B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4622, jista' l-Ministru jgħid meta nbdiet ir-ristrutturazzjoni tat-tarznari u f'liema fażi tinsab?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-proċess ta' ristrutturizzazzjoni mhux xi eżami li jsir f'ġurnata partikolari jew bħal meta wieħed jagħfas buttuna u din tibda tiffunzjona minnufih. Ir-ristrutturazzjoni tat-Tarzna huwa proċess li dejjem għaddej u jrid jiġi intensifikat biex din l-azjenda ssir dejjem aktar viabbli.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri fir-rigward tal-levies malli Malta jkollha tadotta l-common customs tariff minħabba s-sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea?
Response (BONNICI, JOSEF)
Meta eventwalment Malta tibda tifforma parti mill-Unjoni Ewropea, parti kbir mil-levies eżistenti jkunu tneħħew. Naturalment dan isir gradatament waqt li fuq setturi partikolari bħall-Agrikoltura, wieħed irid jistenna r-riżultat minn negozjati li jsiru bejn Malta u l-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati taċ-Ċivil li qed jaħdmu fuq l-investigazzjonijiet dwar żieda fil-prezzijiet fid-Dipartiment tal-Kummerċ u fl-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta separatament? X'inhuma l-gradi tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-preżent in-numru ta' impjegati, taċ-Ċivil li qed jaħdmu fuq l-investigazzjonijiet dwar żieda fil-prezzijiet fid-dipartimenti msemmija hija kif ġej:
Dipartiment tal-Kummerċ - Prinċipal Anzjan, 2 Prinċipali, 3 Uffiċjali Eżekuttivi, Supervisor, 5 Skrivani, 2 Tajpisti Każwali, Ġardinar (fuq xogħol ta' spezzjonijiet) u 4 Spetturi Agrikoli (mislufa mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura).
Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta (Sezzjoni tal-Monitoring) - 2 Prinċipali Anzjani, Uffiċjal Eżekuttiv u 6 Skrivani.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel il-gvern vis-a-vis persuni ta' nazzjonalita' barranija li qed jaħdmu mingħajr permess, billi jduru fil-ħwienet ibiegħu minn ħwejjeġ sa play stations?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija dejjem tieħu passi kontra barranin li jinqabdu jaħdmu mingħajr permess. Jekk l-Onorevoli Interpellanti għandha aktar dettalji, nitlobha tgħaddihomli, anke' b'mod kunfidenzjali.
29.03.99
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-gvern fir-rigward tal-Power Station tal-Marsa biex inaqqas it-tniġġis ikkawżat mill-attivita' tagħha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bit-tħaddim tal-Combined Cycle Gas Turbine f'Delimara li bħalissa qiegħda fil-fażi tal-commissioning, hu mistenni li l-kontribuzzjoni tal-power station tal-Marsa għad-domanda totali tonqos b'mod sinifikanti.
Qed isiru modifiki biex jippermettu l-użu taż-żejt b'ammont iżgħar ta' sulphur u dawn mistennija li jkunu lesti sas-sajf li ġej.
Hu maħsub li l-impjant qadim tal-power station tal-Marsa jitneħħa b'mod gradat fis-snin li ġejjin u minfloku jitpoġġa impjant li hu iktar favorevoli għall-ambjent.
Sadanittant, qed jiġu studjati u mplimentati teknoloġiji li jtejjbu l-operat ta' l-impjant u jnaqqsu t-tniġġiż. Fost dawn hemm l-użu ta' emulsjoni ta' ilma miż-żejt, u modifiki fuq il-burners tal-boilers.
Tajjeb li wieħed ifakkar li kien il-gvern Laburista ta` qabel 1987 li inroduċa l-faħam fil-power station tal-Marsa u li tant għamel ħsara lill-ambjent. L-impenn tal-Gvern Nazzjonalista biex jitnaqqas it-tniġġiz wassal għal bidla mil-faħam għaż-żejt li biddel radikalment il-ħsara kbira li kienet qed issir b`użu tal-faħam. Il-Gvern preżenti huwa impenjat biex ikompli inaqqas it-tniġġis bl-użu ta` żejt b`kubrit baxx u impjant modern li iniġġeż ferm anqas.
Dan l-aħħar fil-Media ssemma każ ta' turisti li ġew overcharged minn spiżerija f'Buġibba, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern investigax dan l-ilment? Jekk iva, x'riżultat inkiseb?
Jista' l-Ministru jgħid qattx sar health impact assessment fir-rigward ta' l-effetti li qed ikollu t-tniġġis ta' l-arja fuq il-lokalitajiet fil-viċinanzi tal-Power Station tal-Marsa? Jekk sar, meta u x'riżultati nstabu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li ma jirriżultax li d-Dipartiment tas-Saħħa qatt għamel Health Impact Assessment fir-rigward ta' l-effett li qed ikollu t-tniġġis ta' l-arja fuq il-lokalita' fil-viċinanzi tal-Power Station tal-Marsa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux jittieħdu azzjonijiet min-naħa tal-gvern biex tiġi ttestjata l-arja għal tniġġis? F'liema lokalitajiet? Kemm-il darba?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li bħalissa qed isir programm ta' monitoraġġ ta' Carbon Monoxide. Dan il-monitoraġġ qed isir f'diversi inħawi fuq bażi regolari tul is-sena kollha sabiex wieħed jikseb idea ċara ta' livelli tipiċi li jeżistu lokalment.
Dawn il-livelli qed ikunu rrapurtati fuq il-website tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent (www.environment.gov.mt)
Minn barra dan ġie ordnat aktar apparat analitiku li jkejjel il-livelli fl-arja ambjentali ta' Sulphur Dioxide, Nitrogen Oxides, Ozone 2.5/10.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux pjanijiet konkreti għall-introduzzjoni fis-suq ta' sorsi ta' enerġija ġodda f'Malta, bħall-użu tar-riħ, u/jew ix-xemx, u/jew il-baħar bil-għan li jitnaqqas it-tniġġis? Jekk iva, x'inhuma l-pjanijiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-policies dwar l-introduzzjoni ta' sorsi ġoddda ta' enerġija ser jiġu mfassla bħala parti mill-Energy Policy li qed titħejja mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija flimkien mal-Korporazzjoni Enemalta.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi edukattivi qed jittieħdu jew qed jiġu ppjanati li permezz tagħhom tinfirex fost l-istudenti żgħażagħ u t-tfal fi ċkunithom fl-iskejjel is-sens ta'rispett lejn l-anzjani?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-Tema dwar l-Anzjani tagħmel parti mis-Sillabu ta' l-Istudji Soċjali għall-Iskejjel Primarji u Sekondarji.
L-istess tema hi parti mill-programm tal-PSE. L-emfasi huwa dejjem fuq l-edukazzjoni f'attitudnijiet pożittivi lejn l-anzjani fil-komunita'.
Id-dipartiment tas-Servizz għall-Istudent fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qiegħed jaħdem fuq proġett ta' kif l-iskola tista' tkun ta' servizz għall-anzjani fil-komunita'.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4485, peress li l-Ministru ġġustifika l-għoli tal-prezzijiet ta' mediċini mportati mill-Ingilterra minħabba l-kambju għax l-Isterlina għoliet, jista'l-Ministru jindika meta fil-fatt il-mediċini mill-Ingilterra raħsu minħabba li l-Isterlina niżlet? Jaf il-Ministru li dan ir-roħs qatt ma rriżulta għand il-konsumatur? Jaf il-Ministru li ħafna mediċini mportati mill-Ingilterra fil-fatt m'għolewx? Jaf il-Ministru li l-prezzijiet tal-mediċini msemmija u oħrajn dejjem kienu orħos fl-Ingilterra?
Rigward il-Benylin, jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-formula qabel u x'inhi issa peress li qal li nbidlet, għaliex minn informazzjoni li għandi l-kontentut huwa kważi l-istess u ma jiġġustifikax dik iż-żieda u dan meta f'Malta din il-mediċina dejjem kienet orħos?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 4485 kien fil-każ ta' l-Irfen biss li jiena ndikajt tibdil fil-kambju bħala raġuni għal żieda fil-prezz. Dan il-prodott jiġi mpurtat, mill-Isvizzera u mħallas bi franki Svizzeri. Ir-raġuni għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-prodotti l-oħra kienet minħabba żieda minn barra.
L-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta ġieli intervjena fuq mediċini mpurtati mir-Renju Unit bħalma ġara fil-każ ta' Surmontil Caps, Supplamins, Alka Selzer, fil-1997 u fil-każ ta' Actal Tabs fl-1998.
F'dawn l-aħħar sitt xhur iċ-ċaqlieq fil-kambju ta' l-Isterlina kien negliġibbli u għalhekk kif qalet tajjeb l-Onor. Interpellant, ħafna mediċini mpurtati mill-Ingilterra ma għolewx.
Ma jirriżultalix li l-prezzijiet tal-maġġoranza ta' mediċini impurtati mir-Renju Unit jinbiegħu irħas hemmhekk milli jinbiegħu hawn Malta.
Il-Benylin Original m'għadux liċenzjat biex jinbiegħ fl-Ingilterra u għalhekk ma jistax joħroġ ċertifikat ta' 'Free sale' li mingħajru mediċina ma tistax tinbiegħ hawn Malta.
Il-Benylin Chesty Cough Syrup li hawn bħalissa għandu livell għoli ta' Menchol, għandu konċentrazzjoni akbar ta' togħma ta' tip ta' raspberry differenti, il-livell ta' 'Sweetening Agents' huwa għola u hemm l-introduzzjoni tal-carbopol 934 fil-prodott il-ġdid li biegħ il-prodott jaħdem aħjar fuq dawk il-partijiet tal-ħalq u l-griżmejn li jkunu rritati.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-avis u tagħrif ieħor dwar l-Unjoni Ewropea sarx parti mis-sillabu tal-Form 4 matul dawn l-aħħar ġimgħat?
Jaf il-Ministru li fil-fatt għalliema/studenti fil-Junior Lyceum Sir Adrian Dingli li qed jgħallmu l-History, Social Studies u Geography lil Form 4's matul dawn l-aħħar ġimgħat kienu qed jikkonċentraw it-tagħlim tagħhom lill-istudenti fuq l-Unjoni Ewropea?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma sar ebda tibdil fis-sillabi ta' l-istorja, Ġeografija u Studji Soċjali minn Settembru 1997 'l hawn. Is-sillabi ta' dawn is-suġġetti huma bbażati fuq dawk ta' l-eżamijiet tas-S.E.C.
Fil-każ tal-Ġeografija u ta' l-Istudji Soċjali, it-tema "Unjoni Ewropeja u t-tħaddim tagħha" tagħmel parti uffiċjali mis-sillabi ta' l-iskejjel u tas-S.E.C.
Għaldaqstant, l-għalliema u l-istudenti huma marbutin li jimxu ma' dawn is-sillabi.
B'referenza għat-tieni parti tal-mistoqsija, ma jirriżultax li dak li qed jingħad fuq li l-għalliema tal-History, Social Studies u Geography li jgħallmu lill-Form 4 qed jikkonċentraw it-tagħlim tagħhom fuq l-Unjoni Ewropea. L-għalliema/Studenti kollha qalu li huma mhux qed jaħdmu fuq dan is-suġġett.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li wħud mill-istudenti tal-Higher Secondary għandhom stipendju u oħrajn le?
X'inhi l-bażi li jingħata l-istipendju fuq dan il-livell?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti li jattendu l-Giovanni Curmi Higher Secondary School, kif ukoll l-istudenti li jattendu xi 'Sixth From' Statali jew privat, s'issa għandhom id-dritt għal stipendji, jekk jissodisfaw il-kriterji mxandra f'avviż legali 132 ta' 1996 u 19 ta' 1998: Att dwar l-Edukazzjoni (Kap 327). Regolamenti ta' l-1996 dwar ir-rati ta' Allowance għal Studenti tas-Sixth Form.
Kapja ta' l-Avviż legali ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress li għadd ta' persuni ta' nazzjonalita' barranija qed ibiegħu fil-ħwienet minn ħwejjeġ sa play stations u l-prezzijiet li qed jitolbu lil tal-ħwienet huma redikoli, tant li mhux talli m'humiex iħallsu VAT talli żgur qed jaqbżu kull xorta ta' kontroll biex l-affarijiet jidħlu f'Malta b'effett ħażin fuq il-kaxxa ta' Malta u tan-negozjant onest, jista' jgħid jekk il-Gvern huwiex konxju ta' dan ir-racket li qed isir fid-dawl tax-xemx? X'qed jagħmel il-gvern biex iwaqqaf dan l-abbuż?
Response (DALLI, JOHN)
Id-Dipartiment tad-Dwana jieħu diversi passi biex jonqsu l-abbużi ta` kuntrabandu. Naturalment, wieħed dejjem ikun jixtieq li r-riżultati jkunu aħjar.
Fl-istess ħin nixtieq nistieden lill-Onorevoli Membru li jekk għandha xi informazzjoni speċifika dwar dak li semmiet fil-mistoqsija tgħaddiha lid-Dwana biex jistgħu isiru aktar investigazzjonijiet.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4654, jista' l-Ministru jikkonferma li d-Dipartiment tat-Toroq jaħdem bi pjan u b'targets? Jekk iva, jista' jindika l-perjodu meta huwa ppjanat li jinbeda dan ix-xogħol fi Triq San Ġwakkin? Ma jidhirlux il-Ministru li r-residenti ta' Triq San Ġwakkin għandhom id-dritt li jkunu jafu meta se jiġu solvuti l-problemi li ilhom jiffaċċjaw snin kbar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qiegħed jaħdem biex jitfassal pjan ta` azzjoni biex ir-riżorsi disponibbli jkunu jistgħu jitqassmu b`mod li l-pjan jitwettaq.
Meta dan il-pjan ikun lest ikun possibbli li l-pubbliku nġenerali jinżamm aġġornat dwar kull triq x`jinħtieġ isir fihom u kif il-problemi li jkun hemm jistgħu jiġu riżolti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jsir l-ingaġġ fil-Forzi Armati? Kemm se jiġu ngaġġati nies, kemm nisa u kemm irġiel? F'liema rank?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li qegħdin isiru tħejjijiet sabiex jiġu
ngaġġati madwar mitt rekluta mal-Forzi Armati ta' Malta
għas-sajf li ġej. Bħalissa għaddej ukoll proċess ta'
għażla għal uffiċjali kadetti. Is-sejħa għal
applikazzjonijiet għal uffiċjali kadetti kienet miftuħa
kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel. L-istess prinċipju
jiġi applikat fil-każ tar-rekluti għar-rank ta' Gunner.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' għajnuna b'emerġenza ittratta l-Bord għall-Għajnuna Soċjali u l-Kumitat Soċjali, sena b'sena mill-1994 'il hawn? Kemm fi flus? X'inhuma l-oġġetti li m'humiex fi flus li dan il-Bord approva?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm każijiet ta' Għajnuna b'emerġerza li ġew ittrattati mill-Bord għall-Għajnuna Soċjali u l-Kumitat Soċjali. Ir-raġuni li ma kienx hemm każijiet bħal dawn x'aktarx li hi li l-persuni li setgħu bbenefikaw minn din l-Għajnuna, ingħataw l-Għajnuna Soċjali li titħallas skond l-Artiklu 30 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, liema Għajnuna hi għola.
23.3.99
Jaf il-Viċi Prim Ministru li ħaddiema Maltin impjegati f'Ambaxxata ta' pajjiż fl-Ewropa qed jiġu mitluba jaħdmu sigħat ta' xogħol li mhux suppost?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Il-Ministeru tiegħi m'huwiex infurmat uffiċċjalment li hemm xi ħaddiema Maltin, impjegati ma' Ambaxxata ta' pajjiż Ewropew, li qed jintalbu jaħdmu siegħat ta' xogħol li mhux suppost.
Nirriferi lill-Onorevoli Membru wkoll għat-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 5368.