Dipartimenti/Direttorati — Proċeduri ta' dixxiplina
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk id-Dipartimenti/Direttorati li jaqgħu taħt id-diversi Ministeri, li jsegwu l-proċeduri ta' dixxiplina huma stess?
Jista' l-Prim Ministru jgħid, f'kull każ, kemm inbdew proċeduri ta' dixxiplina fis-snin 1997, 1998 u 1999 sa l-aħħar ta' Frar?
Liema huma dawk id-dipartimenti/direttorati li ma jsegwux id-dixxiplina huma stess u f'dawn il-każi min jieħu ħsieb il-proċeduri tad-dixxiplina?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Għar-rigward ta' l-ewwel u t-tielet parti tal-mistoqsija ta' l-Onorevoli Interpellant, ninsab infurmat illi d-Dipartimenti kollha tal-Gvern isegwu l-istess proċedura ta' dixxiplina li hija dik stipulata fir-Regolamenti ta' l-1977 tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura ta' Dixxiplina).
Dawn ir-Regolamenti jagħmlu distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta' każijiet ta' dixxiplina li huma:
każijiet dwar offiżi minuri li jiġu nvestigati mill-Kap tad-Dipartiment u;
każijiet dwar offiżi meqjusa serji li jiġu nvestigati mill-Bord ta' Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant rigward it-tieni parti tal-mistoqsija qiegħed jingħata fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Ma jidhirlux il-Viċi Prim Ministru li wasal iż-żmien li l-gvern jikkonsidra l-għoti ta' għajnuna soċjali lil dawk il-persuni li jkunu qed jgħinu fit-trobbija u l-kura tal-familja minħabba l-mewt ta' l-omm? Teżisti informazzjoni jew statistika fid-dipartiment ta' l-għajnuna soċjali dwar dawn il-każi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Għajnuna Soċjali hi ntiża biex tgħin persuni jew familji li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli u li jkunu jeħtieġu għajnuna finanzjarja. Kap ta' familja li jkun qiegħed jirċievi l-Għajnuna Soċjali, u qiegħed jieħu ħsieb it-trobbija u l-kura ta' tfal żgħar minħabba l-mewt ta' l-omm, jiġi eżentat milli jirreġistra għax-xogħol. Dan jagħmilha aktar faċli biex hu jkun jista' jiddedika l-ħin tiegħu għal uliedu.
Id-Dipartiment ma jżommx statistika dwar dawn il-każijiet peress li kull każ jiġi trattat fuq il-merti tiegħu.
5.5.99
Jista' l-Ministru jgħid meta d-dipartiment inkarigat mis-sistema tad-drenaġġ se jieħu ħsieb il-problema tad-drenaġġ li qiegħed joħroġ minn taħt it-Triq Qasam Sperimentali f'Ħal Farruġ, Luqa u joskula f'għalqa, b'detriment għas-saħħa tar-residenti u anke bhejjem li jiġu mrobbija fl-irziezet biswit?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li sar survey bis-CCTV fi Triq Qasam Sperimentali f'Ħal Farruġ, Luqa, biex jinsabu l-ħsarat u issa ser joħroġ kuntratt biex jissewwew il-ħsarat.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-course li kien wassal għad-diploma fl-Universita' ta' Għawdex u spiċċa fi Frar 1998 hux se jitkompla għal B.Comm kif fil-fatt kien imwiegħed bosta drabi? Jekk fl-affermattiv, meta se jitkompla? Jekk fin-negattiv, għaliex mhux se jitkompla?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-Fakulta' ta' l-Economics, Management u Accountancy ta' l-Universita' għamlet ir-rakkomandazzjoni tagħha lis-Senat sabiex fiċ-Ċentru t'Għawdex jibda l-kors li jwassal għall-Baċellerat fil-Kummerċ. Is-Senat għandu jiddiskuti r-rakkomandazzjoni tal-Fakulta'. Jiena nfurmata wkoll li dan il-kors mhux intenzjonat biss għal minn għandu d-diploma fil-kummerċ.
Jista' l-Prim Ministru jgħid għal liema raġuni dawk l-uffiċjali pubbliċi f'Malta li minn Assistent Prinċipal laħqu Prinċipal b'effett mid-9 ta' Ottubru, 1998 l-appointment tagħhom irċevewh fit-22 ta' Frar, 1999, filwaqt li dawk li qegħdin posted f'dipartimenti f'Għawdex l-appointment tagħhom għadhom ma ħaduhx?
Għand min qegħdin miżmuma dawn l-appointments u għal-liema raġuni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat illi l-ittri tal-ħatra ta' Principal tqassmu kollha.
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati taċ-Ċivil li ġew maħtura Assistenti Diretturi, Acting Directors, Diretturi, Diretturi Ġenerali, eċċ minn Ottubu 1998 sa Frar 1999?
Min huma? F'liema dipartimenti huma? X'kariga ngħataw?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra erba skedi li jagħtu dettalji dwar ħatriet li ngħataw bejn Ottubru 1998 u Frar 1999 kif ġej:
1.Ħatriet ta' Segretarji Permanenti, Diretturi Ġenerali u Diretturi;
2.Ħatriet ta' Agenti Diretturi;
3.Ħatriet ta' Assistenti Diretturi fid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni;
4.Tiġdid ta' Ħatriet ta' Segretarji Permanenti, Diretturi Ġenerali u Diretturi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm nisa mill-1994 sa l-1998 applikaw għal pregnacy leave kull sena, settur, settur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment tax-Xogħol m'għandu l-ebda statistika ta' kemm nisa applikaw għall-"pregnancy leave" Dan peress li la min japplika (il-ħaddiema) u lanqas min iħaddem m'għandu xi obbligu li jinforma lid-Dipartiment tax-Xogħol.
4.5.99
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm biex ħaddiema li kienu mal-gvern u li mbagħad marru ma' entitajiet pubbliċi u llum huma pensjonanti b'pensjoni maħduma fuq il-paga ta' meta kienu mal-gvern, issir ġustizzja magħhom u jiġu mogħtija lilhom dak li ħaqqhom skond il-paga li kellhom fl-entita' pubblika rispettiva li kienu fiha qabel spiċċaw mix-xogħol?
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4436 f`Seduta Numru 71.
Narġa nirreptilu li matul kważi sentejn il-Gvern preċedenti raqad fuq din il-kwistjoni.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Bordijiet/kumitati
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4651, jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kunsill ta' l-Amministrazzjoni tal-Voice of the Mediterranean?
Response (BORG, JOE)
Il-Kunsilliera Maltin membri tal-Kunsill ta' l-Amministrazzjoni tal-Voice of the Mediterranean huma s-Sur Alfred A. Zarb u Sur Manni Spiteri. Min-naħa tal-Libja il-Kunsilliera huma s-Sinjuri Ali Mohammed Nagem u Ali Mahammed Atija.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-livell tad-dejn pubbliku meta tinkludi s-self tal-korporazzjonijiet u entitajiet pubbliċi bħala ratio tal-GDP mill-1987 sa l-1998, sena b'sena?
Response (DALLI, JOHN)
L-informazzjoni mitlub L-Onorevoli Interpellanta jiġi ppubblikat mill-Bank Ċentrali.
Onor. Alfred Sant — Dibattitu dwar l-ekonomija u l-finanzi
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4627, fejn il-Prim Ministru qal li: "Ġiet introdotta mill-ġdid il-VAT, taxxa li mhux biss se tiggarantixxi dħul ġust u neċessarju għal gvern imma neħħiet spejjeż żejda minn fuq in-negozju", jista' l-Prim Ministru jgħid hux konxju taż-żieda esaġerata fil-prezzijiet li l-anzjani, ż-żgħażagħ, dawk li jgħixu bl-għajnuna soċjali u l-familji kollha bi dħul baxx u medju, qed iħabbtu wiċċhom magħha malli ġiet introdotta l-VAT?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4298 u għar-rapport dwar l-impatt soċjali tal-VAT li kien poġġa fuq il-Mejda ta' din il-Kamra ftit ilu l-Onorevoli Ministru tal-Finanzi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4656, peress li t-tweġiba hija bażikament tagħrif dwar x'tgħid il-liġi, jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel id-dipartiment biex jaqbad l-abbużi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif kelli diġa` l-okkażżjoni nuri fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4656, l-ispetturi tad-Dipartiment tal-VAT kontinwament jagħmlu spezzjonijiet għall-għarrieda fi stabbilimenti tan-negozju biex fost affarijiet oħra jivverifikaw jekk irċevuta fiskali tkunx ġiet reġistrata tajjeb fil-cash register jew le billi jqabbli l-lista ta` oġġetti mixtrija kif murija fuq l-irċevuta mal-mod kif dawn ikunu ġew reġistrati fil-cash register. Jekk ikun hemm bżonn, l-ispetturi tad-Dipartiment jiċċekkjaw fiżikament il-prodotti mixtrija ma` l-irċvuta li tkun ingħatat.
Barra minn dawn l-ispezzjonijiet, l-ispetturi tad-Dipartiment jagħmlu wkoll żjarat ta` sorveljanza f`ħinijiet u fi ġranet differenti fejn huma josservaw għal ħin twil l-attivita` li tkun għaddejja f`dak l-istabbiliment.
Id-Dipartiment jirċieva wkoll rapporti direttament mingħand il-pubbliku u mingħand id-dipartiment għall-Affarijiet tal-Konsumatur, u safejn l-informazzjoni li tasal mar-rapport tkun tippermetti, id-Dipartiment jistħarreġ kull każ.
Fejn jinstab li jkunu ġew reġistrati prodotti taxxabbli bħala eżenti, l-każ jiġi mgħoddi biex jittieħdu passi kriminali kontra l-persuna li tkun għamlet dan l-abbuż. Fejn jinstab li ma jkunx hemm bażi biżżejjed biex jittieħdu passi kriminali, l-każ jiġi mgħoddi biex isiru spezzjonijiet oħrajn aktar `il quddiem.
Matul Jannar u Frar ta` din is-sena, l-ispetturi tad-dipartiment għamlu b`kollox 744 spezzjoni u 159 żjara ta` sorveljanza fi stabbilimenti tan-negozju. B`riżultat ta` dan, 73 każ ġew mgħoddija biex jitressqu l-Qorti filwaqt li 153 oħra ġew mgħoddija għal aktar investigazzjoni.
Wieħed japprezza li l-ispetturi tad-Dipartiment ma jistgħux ikunu f`kull stabbiliment f`kull ħin, u għalhekk il-koperazzjoni tal-konsumaturi tibqa` element essenzjali f`kull sforz li jsir biex jiġu mrażżna l-abbużi. Bil-għan li jħeġġu aktar din il-koperazzjoni, f`dawn l-aħħar xhur, uffiċjali tad-Dipartiment ħadu sehem f`diversi programmi fuq ir-radju dwar affarijiet li jolqtu lill-konsumatur.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kumpanniji/korporazzjonijiet, eċċ li jħaddmu nisa b'anqas minn 20 siegħa fil-ġimgħa? Kemm hemm minn dawn in-nisa, settur, settur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li la d-Dipartiment tax-Xogħolijiet u lanqas il-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ ma jżommu l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru.
3.5.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Health and Safety Division tagħmilx stħarriġ dwar is-sistemi tal-produzzjoni użati fl-Industrija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-frażi "sistemi tal-produzzjoni" hija kemmxejn vaga fil-kuntest ta' din il-Mistoqsija Parlamentari. Jekk l-Onor. Interpellant qed tirreferi għal prattika ta' kif isir ix-xogħol (work practices, jew inkella għal apparat jew makkinarju użat fuq il-linji ta' produzzjoni (work equipment), inklużi, 'conveyor belts' jew 'production lines', allura, l-Ispetturi tat-Taqsima tas-Saħħa u Sigurta' fuq ix-Xogħol jagħtu każ dawn it-tip ta' ħwejjeġ imsemmija, u fejn jindunaw b'xi perikli għas-saħħa, jiġbdu l-attenzjoni ta' min iħaddem biex jirrimedja s-sitwazzjoni.
3.5.99
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mill-1994 sa l-1998, kemm kienu qed jaħdmu nisa fuq bażi fulltime u part-time, settur settur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A li turi kemm kien hemm nisa jaħdmu fuq bażi "full-time" u Tabella B turi kemm kien hemm nisa jaħdmu fuq bażi "part-time" sa l-aħħar ta' Diċembru 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998, maqsuma skond is-setturi ekonomiċi.
Din l-informazzjoni tiġi ppublikata minn żmien għal żmien mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika f' "News Releases" bħal dik mehmuża ma din ir-risposta.
3.5.99
Onor. Sant Alfred — Dibattitu dwar l-ekonomija u l-finanzi
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4627, jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex kull darba jwaħħal "fil-politika żbaljata" tal-Gvern Laburista għal qagħda ħażina finanzjarja u ekonomika meta fir-rapport riċenti tal-kummissjoni ta' l-Unjoni Ewropea, f'paġna 12, il-kummissjoni qalet:-
"In 1997, however, the current account deficit had come down to 5.4% as result of increased tourism revenues and a decline in the trade deficit",
ċertifikat ċar li l-politika Laburista kienet qed tħalli riżultati pożittivi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Naħseb li l-Onorevoli Nterpellant taqbel miegħi li meta wieħed jikkwota minn rapporti, dan għandu jsir b'mod li jirrifletti sewwa l-ispirtu ta' dak li jkun qiegħed jingħad f'dawk ir-rapporti.
Għalhekk tajjeb li nfakkar li l-pożizzjoni tal-kont kurrenti tal-bilanc tal-pagamenti fil-1997 kienet turi tnaqqis ta' aktar minn Lm6 miljuni fl-esportazzjoni, li kif jaf kulħadd hija essenzjali għal pajjizna. Barra minn dan, huwa nkwetanti li fl-istess sena kienet naqset b'aktar minn Lm22 miljun l-importazzjoni ta' prodotti biex ikomplu jinħadmu f'Malta.
Dwar it-turiżmu, ta min jinnota li d-dhul ras għal ras minn dan is-settur fil-1997 kien tela b'rata ferm anqas minn dik tal-1996, u dan fil-fatt stagna u rreġistra tnaqqis matul l-ewwel 9 xhur tas-sena l-oħra.
Fl-aħħar mill-aħħar, dan kollu kien ifisser tnaqqis ta' xogħol u ġid għall-ħaddiema Maltin. Fil-fatt, il-qagħad fil-1997 żdied b'aktar minn 900 ruħ filwaqt li d-dħul medju fil-ġimgħa tal-ħaddiem f'termini rejali kien naqas b'1.3 fil-mija.
Għalhekk m'hemmx dubju li dan huwa riżultat tal-politika żbaljata tal-Gvern preċedenti.