvilupp li ġew ippreżentati għall-konsiderazzjoni ta' din l-Awtorita', sew min-naħa tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp kif ukoll minn sorsi oħra? F'liema data rispettivament kull waħda minn dawn l-applikazzjonijiet ġiet imressqa quddiem l-istess bord u liema minn dawn, każ b'każ rispettivament, għadhom pendenti għal xi raġuni jew oħra? Jekk jirriżulta li hemm każi pendenti, kif jista' jiġi jew qed jiġi ġġustifkat dan id-dewmien f'kull każ rispettivament?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-Bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, kif inhu kompost illum, inħatar fl-1 ta' Novembru, 1998.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
15.03.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4184, jista' l-Ministru jwieġeb il-parti tal-mistoqsija relevanti għall-Ministeru tiegħu kif indikat mill-Prim Ministru u cioe' f'liema dipartimenti jew korporazzjonijiet hemm impressed drivers u x'vetturi għandhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-Tweġiba li pprovda l-Prim Ministru għall-Mistoqsija Nru. 4184 fil-fatt tipprovdi wkoll informazzjoni dwar liema Dipartimenti u Korporazzjonijiet qed jaħdmu fihom l-"impressed drivers". Li ma tipprovdix hija nformazzjoni dwar it-tip ta' vettura li qed tinkera.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tipprovdi din l-informazzjoni f'dak li għandhom x'jaqsmu d-Dipartimenti u l-organiżżazzjonijiet l-oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Irrid niċċara li fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Nru. 4184, in-numru (8) ta' "impressed drivers" li jidhru taħt "Social Security" issa qed nurihom taħt żewġ Dipartimenti (Servizzi Korporattivi u Sigurta' Soċjali) waqt li dawk (6) li jidhru taħt "Social and Family Affairs" issa wkoll qed nurihom taħt żewġ Dipartimenti (Kura ta' l-Anzjanii u Ħarsien tal-Familja).
15.3.99
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4180, jista' l-Ministru jgħid fejn id-Dipartiment tat-Toroq iddeċieda li jibda x-xogħol fejn hu meħtieġ f'Ħal Qormi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ngħata kuntratt biex isir ix-xogħol ta` twaħħil ta` Traffic Lights f`żewġ lokalitajiet jiġifieri ġo Triq Duca u Triq l-Imdina. Dan ix-xogħol ikun jista` jsir meta jsir ix-xogħol meħtieġ ġo Triq l-Imdina.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4171, jista' l-Ministru jgħid min huwa l-avukat tal-gvern, meta nstemgħet il-kawża u meta se terġa' tinstema'?
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3663, jista' l-Ministru jispjega kif Customer Service Assistant li qiegħed fl-istess grad ma' ieħor u t-tnejn wettqu l-istess ħidma, filwaqt li ta' l-ewwel għandu iżjed snin ta' servizz l-ieħor ġab iżjed marki fil-kriterji għall-esperjenza? Jista' l-Ministru jispjega wkoll kif ingħataw il-marki għall-esperjenzi?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni li qed tintalab hija ta' natura kunfidenzjali u personali. Tajjeb li wieħed jgħid li kull applikant għandu d-dritt jappella quddiem il-Board ta' l-Appelli (Promozzjonijiet) skond il-kriterji mniżżla f'Artiklu 3.1 tal-Ftehim Kollettiv.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3664, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kwalifiki (bħal "O" levels) u xi kredenzjali ta' użu tal-Microsoft Package (Word u Excel) għandhom, jekk għandhom, l-erba ħaddiema in kwestjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-grad li għalih qed tirreferi l-onorevoli Interpellant huwa dak ta' Customer Services Officer. Tajjeb jingħad li s-sejħa interna biex jimtlew vakanzi f'dan il-grad ma kinitx tesiġi li l-applikant ikollu kwalifiki u kredenzjali ta' użu tal-Microsoft PAckage (Word u Excel).
Għaldaqstant ma narax li għandi nagħti nformazzjoni dwar kwalifiki ta' individwi meta l-applikazzjoni relattiva ma kinitx tesiġi li applikant ikollu kwalifiki biex seta' japplika għal dan il-grad.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir biex jiġi assigurat li r-refuġjati li qed jingħataw impjieg part-time ma jiġux sfruttati minn min jimpjegahom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' l-"Expatriates", li hija l-awtorita' responsabbli li tapprova l-ħruġ ta' "employment licences", lill-persuni barranin, m'hi qed tapprova l-ebda "employment licence", kemm għal xogħol "full-time" kif ukoll "part-time", lill-persuni barranin a bażi ta' l-"istatus" tagħhom ta' refuġjati.
Irrid ngħid iżda li l-liġi taċ-CERA tkopri lill-ħaddiema kollha, inklużi dawk barranin, u li l-"Inspectors" tad-Dipartiment tax-Xogħol, meta jiltaqgħu ma xi rregolarita' dwar kundizzjonijiet ta' xogħol, anke meta tkun tinvolvi ħaddiema barranin, jieħdu l-miżuri meħtieġa skond il-liġi sabiex l-irregolarita' tiġi retifikata.
10.3.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, f'każ ta' sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea, kif jistgħu jiġu effetwati l-iskemi ta' housing tal-gvern, per eżempju, is-sussidju fuq il-kirjiet?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Fl-Unjoni Ewropea, l-iskemi ta' housing tal-Gvern huma kompetenza ta' l-istati membri.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawn il-prodotti li ġejjin għolew matul dawn l-aħħar ġimgħat:
Minn Sar
Dixan 109c 120c
Wipex Kitchen rolls 49c 55c5
Surf 300g 29c 34c5
Surf 600g 61c 66c8
Sertis paper napkins 29c 32c2
Stergene 50c 54c7
Svelto small 50c 57c5
Lux toilet soap 31c 33c
Gilette shaving foam 77c 88c
Jista' l-Ministru jikkonferma dan huwiex minħabba l-VAT jew le?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li filwaqt li ż-żieda msemmija fil-prezz tad-Dixan, Svelto u Lux Toilet Soap qiegħda tiġi nvestigata, il-prezz tal-Gillette Shaving Foam 200ml mhux talli ma żdiedx, talli raħas minn 92 ċenteżmu għal 88 ċenteżmu.
Il-ħames prodotti l-oħra qegħdin jiġu nvestigati mid-Dipartiment tal-Kummerċ.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawn il-prodotti li ġejjin għolew matul dawn l-aħħar ġimgħat:
Minn Sar
Always sanitary towels 109c 111c6
Safari big nectar 55c 60c
Safari small nectar 15c 16c4
Toilet paper super save x 6 50c 55c
Toilet paper Tana x 10 82c 89c
Sapuna tal-ħwejjeġ Arrow 15c 17c
Derh powder x 2 100c 110c
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk dawn il-prodotti għolewx minħabba l-VAT jew le?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minn investigazzjoni li għamel l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta dwar ċaqlieq fil-prezz tal-'Always Sanitary Towels' irriżulta illi tlett prodotti għolew filwaqt li tmienja oħra roħsu wara l-introduzzjoni tal-V.A.T.
Il-prezzijiet iċċaqalqu kif jidher hawn taħt:-
Diċembru 1998 Jannar 1999
Always Normal Lm1.190 Lm1.300
Always Normal Plus Lm1.190 Lm1.300
Always Super Plus Lm1.190 Lm1.300
Always Pantiliners Lm1.170 Lm1.120
Always Ultra Night Lm1.170 Lm1.120
Always Ultra Normal Lm1.170 Lm1.120
Always Ultra Super Lm1.170 Lm1.120
Always Ultra Normal Plus Lm1.170 Lm1.120
Always Ultra Super Plus Lm1.170 Lm1.120
Always Ultra Normal Plus Lm2.130 Lm2.050
Always Ultra Super Plus Lm2.130 Lm2.050
Is-sitt prodotti l-oħra qegħdin jiġu nvestigati mid-Dipartiment tal-Kummerċ.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4491, jista' pero' l-Ministru jgħid jekk in-nies qattx tħallew barra fix-xita waqt il-ħin tar-reġistrazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat li uffiċjali tal-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ qatt ma ġegħlu lir-reġistranti joqgħodu fix-xita waqt il-ħin tar-reġistrazzjoni.
9.3.99
Jista' l-Ministru jgħid kif qed jiġi assigurat li ż-żieda fil-prezz ta' mediċini, minħabba żidiet minn barra, qed tiġi applikata għall-mediċina bl-istess lot number u mhijiex tiġi applikata għal lots importati qabel bi prezz irħas?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qiegħed isir monitoring fi spiżeriji f'Malta u f'Għawdex biex jiġi assigurat li meta jiżdied il-prezz ta' mediċina, din iż-żieda ma tgħaddix ukoll għall-konsenji ta' qabel ta' l-istess mediċina. L-istess ħaġa tiġri meta jiġi ordnat roħs fil-prezzijiet.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4485, jista' l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti ż-żieda fit-trasport li hija riflessa fiż-żieda tal-prezz tal-Calpol Sugar Free Under 6?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-prezz li kienet tikkwota l-kumpanija li tesporta l-Calpol Sugar Free Suspension Under 6 x 140ml kienet fuq bażi C.I.F. jiġifieri kien jinkludi t-transport.
Fl-aħħar żewġ konsenji, l-istess kumpanija kkwotat l-istess prezz ta' C.I.F. bħala FOB u żiedet l-ispejjeż tat-transport apparti. Dan kkaġuna ż-żieda fil-prezz.