Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'tip ta' protezzjoni mill-gvern għandhom il-ħaddiema Maltin li jaħdmu fl-Ambaxxati mil-lat ta' kondizzjonijiet ta' xogħol?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Il-Kondizzjonijiet tax-xogħol ta' ħaddiema Maltin impjegati ma' Ambaxxati barranin f'Malta huma dawk miftiehma bejn il-partijiet. Ma jkunx hemm normalment bżonn li l-Ministeru tiegħi jintervjeni biex jassigura li l-kundizzjonijiet miftiehma jkunu konformi mal-liġijiet Maltin jew li dak li ġie miftiehem qed jiġi osservat. Madankollu, kull meta ħaddiema Maltin ilmentaw mal-Ministeru li ma baqgħux igawdu minn kundizzjonijiet ta' xogħol aċċettabli, dan l-ilment dejjem tressaq għall-attenzjoni ta' l-Ambaxxata barranija konċernata.
Jista' l-Ministru jgħid x'regolamenti jeżistu min-naħa tal-gvern għal dawk il-lukandi li qed jiġu kkonvertiti fi djar ta' l-anzjani?
Jista' l-Ministru jgħid xi standards qed jinsisti fuqhom il-gvern vis-a-vis id-djar privati ta' l-anzjani?
X'qed jagħmel il-gvern biex jassigurta li dawn id-djar ikunu attrezzati għal ħteġijiet ta' l-anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-operat tad-Djar għall-Anzjani jiġi liċenzjat mill-Ministru tas-Saħħa skond il-Medical and Kindred Professions Ordinance.
Meta d-Dipartiment tas-Saħħa jirċievi talba biex post ikun jista' jibda' jopera bħala dar għall-anzjani, issir spezzjoni fuq il-post minn team ta' nies kompost minn uffiċċjali mid-Dipartiment tas-Saħħa u minn dak tal-Anzjani biex jiġi stabbilit jekk dan jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti mid-Dipartiment bħal, per eżempju, daqs ta' kmamar tas-sodda, faċilitajiet bħal kċina, kamra tal-ikel, common areas, kmamar tal-banju, lifts, aċċessi, aides, fire extinguishers, staff kwalifikati u iġene. L-applikant jiġi nfurmat bl-aġġustamenti meħtieġa u meta jikkonforma magħhom tinħareġ il-liċenzja.
Fil-każ ta' lukanda li tkun trid tiġi konvertita f'dar għall-anzjani tiġi addottata l-istess proċedura.
Spezzjonijiet isiru kull sena qabel it-tiġdid tal-liċenzja. F'dan l-eżerċizzju jsir aċċenn għall-mod kif jinżammu l-mediċini, l-iġene u jiġu nnutati xi affarijiet ġodda li jkunu saru fid-dar.
Minbarra dawn l-ispezzjonijiet ta' rutina, jsiru oħrajn għall-għarrieda kemm il-darba jkun hemm xi rapport jew indikazzjoni negattiva.
23.3.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4628, jista' l-Ministru jagħti t-timeframe maħsub biex jiġi konkluż ix-xogħol imsemmi? Meta qed jiġi ppjanat li l-abbozz ta' liġi li jemenda l-liġi eżistenti huwa maħsub li jitressaq għad-diskussjoni tal-Parlament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-process tar-Revizjoni tal-Liġi tal-Koperattivi jitlob konsultazzjoni wiesa' mal-partijiet kollha konċernati, flimkien ma' aġġornament ma' dak li qed jiġri barra minn Malta, speċjalment fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Minbarra dan, ladarba qed ngħixu f'sitwazzjoni fejn hawn diversi tipi ta' koperattivi - li dwar dawn ma hemm xejn speċifiku fil-liġi eżistenti - il-Bord tal-Koperattivi ma jħoss li bħalissa qiegħed f'sitwazzjoni fejn jista' jispeċifika "time-frame" dettaljat għat-twettiq ta' dan il-proċess ta' reviżjoni.
22.3.99
Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel id-dipartiment tiegħu biex ir-residenti ta' Triq il-Ġdida fi Triq il-Ħelsien Ħal-Qormi ma jkomplux isofru danni konsiderevoli fil-proprjeta' tagħhom minħabba l-ilmijiet, eċċ. li jinżel fi djar tagħhom, wara li l-Planning Authority irrifjutat l-applikazzjoni (PC39/97) għal ftuh ta' Dragon Street? Id-dipartiment kif se jirrimedja għal dan?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jaqbad il-każ mal-Awtorita` ta` l-Ippjanar biex jiġi stabbilit x`jista jsir f`dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ġiet refused l-applikazzjoni bir-riferenza PC39/97 mill-Planning Authority għal ftuħ ta' Triq id-Dragun f'Ħal Qormi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PC 39/97 ma kienetx biex tinfetaħ Triq id-Dragun f'Ħal Qormi, iżda biex jiġi emendat l-allinjament ma' Triq il-Ħelsien.
L-applikazzjoni ġiet rifjutata għax skond deċiżjoni tal-Qorti ta' l-Appell, l-art in kwistjoni hi raba saqwi.
22.03.99
Ma jidhirlux il-Viċi Prim Ministru li Malta tkun qed tkompli titgħabba b'piżijiet kbar ta' interessi fuq self, jekk u meta l-Unjoni Ewropea tagħtina xi self anke jekk ikun b'imgħaxxijiet baxxi?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Nitlob l-Onor Interpellant li tpoġġi din il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jikkalkula li hemm min qiegħed jabbuża mill-pensjoni, billi fl-aħħar snin tax-xogħol ikun tella' jew tellgħulu s-salarju aktar milli fil-fatt kien? Kemm huwa n-numru ta' pensjonanti u kemm jinvolvu finanzi dawn l-abbużi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jeżisti provvediment fl-Att dwar is-Sigurta' Soċjali li jagħti poter lid-Direttur tas-Sigurta' Soċjali li ma jaċċettax salarji jew dħul ieħor li fl-opinjoni tiegħu ma jkunx bona fide. Infatti kien hemm każi fejn id-Direttur applika dan il-provvediment.
Ninforma lill-Onor. Membru li t-Taqsima tal-Pensjonijiet dejjem tagħmel il-verifiki kollha biex tassigura li s-salarji li fuqhom tkun ibbażata r-rata ta' pensjoni, jkunu dawk li fuqhom tħallset il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali. Fejn instab li salarji ma jkunux ġew iddikjarati kif suppost, jew dawn ma jkunux bona fide fit-termini tal-liġi, t-Taqsima tal-pensjonijiet dejjem ħadet il-passi biex jew ma jsirx ħlas żejjed fil-pensjonijiet, jew jekk sar xi ħlas żejjed jinġabar minnufiħ. Nassigura l-Onor. Interpellant li fejn id-Dipartiment isib li hemm xi abbużi, jittieħdu l-passi meħtieġa.
22.3.99
Jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet għaliex operazzjonijiet mill-aktar komuni bħal, per eżempju, dik tal-ġebla, tal-katarretti, eċċ qed jieħdu appuntamenti għal aktar minn sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-'waiting list' għal kull tip ta' operazzjoni (mhux urġenti) fl-għajnejn tvarja bejn erbgħa u sebgħa xhur, filwaqt li dik għal operazzjonijiet ta' ġebel fil-kliewi hija ta' inqas minn tlett xhur. Nerġa nirrepeti li l-'waiting time' ivarja minn konsulent għall-ieħor u li l-'waiting times' tagħna huma bil-bosta aħjar minn dawk li hemm f'pajjiżi aktar żviluppati minna.
Jista' l-Ministru jqiegħed kopja tar-riżultat bil-marki li ngħata kull kandidat skond kull kriterju li qagħdu għall-intervista għall-vakanzi ta' Customer Service Officer fil-Maltacom plc, dak iż-żmien Telemalta, skond is-sejħa 4/94?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ta' min jgħid li fejn hemm alterazzjoni tal-marki din saret wara deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appelli (Promozzjonijet).
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3664, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kwalifiki (bħal 'O' levels) u xi kredenzjali fl-użu tal-Microsoft Package (Word u Excel) għandhom, jekk għandhom, l-erba' ħaddiema in kwestjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-sejħa relattiva għall-grad ta' Custoemr Service Officer ma kienitx tesiġi li l-applikanti, ikollhom kwalifiki fil-livell ordinarju jew xi kredenzjali fl-użu tal-Microsoft Package (Word u Excel) iżda li 'jkunu lesti li jitgħallmu u jużaw il-Girafe Computer Package u Microsoft Package (Word and Excel) applications'.
Għaldaqstant ma nħossx li għandi nagħti d-dettalji mitluba dwar l-erba' ħaddiema in kwistjoni.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4625, ma jidhirlux il-Prim Ministru li wasal iż-żmien li jsiru l-arranġamenti meħtieġa biex tibda tinġabar l-istatistika mitluba bil-għan li jkollna indikazzjonijiet aħjar dwar x'qed jiġri f'dan il-qasam?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat illi qed tiġi eżaminata s-sistema
komputerizzata li qed titħaddem fil-Qorti (CORTEX) biex din
tkun tista' tiġi wżata għall-ġbir ta' aspetti ta'
statistika, li bħalissa għad mhix qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed iżomm milli jiġu msewwija l-ħsarat li saru fil-pjan ta' isfel ta' Blk 2 f'Ta' Farsina Housing Estate, Triq id-Deheb Fin, Qormi, mill-Water Services Corporation biex biddlu s-servizz ta' l-ilma?
Peress li din il-ħsara fil-madum ta' l-art li hija ta' periklu u ta' inkonvenjent għar-residenti f'dan il-blokk issa ilha xhur u minkejja l-assigurazzjoni li ġew mogħtija mill-Ministeru tiegħek li sa Frar 1999 dan ix-xogħol kellu jitlesta, sal-lum għadu ma sarx, jista' għalhekk il-Ministru jara li l-azzjoni meħtieġa biex dan ix-xogħol isir tittieħed minnufih?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Strettament dan ix-xogħol missu sar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma. Biss jien infurmat li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar se jagħmel ix-xogħol wara sejħa għall-offerti li se toħroġ fil-gimgħat li ġejjin.
17.3.99
Dipartiment għad-Drittijiet tan-Nisa — Każijiet ta' abbużi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kif fil-prattika d-Dipartiment għad-Drittijiet tan-Nisa jiġbed l-attenzjoni ta' l-awtoritajiet dwar każijiet ta' abbużi a bażi ta' sess fil-media, fir-reklami, eċċ? Kemm-il każ ġie rapportat mit-twaqqif ta' dan id-dipartiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment għad-Drittijiet tan-Nisa jiġbed l-attenzjoni ta' l-awtoritajiet dwar abbużi a bażi ta' sess fil-media, fir-reklami, eċċ kemm b'mod formali kif ukoll informali skond iċ-ċirkostanzi. Dan isir permezz ta'ittri uffiċjali, tqassim u bdil ta' informazzjoni dwar l-"image" tal-mara fil-media, u telefonati lill-persuni konċernati.
Ma tinżammx statistika dwar in-numru ta' każijiet li jiġu rappurtati fid-Dipartiment.
17.3.99
Jista' l-Ministru jgħid x'monitoring qiegħed jagħmel id-dipartiment tal-VAT biex jassigura li kull retail outlet, hawker u service provider jagħti riċevuta fiskali lill-konsumatur?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-VAT jagħmel diversi tipi ta` monitoring biex jassigura li kull retail outlet, hawker u service provider jagħti rċevuta fiskali lill-konsumatur.
Dawn jinkludu:
1. analiżi kontinwa tan-numru ta` kotba ta` rċevuti fiskali maħruġa
bl-idejn li jiġu mogħtija lill-persuni reġistrati u ta` dawk użati li jiġu mgħoddija lura lid-Dipartiment.
2. spezzjonijiet minn spetturi tad-Dipartiment lill-persuni reġistrati fejn jinstab li d-domanda għall-kotba ta`rċevuti fiskali maħruġa bl-idejn hija baxxa.
3. notifikazzjoni permezz ta` ittri lill-persuni reġistrati sabiex
jgħaddu lura lid-Dipartiment kotba ta` rċevuti fiskali użati u sabiex jiġbru oħrajn ġodda flokhom.
4. spezzjonijiet għall-għarrieda minn spetturi tad-Dipartment fi
stabbilimenti tan-negozju biex jeżaminaw fost affarijiet oħra l-cash registers u l-irċevuti fiskali maħruġa minnhom jekk dawn ikunu konformi mal-liġi, kif ukoll l-journals li jkun hemm fil-cash registers biex jaraw x`irċevuti jkunu nħarġu f`dak il-perjodu.
5. żjarat ta` sorveljanza minn spetturi tad-Dipartiment lill-stabilimenti
tan-negozju, speċjalment dawk li jipprovdu servizz, fejn l-istess spetturi għal ħin twil u f`diversi okkażjonijiet josservaw fost oħrajn il-livell ta` bejgħ li jkun għaddej u jżommu record tiegħu bil-għan li l-informazzjoni miġbura tintuża fi ħruġ ta` tax assessments skond il-ħtieġa.
6. stħarriġ dwar rapporti li d-Dipartiment jirċievi direttament mingħand
konsumaturi u mingħand id-Dipartment għall-Konsumaturi.
Fejn jinstab lijkun qed isir xi abbuż, il-każ jiġi riferut biex jittieħdu passikriminali kontra l-persuni nvoluti. Fejn ma jkunx hemm bażi biżżejjed biex wieħed jieħu passi kriminali, l-każ jiġi riferut għal aktar investigazzjoni aktar `il quddiem.
Wieħed għandu japprezza li l-ispetturi tad-Dipartiment ma jistgħux ikunu f`kull stabbiliment il-ħin kollu u għalhekk wieħed jistenna li l-konsumaturi jagħmlu d-dmir tagħhom u jinsistu biex jingħataw l-irċevuta fiskali mingħand min jixtru.
Jista' l-Ministru jagħti l-aħħar tagħrif dwar il-kategoriji differenti ta' pensjonanti u skond id-dħul mill-pensjoni partikolari tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bl-informazzjoni li qed titlob l-Onor. Interpellant. Billi r-rati tal-pensjonijiet ivarjaw, l-istatistika tinżamm skond kategorija ta' dħul kif jidhru fit-tabelli.
16.3.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala pensjonanti ġewwa Ħal Qormi, Ħal Luqa u Santa Venera li jirċievu xi forma ta'pensjoni? Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom jirċievu pensjoni u kemm hemm f'kull kategorija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli, waħda dwar Pensjonijiet Kontributorji u oħra dwar Pensjonijiet Mhux Kontributorji bl-istatistika mitluba mill-Onor. Interpellant.
16.3.99
Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux jaċċetta separazzjoni bonarja għal finijiet tat-taxxa fuq id-dħul, fil-każ ta' separati fejn jiġu mitluba jagħtu prova tal-manteniment li jkunu qed iħallsu? Id-dipartiment qed jinsisti li jkun digriet tal-qorti li jafferma li veru qed jitħallas manteniment lill-parti l-oħra? Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment hux jikkonsidra li jbiddel din il-policy? Jekk le, għaliex?
Response (DALLI, JOHN)
It-tnaqqis għal ħlas ta` manteniment f`każ ta` persuni separati għal skop tat-taxxa fuq l-income hu regolat bl-artikolu 14A ta` l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income (Kap. 123) li jispeċifika li l-ammont, irid ikun determinat mill-Qrati ta` Malta u li l-ħlas isir skond din l-ordni. Għalhekk it-tnaqqis li jista` jsir għandu jkun konformi ma` dawn il-provvedimenti.
Wieħed irid japprezza li t-tnaqqis li qed tipprovdi l-liġi skond il-provvedimenti eżistenti huwa sostanzjali ħafna għax jista` jkun ta` eluf ta` liri fis-sena, meta fil-passat kien kemm kien l-ammont ta` ħlas għall-manteniment, it-tnaqqis li seta` jsir ma kellu qatt jeċċedi l-Lm165 fis-sena f`termini ta` taxxa (jew bejn Lm470 u Lm1100 bħala manteniment skond ir-rata tat-taxxa ta` l-individwu). Għalkemm dejjem jista` jkun hemm lok għal tibdil u titjib hu dover ta` kull aministrazzjoni li tieħu l-miżuri u s-salvagwardji neċessarji kontra kull possibilita` ta` abbużi.
Ma jidhirlux il-Ministru li wasal iż-żmien li tinbidel il-liġi tas-sigurta' soċjali biex tagħti assigurazzjoni lil nisa pensjonanti u li m'humiex qed jiġu mantnuti diċentement minn żwieġhom pensjonanti li meta jitolbu li l-pensjoni għandha tinqasam bejn it-tnejn, dawn tingħata lilhom bi dritt? Jekk fl-affermattiv, meta se jiġri dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Taħt l-Iskema Mhux Kontributorja, fil-każ ta' Pensjoni ta' l-Eta', il-liġi tipprovdi li koppja miżżewġa titħallas b'rata individwali lil kull wieħed mill-konjugi. B'hekk, pensjonanta mara qed titħallas rata ta' pensjoni f'isimha personali mingħajr il-ħtieġa li r-rata ta' pensjoni tinqasam. Dan jista' jsir għaliex taħt l-Iskema Mhux Kontributorja ma hemm l-ebda fattur ta' assikurazzjoni f'każ ta' xi kontinġenza marbut mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet.
Taħt l-Iskema Kontributorja li hi marbuta mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet, il-persuna assigurata taħt l-Iskema hi dik il-persuna li tkun qed tħallas il-kontribuzzjoni. Dan ifisser li l-persuna assigurata hi koperta għal diversi kontinġenzi, bħalma hu mard, qagħad, korriment, invalidita' u rtirar. B'hekk l-assikurazzjoni fil-prinċipju qed tkopri l-persuna assigurata u mhux lil martu. B'danakollu, f'każ tar-romol, għalkemm dawn mhumiex assigurati f'isimhom, il-liġi tipprovdi li jekk żewġhom kien assigurat, dawn jidħlu bid-dritt għal pensjoni tar-Romol.
Fiċ-ċirkostanzi li qed nispjega, filwaqt li nifhem l-ispirtu li hemm fis-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant, jidher ċar li jkun jinħtieġ studju dwar x'effett jista' jkollu fuq il prinċipju ta' assikurazzjoni f'każ li tiġi fis-seħħ emenda kif mitluba. Effettivament, f'ħafna pajjiżi li għandhom skemi kontributorji bħal tagħna qed isir studju dwar l-effett li ċaqlieq fil-prinċipji bażiċi ta' assikurazzjoni, minn wieħed ta' dritt personali għal dritt li jintiret minn dipendenti, jista' jkollu. Dan qed isir fid-dawl ta' l-emanċipazzjoni tal-mara b'konsegwenza tal-parteċipazzjoni tagħha fid-dinja tax-xogħol.
16.3.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-compliment ta' Customer Service Officers - Branch Operations qabel ma ngħataw il-ħatra l-erba' Customer Service Assistants fl-24 ta' Diċembru, 1998? Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-compliment illum? Jekk kien hemm xi żieda fih dan kif jiġġustifika meta hu fatt magħruf li hi intenzjoni tal-Maltacom plc li tagħlaq xi fergħat minn tagħha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-compliment ta' Customer Service Officers qabel l-24 ta' Diċembru 1998 kien ta' 28, esklużi tnejn li qed jagħmlu xogħol ta' Administration Customer Service Officers u mhumiex fir-roster. Illum, esklużi t-tnejn imsemmija, il-compliment huwa ta' 32.
Tajjeb jingħad li kien fl-interess tal-Kumpanija li jinħatru l-4 Customer Service Officers, li qabel kellhom il-grad ta' Customer Service Assistants u li l-ħatra tingħata b'effett mit-28 ta' Mejju 1998.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-fergħa tal-Maltacom li ngħalqet kienet għal-raġunijiet indipendenti mill-Kumpanija.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4186, il-Customer Service Officers kollha, jiġifieri 32 iddaħħlu fir-roster konċernati ... Għaldaqstant jista' l-Ministru jgħid: (a) x'kienet din il-ħtieġa li l-Customer Service Officers wettqu l-ħidma ta' Customer Service Assistants; (b) x'kienu r-raġunijiet indipendenti mill-Maltacom biex CSO ma jibqgħux jagħtu s-servizz tagħhom fil-post ta' qabel; (c) il-Ministru huwa infurmat li l-ftehim ma' l-Unjoni sar mingħajr il-kunsens ta' l-impjegati konċernati; u (d) il-ftehim imsemmi huwa wieħed permanenti jew temporanju u jekk hu temporanju għal kemm?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Customer Service Officers, li għalihom qed tirreferi l-Onorevoli Interpellant. ma setgħux jibqgħu jagħtu s-servizzi tagħhom fil-fergħa li kienu fiha qabel, wara li l-istess fergħa ingħalqet għal raġunijiet indipendenti mill-Kumpanija. Dawn ir-raġunijiet huma ta' natura ġudizzjarja.
Jiena nfurmat li r-rappreżentanti tal-Customer Service Officers kienu preżenti meta ntlaħaq ftehim temporanju bejn il-Kumpanija u l-Union dwar ir-roster il-ġdida li qed jaħdmu bħalissa. Fil-preżent għaddejjin negozjati bejn il-Kumpanija u l-Union dwar roster ġdida.