Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jsaħħaħ id-Domestic Violence Unit, permezz ta' aktar human resources?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-bżonn ta' aktar 'social workers' u ta' professjonisti oħra jinħass mhux biss fid-'Domestic Violence Unit' tal-Programme Ħidma Soċjali (SWDP), iżda wkoll f'oqsma oħra tal-operat tal-Ministeru għall-Politika Soċjali. Għalhekk, fil-preżent qed jiġi studjat kif dan il-bżonn jista' jintlaħaq fl-isfond tar-riżorsi finanzjarji li jista' jkun hemm għad-dispożizzjoni tal-Ministeru.
Irrid ngħid ukoll li l-Ministeru qed jesplora attivament kif f'pajjiżna jistgħu jiżdiedu il-faċilitajiet residenzjali għal dawk in-nisa vittmi tal-violenza domestika. Jien għandi parir li l-faċilitajiet limitati li kienu qed jiġu ppjanati mill-Amministrazzjoni preċedenti ma kienux ser ikunu adekwati.
10.5.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni huwiex jikkonsidra l-introduzzjoni ta' health food policies fl-iskejjel ta' l-Istat, fejn l-istudenti jkunu projbiti li jieħdu magħhom l-iskola ċertu ikel li jagħmlilhom ħsara għal saħħithom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-kurrikulu nazzjonali eżistenti kif ukoll fl-abbozz tal-kurrikulu nazzjonali ġdid li ħareġ xi żmien ilu, hemm referenza valida u siewja fuq il-qasam tas-Saħħa fil-kuntest wiesgħa tiegħu, inkluż, fost oħrajn, fuq l-importanza u d-direzzjoni ta' tagħlim li jrid isir dwar l-għarfien fuq in-nutriment u l-ħtieġa t'għażliet għaqlin fuq l-ikel li kull individwu hu ggwidat iħares.
Speċifikament fit-tagħlim tal-Home Economics, jiġi ffokat fid-dettal studju teoretiku u taħriġ prattiku fuq l-Ikel, id-Dieta u s-Saħħa. Il-firxa tat-tagħlim tiġbor mhux biss tagħrif nutrittiv iżda emfasi fuq it-trawwim t'għażliet ħielsa, ħiliet, valuri u attitudnijiet pożittivi li huma lkoll konformi man-"NATIONAL DIETARY GUIDELINES".
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tipprovdi ukoll servizz ta' Ċentru ġewwa Pinto Wharf, il-Belt, fejn matul is-sena skolastika jattendu studenti kemm mill-iskejjel kollha ta' l-Istat kif ukoll dawk Privati/Reliġjużi għal seminars fuq is-Saħħa u n-Nutriment. Preżentament, beda l-proċess ta' studju, permezz ta' survey, sabiex jiġi evalwat l-impatt li qed iħalli tagħlim u opportunitajiet hekk meħtieġa u siewja fuq l-istudenti tagħha.
Fir-rigward tat-tuck shops, jeżistu linji gwida dwar l-għażla ta' ikel li hu permess li jiġi offrut għall-bejgħ. Hu r-responsabilta' ta' l-Amministrazzjoni ta' kull skola li tara li qed issir tmexxija konformi ma' dawn il-linji gwida.
Mill-introduzzjoni tad-diċentralizzazzjoni fl-iskejjel f'dawn l-aħħar snin, qed jiġu mfassla School development Plan għal kull skola. It-tema tas-Saħħa, inkluż l-Ikel, hu wieħed mit-'targets' mistħarrġa. Infatti, hemm skejjel li diġa' waslu u fasslu 'Health Food Policies'.
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandha wkoll ftehim, fejn f'isem l-iskejjel, qed nagħmlu parti mill-'European Network For Health Promoting Schools' - inizjattiva ko-ordinata tal-World Health Organisation, il-European Commission u l-Council of Europe. Il-proġett beda għall-ewwel fuq bażi pilota fost numru ta' skejjel; iżda issa wasal iż-żmien li ser jinfirex fuq l-iskejjel kollha. Kif jixhed l-isem, dan jinkludi xogħol relevanti u relatat mas-Saħħa.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4689, jista' l-Ministru jgħid jekk l-investigazzjoni li saret dwar il-gillette shaving foam minħabba ż-żieda fil-prezz li diversi konsumaturi ltaqgħu magħha, saritx billi ġew analizzati d-dokumenti ta' l-importatur biss, u/jew billi ġew iċċekkjati l-prezzijiet fil-ħwienet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta analiza kemm d-dokumenti ta' l-importatur kif ukoll iċċekkja l-prezz tal-Gillette Shaving Foam u rriżulta li l-prezz ta' dan il-prodott li ġie rrappurtat wara d-dħul tal-V.A.T. kien roħs.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4690, jista' l-Ministru jagħti spjega sħiħa għaliex il-prezzijiet tal-11-il prodott tad-ditta "Always", ma ġewx affettwati l-istess? Għaliex tlieta minn 11 fil-lista għolew? Ġie nvestigat jekk l-"Always Normal", "Always Normal Plus", "Always Super Plus", li l-Ministru kkonferma żieda fil-prezz tagħhom, humiex il-market leaders? Jista' l-Ministru jwieġeb jekk dawn għolewx minħabba l-VAT jew le?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-prezzijiet tal-11-il prodott tad-ditta 'Always' ma ġewx affettwati l-istess peress li fuq tlett tipi, u ċioe` Always Normal, Always Normal Plus u Always Super Plus, hemm il-levy, filwaqt li fuq it-tipi l-oħra m'hemmx.
Dawn it-tlett tipi huma fost il-market leaders. Li kieku l-introduzzjoni
mill-ġdid tas-sistema tal-VAT kellha effett fuq iż-żieda fil-prezz ta' dawn it-tlett tipi il-prezz tat-8 tipi l-oħra kien jiżdied u mhix jonqos kif fil-fatt ġara.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir min-naħa tal-gvern biex jiġi assigurat li l-professjonisti jagħtu r-riċevuta fiskali lil pazjenti/klijenti tagħhom?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel riferenza għar-risposta li tajt għal-mistoqsija parlamentari numru 5300.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-gvern biex jiġi assigurat li s-servizzi mogħtija minn professjonisti ikun bi prezz adattat u mhux għoli żżejjed?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull ksur ta' liġi li jista' jirriżulta minn servizzi mogħtija minn professjonisti jiġi nvestigat mid-Dipartimenti konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex pazjenti għal knee replacement operations qed idumu aktar minn sentejn jistennew biex issirilhom l-operazzjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li hemm pazjenti li ilhom jistennew għal aktar minn sentejn għall-operazzjoni ta' Knee Replacement, peress li dawn l-operazzjonijiet mhumiex urġenti u anki peress li huma fil-waiting list ta' konsulenti li għandhom ħafna pazjenti jistennew operazzjoni.
Nistgħu noffru lill min ma jridx jistenna ħafna, li jbiddel il-konsulent.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-talba għal għajnuna mill-Bord tad-Dar Osanna Pia, biex jakkwistaw maħżen u dar biswit il-post li għandhom għadha ma ġietx imwieġba? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux se jagħti din l-għajnuna meħtieġa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Membru qed tirreferi għall-ittra li kien indirezza d-Direttur tal-'Osanna Pia Salesian Youth Hostel' lill-Prim Ministru, nikkonferma li fil-fatt ingħatat tweġiba.
Il-Gvern diġa' jgħin lil din l-organiżżazzjoni mill-Vot allokat fl-Estimi għall-NGOs u bi ħsiebni nara kif din l-għajnuna tista' tkompli titjieb.
10.5.99
Jista' l-Ministru jgħid xi programmi edukattivi qed isiru fl-iskejjel ta' l-istat, tal-knisja u privati minn aġenziji tal-gvern jew mhux tal-gvern bħal, per eżempju, Sedqa jew Caritas? Għal min huma mmirati u dwar liema qasam?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dawn l-aġenziji qed jagħmlu programmi edukattivi fl-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u Privati.
SEDQA: Għandhom programmi dwar il-prevenzjoni mid-droga mill-Kindergarten, fl-iskejjel Primarji u Sekondarji. Din l-aġenzija tagħmel ukoll korsijiet għal għalliema tal-P.S.E.
CARITAS: Għandhom ukoll programmi fl-iskejjel Primarji u Sekondarji dwar l-istess suġġett.
OASI: Tagħmel programmi dwar Prevenzjoni mid-Droga ġewwa Għawdex kif ukoll korsijiet għal għalliema Għawdxin tal-P.S.E.
MARIA BUĠEJA FOUNDATION: Taw kotba u materjal ieħor lil għalliema tal-P.S.E. biex jintużaw fl-iskejjel Sekondarji. Għamlu kors ta' laqgħat għal għalliema tal-P.S.E.
PULIZIJA: Sar kors għal għalliema tal-P.S.E. u ngħataw noti kif l-għalliema tal-P.S.E. jistgħu jagħmlu lezzjonijiet dwar Vandaliżmu, Sigurta` Personali u t-Traffiku fl-iskejjel Sekondarji.
Saru wkoll korsijiet għal għalliema tal-P.S.E. mill-S.W.D.P. dwar il-vjolenza fid-dar, mid-Dipartiment Għall-Affarijiet tal-Konsumatur dwar l-Edukazzjoni tal-Konsumatur u mill-K.D.Z. dwar l-Edukazzjoni taż-Żgħażagħ Maltin.
Jista' l-Ministru jgħid xi programmi ta' taħriġ u/jew re-training il-membri tal-Korp tal-Pulizija jingħataw u f'liema oqsma? Dawn il-programmi huma regolari? Meta nbdew? Kull membru tal-korp jattendi għalihom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li prinċipalment il-programmi ta' taħriġ u ta' 're-training' għall-membri tal-Korp tal-Pulizija jsiru fl-Akkademja tal-Ġustizzja Kriminali u jsiru fuq erba' livelli, jiġifieri : -
a) korsijiet basiċi ta' taħriġ għall-rekluti qabel ma' jsiru membri tal-Korp;
b) korsijiet intiżi biex jgħinu membri tal-Korp biex jottjenu kwalifiki akkademiċi jew jissuperaw eżamijiet għar-rank ta' surġent u spettur;
c) korsijiet ta' 're-training' magħrufa bħala 'in-service' jew 'refresher courses'; u
d) korsijiet f'oqsma speċjalizzati.
Dawn il-korsijiet bdew u komplew isiru fuq bażi regolari sa mill-ftuħ ta' l-Akkademja fis-sena 1998, u jattendu għalihom membri tal-Korp fir-rankijiet minn pulizija sa Assistent Kummissarju. Korsijiet speċjalizzati jsiru wkoll barra minn Malta.
10.05.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitwaqqaf Day Care Centre għall-anzjani f'Ħaż-Żebbuġ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Politika Soċjali kellu diskussijonijiet mal-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ rigward 'Day Centre' għall-anzjani. Pero' s'issa ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni.
5.5.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed isiru pjanijiet biex ir-residenti Żebbuġin fl-areas ta' Sant'Antnin u ta' Ħal Muxi jkunu moqdija b'mod xieraq mis-servizz tat-trasport pubbliku?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li madwar erba` snin ilu kienu nbdew diskussjonijiet bejn l-Awtorita` dwar it-Transport Pubbliku, l-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Karozzi tal-Linja u l-Kunsill Lokali ta` Ħaż-Żebbuġ bl-iskop li jkun introdott servizz ta` trasport pubbliku fl-inħawi msemmija mill-Onor Interpellant. Il-Kunsill Lokali kien oġġezzjona għar-rotta kif proposta peress li ma qabilx li l-karrozzi tal-linja kellhom jgħaddu minn Triq il-Kbira fi triqthom lejn il-venda.
F`Diċembru ta` l-1996, l-Awtorita` kienet infurmata mill-Kunsill Lokali li kienu qed isiru negozjati bejn l-istess Kunsill u l-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Karozzi tal-Linja biex ikun introdott servizz lokali, iffinanzjat mill-istess Kunsill. Il-Kunsill kien qed jipproponi wkoll li jintroduċi tariffa ta` 5ċ għal kull passiġġier.
Filwaqt li ma sabitx oġġezzjoni għall-introduzzjoni ta` dan is-servizz, l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku m`aċċettatx it-talba li jkun hemm tariffa għaliħ. Il-materja tidher li waqfet hemm.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex bħalissa għadd t'anzjani pensjonanti qed jirċievu kontijiet ta' taxxa fuq id-dħul li m'huwiex reali? Konxju l-Ministru dwar dan?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tkun aktar speċifika u tagħti xi dettalji biex ikunu jistgħu jiġu ċċekkjati l-affarijiet imsemmija.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel il-gvern biex jagħti sens ta' sigurta' lill-anzjani li llum ħafna minnhom jinsabu mwerwrin f'darhom?
Response (BORG, TONIO)
L-agħar ħaġa li wieħed jista` jagħmel f'materji bħal dawn hu li wieħed iwerwer lin-nies jew li joħloq sensazzjonaliżmu.
Dan il-Gvern żied l-ispiża kapitali tal-Pulizija b'40%, meta l-amministrazzjoni preċedenti naqqsitha; żied l-'allowances' lill-Pulizija biex jiggarantixxi kondizzjonijiet, effiċjenza u presenza aħjar tal-Pulizija, meta l-Gvern preċedenti naqqashom.
Waqt li r-rata tal-kriminalita' kienet qed tiżdied fl-1997 u fl-1998, u l-anzjani imutu f'darhom (kien hemm żewġ anzjani maqtula f'serqiet bejn Jannar u Settembru 1998), il-Gvern kien qed inaqqas l-ispiża kapitali tal-Korp.
Barra minn hekk kif spjegat fil-Pjan Strateġiku tal-Korp tal-Pulizija għas-snin 1999 - 2001, il-prijorita` ewlenija tal-Korp tal-Pulizija hija l-ġlieda kontra l-kriminalita`. Huwa ppjanat li dan ser jintlaħaq b'żieda fin-numru ta' pulizija li jwettqu r-ronda fl-irħula; billi jinbidel it-tqassim tar-riżorsi tal-Pulizija fl-ibliet u l-irħula skond in-neċessitajiet taż-żmien u t-tibdil li jkun qed isir fil-kamp kriminali; billi l-pulizija tad-distrett tattendi fuq rapporti f'inqas żmien minn dak preżenti; billi jiġu ppjanati aħjar ir-rondi u b'titjib fil-briefing u debriefing tal-pulizija qabel ma jibdew u wara li jtemmu xogħolhom.
05.05.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li jipprovdi servizz ta' spiżerija fil-Mellieħa minn fejn l-anzjani ikunu jistgħu jġibu l-mediċini li jkunu ntitolati għalihom b'xejn mingħajr ma jkollhom għalfejn jiskarriġġjaw żejjed?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellanta li filwaqt li l-Gvern m'għandu l-ebda ħsieb li jiftah spiżerija fil-Mellieħa, l-anzjani tal-Mellieħa jistgħu jagħmlu użu mill-'Postal Service' li jeżisti fil-berġa lokali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'se jkunu l-kondizzjonijiet u l-benefiċċji li se jgawdu dawk li se jikkwalifikaw għal ħatra ta' Assistent Direttur fis-Servizz Ċivili b'Performance Agreement għal ħames snin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi dawk l-Uffiċjali Pubbliċi li jintagħżlu biex jimlew pożizzjonijiet ta' Assistent Direttur u li jkunu fi grad ta' skala ta' salarju anqas minn Skala 5 jiġu, fl-istess waqt, appuntati bħala Uffiċjal fi Skala 5.
Barra minn hekk, Assistenti Diretturi jingħataw Performance Agreement ta' ħames snin u jkunu ntitolati għal Performance Bonus fuq l-istess kriterji u arranġamenti, b'xi modifikazzjonijiet, li jeżistu għal Diretturi iżda ma jkunux intitolati għal perkwiżiti oħra applikabbli għal pożizzjonijiet ta' Direttur.
Meta jagħlaq iż-żmien tal-kuntratt, Assistenti Diretturi, jekk ikunu qdew dmirhom tajjeb, jistgħu jingħataw estensjoni tal-kuntratt. Fil-każ li ma jerġgħux jingħataw kuntratt ieħor, dawn l-uffiċjali pubbliċi jmorru għall-grad sostantiv tagħhom bħala Uffiċjali fi Grad 5 u jingħataw xogħol konformi ma dak il-grad.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa għall-applikazzjoni relattiva.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm diretturi fi skala 5, 4 u 3 li ma ħadu ebda bonus skond l-aħħar award li ngħatalhom mis-Segretarju Permanenti rispettiv tagħhom?
Kemm kien hemm li ħadu 15%, 10% u 5% skond kull kategorija?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant tinsab fuq tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk il-proġetti mibdija f'Għawdex bejn Ottubru 1996 u Settembru 1998, li m'humiwx qegħdin jitkomplew taħt din il-leġislatura?
Tista' l-Ministru tgħid jekk deċiżjoni bħal din itteħditx f'management meeting tal-ministeru inkella kenitx waħda meħuda b'xi mod ieħor?
F'kull każ, x'kienu r-raġunijiet li għalihom ittieħdet deċiżjoni bħal din?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ma ttieħdet ebda deċiżjoni li ma jitkomplewx proġetti minn dawk mibdija f'Għawdex bejn Ottubru 1996 u Settembru 1998.
Jista' l-Prim Ministru jgħid, f'każ li direttur imexxi proċeduri ta' dixxiplina kontra impjegat tal-gvern li magħhom ma jaqbilx is-Segretarju Permanenti x'għandu jsir:- (a) jekk is-Segretarju għandux id-dritt li arbitrarjament jagħti struzzjonijiet biex jimblokka dawn il-proċeduri; (b) inkella għandux is-Segretarju Permanenti li jkun jagħmel ir-rimarki tiegħu bil-miktub hu jitla' jixhed fil-każ; u (ċ) inkella x'suppost jagħmel is-Segretarju Permanenti biex ikun qiegħed jimxi bil-ħaqq u bil-ġustizzja?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li hija l-prerogattiva tal-Kap tad-Dipartiment li jieħu passi ta' dixxiplina kontra l-impjegati tiegħu, u għalhekk is-Segretarju Permanenti m'għandux dritt jimblokka l-proċeduri. Iżda jekk is-Segretarju Permanenti jkun irid jagħmel xi sottomissjonijiet lill-Bord tad-Dixxiplina kemm bil-miktub kif ukoll jixhed waqt is-smiegħ tal-każ, ir-regolamenti ma jipprekludux li jingħata din il-faċilita.