Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qormi — Triq San Ġwakkin - Ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta s-servizz ta' l-ilma tar-residenti fi Triq San Ġwakkin, Ħal Qormi se jiġi mibdul mill-Korporazzjoni għas-Servizz ta' l-Ilma minħabba ħsarat regolari?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li s-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-ilma fit-triq imsemmija hija sodisfaċenti. Għaldaqstant il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma mhix qed tipproġetta li tibdel il-mejnijiet f'din it-triq. Xi sospensjonijiet tas-servizz ta' l-ilma li seta' kien hemm fl-imsemmija triq kienu dovuti għal ħsarat fl-inħawi li għandhom l-istess sistema ta' distribuzzjoni. Il-bdil ta' house connections isiru biss meta dawn ikollhom xi ħsarat. Meta jiġri dan, fi żmien qasir jinbidlu l-pajpijiet b'oħrajn tal-plastic (poythylene).
Leg 9 PQ #5849 Sitting 96 1999-05-12 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni taħt l-effett ta' l-alkoħol

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3052, jista' l-Ministru jaġġorna l-informazzjoni li ta f'din it-tweġiba sa nofs Marzu 1999, u l-informazzjoni tkun maqsuma skond l-eta'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul il-perijodu bejn il-5 ta' Settembru, 1998, u l-15 ta' Marzu, 1999, kien hemm 90 persuna li nqabdu jsuqu taħt l-effett ta' l-alkoħol. L-etajiet tagħhom kienu jvarjaw bejn it-18 u 62 sena kif jidher f'din it-Tabella . Eta' Numru ta' Persuni ---- ----------------- Bejn it-18 u t-22 sena 20 Bejn it-23 u t-27 sena 13 Bejn it-28 u t-32 sena 9 Bejn it-33 u t-37 sena 11 Bejn it-38 u t-42 sena 13 Bejn it-43 u s-47 sena 12 Bejn it-48 u t-52 sena 10 Bejn it-53 u s-57 sena 1 Bejn it-58 u t-62 sena 1 12.05.99 (a.m.)

Qormi — Triq San Ġorg - Lampa

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta Triq San Ġorġ, Ħal Qormi se tiġi mdawwla permezz ta' lampa li hija tant meħtieġa?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li ma jirriżultax li t-triq imsemmija jinħtieġilha dawl addizzjonali.
Leg 9 PQ #5851 Sitting 96 1999-05-12 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — San Bastjan

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex tfal ta' l-iskola (6/7 snin) ta' l-iskola primarja, San Bastjan, Ħal Qormi jkunu qed jistennew barra l-iskola sakemm jiġu l-vannijiet biex jeħduhom id-dar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-Trasport fl-iskola ta' San Bastjan 'A' Ħal-Qormi m'hux provdut mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, iżda huwa organizzat mill-ġenituri. Il-Kap ta' l-iskola issuġġeriet lill-ġenituri joħolqu roster biex jindukraw lit-tfal fuq il-vannijiet, iżda ma kienx hemm voluntiera. Wieħed mill-vannijiet jagħmel aktar minn trip wieħed. Ix-xufier ta' dan il-vann ikollu 'l mara tiegħu miegħu li tissorvelja lit-tfal sakemm jistennew it-tieni vjaġġ. Meta tkun ix-xita din il-mara flimkien ma' tfal jistennew it-trasport fl-iskola.

Qormi — Telephone booth

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir id-dawl fit-telephone booth li sar xhur ilu fi Triq Santa Katerina, Ħal Qormi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li diġa ittieħdu l-passi meħtieġ kemm mill-Maltacom kif ukoll mill-Korporazzjoni Enemalta biex ix-xogħol ta` stallazzjoni ta` dawl fit-telephone booth imsemmija jsir kemm jista jkun malajr fil-ġimgħat li ġejjin.

Luqa — Pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema parti ta' Qormi Road, Luqa se jitwaħħlu l-pelican lights li ġew approvati?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-Traffic Control Board qabel li jsiru żewġ `Pelican Lights` fi Triq Ħal Qormi, Luqa, waħda fil-viċinanzi ta` l-istitut tal-Agrikoltura u l-oħra ħdejn l-ufficji tal-Korporazzjoni ta` l-ilma. Bħalissa qed jiġu kkonsidrati il-lokalitajiet eżatti fejn dawn il-`Pelican Lights` għandhom fiżikament isiru.
Leg 9 PQ #5835 Sitting 95 1999-05-11 Oral · Interim From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Elezzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm swew finanzjarjament l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni dwar l-ispejjez li ntefqu biex setgħu jinżammu l-eleżżjonijiet tal-Kunsilli Lokali li saru nhar is-Sibt 13 ta' Marzu, għada qegħda tinġabar, u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #5836 Sitting 95 1999-05-11 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Bord Mediku — Pilloli

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Bord Mediku li japprova l-pilloli speċjali qiegħed idum ġimgħat u anke xhur biex jeħles il-proċedura?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-każi ta' pazjenti ndividwali jiġu kkunsidrati fl-iqsar ħin possibli. Bħala regola, każi li jkunu bbażati fuq protocols stabbiliti mid-Drugs & Therapeutics Committee jew ta' pazjenti li jkollhom il-kartuna r-roża jiġu deċiżi mmedjatament. F'każi oħrajn fejn per eżempju marda ma taqax taħt Schedule V jew fuq mediċini illi jkunu ġodda, dawn ikunu jridu jiġu diskussi formalment mill-kumitat u wara r-rakkomandazzjoni tal-kumitat tkun trid tintbagħat lid-Direttur Ġenerali għad-deċiżjoni finali tiegħu. Id-Drugs and Therapeutics Committee għandu parametri definiti li fihom irid jaħdem u ma jistax jirrakkomanda li kull mediċina li tiġi mitluba tiġi approvata.

Santa Venera — Twaħħil ta' siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex veru li se jitwaħħlu siġar fuq area blat li hemm fi Triq il-Palazz l-Aħmar, Sta. Venera, fejn bħalissa jidher li qed jitħaffer ġibjun?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Santa Venera — Triq il-Palazz l-Aħmar

Question

Jaf il-Ministru li l-problema ta' l-ilma fi Triq il-Palazz l-Aħmar, Santa Venera għadha ma ġietx solvuta minkejja ż-żewġ irqajja li ġew patched fit-triq? Jista' l-Minstru jara kif din il-problema tista' tiġi solvuta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari Nru 2623.

Djar — Xiri ta' flat

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif dwar il-każ ta' persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li ilha mill-1995 (Letter Ack. No.6361/95) li wriet il-ħajra li tixtri l-flat tal-gvern fejn toqgħod u sal-lum ma sar l-ebda kuntatt min-naħa ta' l-Awtorita' tad-Djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minn spezzjoni li saret fuq il-post li fuqu hemm it-talba tax-xiri mill-kerrej, irriżulta li l-applikant qed jagħmel użu minn ġnien estensiv li jmiss mal-flat tiegħu. Għaldaqstant fit-18 ta' Awissu 1997 l-Awtorita' tad-Djar talbet lid-Dipartiment ta' l-Art biex jikkonferma l-'area' tal-fond u l-'area' tal-ġnien (Dokument A). Fil-5 ta' Ġunju 1998 id-Dipartiment ta' l-Art ta lill-Awtorita' tad-Djar l-informazzjoni mitluba. Barra minn hekk l-Awtorita' ġiet informata li fuq il-post teżisti struttura illegali. Fil-fatt id-Dipartiment ta' l-Art talab lil dan l-inkwilin biex jottjeni il-permess tal-bini fuq din l-istruttura illegali mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Fl-istess ittra hu ġie informat li sakemm dan il-permess jinħareġ jew tiġi demolita din l-istruttura illegali, l-applikazzjoni tiegħu għax-xiri ma tiġix proċessata (Dokumenti B u C). Għaldaqstant sakemm dan l-applikant jirregolarizza il-pożizzjoni tiegħu mad-Dipartiment ta' l-Art l-applikazzjoni ma tistax tkompli tiġi proċessata. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Dokumenti 'A', 'B' u 'C'. 11.5.99

Djar — Każ ta' housing

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-każ ta' housing ta' persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-riferenza mogħtija għal din il-Mistoqsija Parlamentari hi ta' l-istess persuna li hemm referenza għalija fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5846. Għaldaqstant ir-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5846 tkopri l-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5847. 11.5.99

Indiċi tal-prezzijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4796, jista' l-Ministru jispjega b'liema mod "qiegħed isir monitoring fi spiżeriji f'Malta u f'Għawdex biex jiġi assigurat li meta jiżdied il-prezz ta' mediċina, din iż-żieda ma tgħaddix ukoll għall-konsenji ta' qabel"?

Response (BONNICI, JOSEF)

Waqt il-monitoring li jsir mill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta fl-ispiżeriji jittieħdu l-isem tal-mediċina, l-prezz u l-batch number. Fejn jirriżulta li l-prezz ma jkunx relatat għal dak tal-batch number, l-ispiżerija tiġi onorata tirranġah.

Indiċi tal-prezzijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema mediċini minn Jannar 'il hawn ġew ordnati roħs fil-prezzijiet tagħhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Minn Jannar sa llum, l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta ordna r-roħs fil-prezz tad-Duphalac x 300ml u l-Motival Tabs 80mg x 45. Bħalissa dan l-Uffiċċju qed jieħu passi biex isir roħs fil-prezz ta' numru ieħor ta' mediċini.

Ambaxxati Maltin — Ambaxxaturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm u hemm ambaxxaturi first u second secretaries maqsuma f'irġiel u nisa fl-Ambaxxati Maltin mill-1995 sa l-1998?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li tagħti l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Ambaxxati barranin — Impjegati Maltin

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga l-kondizzjonijiet tax-xogħol li taħthom qed jaħdmu ħaddiema Maltin fl-Ambaxxati barranin f'Malta? Jaf il-Ministru li f'xi ambaxxati hemm min jaħdem sigħat twal aktar milli tippermetti l-liġi u xi wħud m'humiex stmati tajjeb? Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kull meta d-Dipartiment tax-Xogħol jirċievi lmenti fuq kundizzjonijiet ta' xogħol ħżiena ta' mpjegati f'Ambaxxati barranin f'Malta dawn jiġu nvestigati u d-Dipartiment tax-Xogħol jagħmel ir-rakomandazzjonijiet tiegħu. Ix-xogħol f'dan ir-rigward isir kollu permezz tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin. Jien infurmat li d-Dipartiment tax-Xogħol qed jinvestiga lmenti simili. 11.5.99

Ambaxxati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ambaxxati f'Malta? Kemm hu n-numru ta' ambaxxaturi Maltin għal pajjiżi barranin?

Response (BORG, JOE)

F`Malta hawn sittax il-Ambaxxata li huma dawn: L-Awstralja, iċ-Ċina, l-Egittu,ir-Russja, Franza,il-Ġermanja, l-Italja,l-Indja,il-Libja,l-Ordni ta` San Gwann(SMOM), il-Palestina, ir-Renju Unit, is-Santa Sede, l-Amerika, it-Tuneżija u l-Unjoni Ewropea. In-numru ta`ambaxxaturi Maltin akkreditati għall-pajjiżi barranin bhalissa huwa ta` għoxrin.
Leg 9 PQ #5834 Sitting 94 1999-05-11 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Pilloli Aricept

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex pilloli Aricept tal-5mg li jiswew Lm57.26 mhux jingħataw b'xejn lil min m'għandux il-mezzi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-mediċina Aricept hija wżata għal marda tad-dementia li mhix inkluża fil-lista ta' Schedule V. Din il-mediċina tista' tiġi kkunsidrata biss għal pazjenti li għandhom il-kartuna r-roża u dan f'każ li jkun hemm evidenza medika ċara li l-mediċina hija effettiva. Dan il-għaliex il-mediċina Aricept hija waħda ġdida. Dan li ġej huwa parti mid-drug insert li tipprovdi l-kumpanija li tipproduċi din il-mediċina. "L-uzu tal-mediċina Aricept huwa assoċjat ma' titjib modest fil-memorja u l-kapaċita' li wieħed jitgħallem. Il-mediċina Aricept ma tfejjaqx il-marda ta' l-Alzheimer, ma tnaqqasx il-progress tal-marda u lanqas ma tipproduċi titjib sostanzjali fil-funzjoni tal-pazjent".
Leg 9 PQ #5643 Sitting 93 1999-05-10 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Victim/offender Rehabilitation Programme

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux beħsiebu jintroduċi l-Victim/Offender Rehabilitation Programme li huwa mħaddem f'pajjiżi oħra?

Response (BORG, TONIO)

Fil-programm elettorali tal-gvern hemm l-impenn li tiġi amendata l-liġi sabiex il-vittmi tar-reati ma jibqgħux jitqiesu biss bħala xhieda fil-proċess kriminali imma jkollhom dritt, ħlief f'każi rari, li jkunu preżenti matul is-smigħ kollu. Il-Pulizija flimkien mad-Diviżjoni tal-Politika Soċjali ser ikollhom ir-responsabbilita' li jħarsu l-interessi u jieħdu ħsieb ta' ħtiġijiet tal-vittmi tar-reati li jgħaddu minn trawma wara t-twettieq tar-reati. Ġie maħtur kumitat b'rappreżentanza tal-Ministeru ta' l-Intern, ta' l-Avukat Ġenerali, tal-Ministeru tal-Politika Soċjali u tal-SWDP biex jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-gvern dwar dan is-suġġett. 10.05.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #5645 Sitting 93 1999-05-10 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Vice Squad

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux beħsiebu l-Gvern jirriorganizza u jsaħħaħ it-Taqsima tal-Vice Squad u l-Victims Support Unit tal-Pulizija? Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' taħriġ l-membri tal-korp tal-pulizija li jintbagħtu jaħdmu f'din it-taqsima, jingħataw?

Response (BORG, TONIO)

It-tisħieħ ta' l-iskwadra fi ħdan il-Korp msemmija mill-Onor. Interpellanti, huwa proċess li jsir skond il-ħtiġijiet attwali tal-mument. Kif spjegat fil-Pjan Strateġiku tal-Korp tal-Pulizija, il-Korp ser ikompli jinvesti fir-riżorsi umani tiegħu, billi jkunu identifikati l-kwalitajiet tax-xogħol meħtieġ u jitqabblu mal-kwalitajiet li għandhom diġa` l-membri fil-Korp, sabiex b'hekk ikunu jistgħu jiġu identifikati u organizzati l-programmi ta' taħriġ li jkun hemm bżonn. 10.05.99 (p.m.)