Anzjani residenti f'St Vincent De Paule — Bonus imnaqqas
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-anzjani residenti f' St Vincent De Paule Residence u fi Djar oħra ta' l-Istat hux qed jittieħdulhom 60% tal-bonus ecc fil-każ ta' dawk li diġa qed jittiħdilhom il-massimu mill-pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena, anzjani li f’dik id-data kienu qiegħdin fir-Residenza San Vinċenz de Paule jew fil-ward fejn jingħata livell għoli ta’ kura fid-dar ta’ l-Imtarfa jitnaqsilhom 80% tal-pensjoni u tal-bonus u 60% ta’ dħul ieħor, wara li titnaqqas it-taxxa jekk ikun il-każ, sa massimu ta’ Lm13.50 kuljum, iżda bil-provediment li dejjem jibqghalhom f’idejhom Lm600 fis-sena.
Fil-każ ta’ residenti fi djar oħra tal-Gvern għall-anzjani t-tnaqqis mill-pensjoni, bonus u dħul ieħor isir bir-rata ta’ 60%, dejjem wara li titnaqqas it-taxxa jekk ikun il-każ u bil-provediment li jibqgħalhom f’idejhom Lm600 fis-sena.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond proprjeta' tal-gvern li d-detalji dwaru qed jintbagħtu separatament, huwiex allokat legalment jew inkella ġiex żgassat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-fond indikat huwa okkupat mill-kerrej legali. Dan ġie allokat il-post fl-1997.
Jista' il-Ministru jgħid jekk vetturi kbar bħal char-a-bancs u trakkijiet oħra tax-xogħol jistgħux jipparkjaw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ipparkjar ta` vetturi bil-mutur huwa permess kif maħsub fir-Regolamenti dwar il-Vetturi bil-Mutur u r-Regolamenti dwar Tractors bil-Mutur. Għall-aktar tagħrif dettaljat ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jaf il-Ministru li t-triq ta' wara l-Marsa Sports Klabb bla dawl u għaldaqstant hija perikoluża u hemm nuqqas ta' sigurta'? Jista' il-Ministru jara li jittieħdu l-passi biex din is-sitwazzjoni tiġi megħluba?
Response (GATT, AUSTIN)
Ix-xogħol ta' street lightning ġdid ġie devolut lill-Kunsilli Lokali u għalhekk m'għadux responsabilita tal-Enemalta.
Jista' il-Ministru jagħti rendikont tal-permessi għal bini li ingħataw fi Triq iċ-Ċawsli Ħal Qormi u x'tip ta' permessi ingħataw?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tinnota li din l-informazzjoni hija aċċessibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Għalhekk din l-informazzjonimhijiex tagħrif speċjali kif stipulat fl-ewwel paragrafu ta’ l-iStanding Order nru. 27 tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jagħti breakdown tal-konferenzi li attendiet għalihom il-KNPD u min kienu r-rappreżentanti? Jista' jagħti breakdown ta' kif intefqu l-Lm100,000 allokati għas-sena Ewropeja Persuni b'Diżabilita'? Jista' jagħti breakdown tal-pagi, allowances u overtime tal-ħaddiema tal-KNPD, in-numru ta' ħaddiema u partimers?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru l-informazzjoni mitluba dwar l-ewwel u l-aħħar parti tal-Mistoqsija. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3057, f’Seduta Nru. 84 fis-16 ta’ Diċembru 2003.
Jista' il-Viċi Prim MInistru jgħid fiex inhu l-każ ta' housing soċjali li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u li issa ilu aktar minn erbgħa snin pendenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-każ qed jiġi kkunsidrat flimkien ma’ każijiet oħrajn li għandu pendenti quddiemu d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux involut fl-arranġamenti ta' dawk li qed jissejħu dream holidays għat-tfal russi biex jinġabu minn familji Maltin għal xi ġimgħat? Jekk iva, b'liema mod hu involut?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern mhux involut fl-arranġamenti biex jinġiebu Malta tfal Russi għal btajjel.
Madanakollu, kull min jiġi Malta jrid isegwi l-liġi Maltija nkluż il-ħruġ ta’ viża, t-termini ta’ żmien li jkun jista’ joqgħod hawn u proċeduri oħrajn simili. Ta’ min ngħid ukoll li l-Ministeru għall-Politika Soċjali ilu jsegwi x’jiġri f’kazijiet bħal dawn għal diversi raġunijiet.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew ivvutati fondi għas-sena ewropea ddedikata għal persuni b'diżabilita'? Fiex intnefqu? (breakdown) Min kien responsabbli għal programm u l-allokazzjoni tal-flus?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fis-sena kurrenti ġew ivvutati Lm100,000 speċifikament relatati mas-Sena Ewropeja għall-Persuni b’Diżabilita’ liema somma ġiet riveduta għal Lm80,000 bħala parti mill-programm ta’ variable budgeting.
Dawn il-fondi ġew allokati għall-proġetti mill-Ministeru għall-Politika Soċjali kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-fringe benefits li jingħataw lid-diretturi fuq il-bord ta' l-ETC?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ir-remunerazzjoni taċ-Chairman, Deputy Chairman u d-Diretturi tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (E.T.C.) hi Lm 6000, Lm 1200 u Lm 1200 rispettivament. Iċ-Chairman għandu l-użu ta' karozza, telefon ċellulari, l-użu ta' Personal Computer u l-ġurnali lokali. Id-Deputy Chairman għandu allowance għall-petrol.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti aktar tagħrif dwar il-ħidma tal-Foundation for social welfare services? Jista' jagħti breakdown ta' l-infiq ta' din il-fondazzjoni matul is-snin 2002 u 2003?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Foundation for Social Welfare Services twaqqfet bl-iskop li tipprovdi u tippromwovi servizzi ta’ ħarsien soċjali. Fix-xogħol tagħha l-Fondazzjoni għandha tagħti mportanza primarja għal ħtiġijiet ta’ ħarsien soċjali tal-poplu Malti, u partikolarment għall-problemi ta’ l-abbuż mid-droga u l-alkoħol u problemi oħra dwar ħarsien soċjali. Il-Fondazzjoni għalhekk hi responsabbli li tipprovdi direzzjoni strateġika u sapport għal tlett aġenziji:
Aġenzija Appoġġ, l-aġenzija nazzjonali li tipprovdi programmi u servizzi ta’ ħarsien soċjali;
Aġenzija Sapport, li tipprovdi programmi u servizzi residenzjali u fil-komunita’ lil persuni b’diżabilita’; u
Aġenzija Sedqa, l-aġenzija nazzjonali kontra l-abbuż mid-droga, l-alkoħol u vizzji oħra.
Il-Fondazzjoni hi mmexxija minn bord ippresedut mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali u ebda membru tal-bord, inkluż il-president, ma jirċievi remunerazzjoni għas-servizz fuq dan il-bord.
Ninsab infurmat li l-infieq tal-Fondazzjoni fl-2002 u l-2003 kien kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti breakdown ta' l-infiq li sar matul is-snin 2002 u 2003 mill-awtorita' għas-saħħa u s-sigurta' u kif inhu ppjanat li jintnefaq il-vot ta' Lm290,000 għas-sena 2004?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u ser tkun parti mir-rapport annwali ta’ l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol li kopja tiegħu ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kif jitlesta.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienu l-programmi u l-inizjattivi tul is-sena 2003 fir-rigward tal-Cottonera community resource centre u x'se jkunu matul is-sena 2004?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk l-organizzazzjonijiet volontarji li huwa ppjanat li jiġu mogħtija appoġġ mill-fondi vvotati fil-Budget għas-sena 2004?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-bidu ta’ kull sena jinħatar Kumitat apposta biex jagħtini parir dwar l-allokazzjoni tal-fondi provduti fl-Estimi Ġenerali għall-organiżżazzjonijiet volontarji wara li jikkunsidra l-project documents sottomessi minn dawn l-organiżżazzjonijiet.
Għalhekk għadu kmieni biex wieħed jgħid liema huma l-organiżżazzjonijiet li ser jirċievu flus mill-fondi vvutati għas-sena d-dieħla.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienu l-EU Pre-Accession Programmes fis-sena 2002 u fis-sena 2003 u x'se jkunu għas-sena 2004?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-proġett taħt il-programmi ndikati mill-Onor. Interpellanti matul l-2002 u l-2003 li jikkonċerna l-Ministeru għall-Politika Soċjali kien jirrigwarda l-Awtorita’ dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol u kien jinkludi twinning project ma’ l-Awtoritajiet dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol Ingliżi u Irlandiżi, li ġie konkluż f’Jannar li għadda. Matul is-sena d-dieħla mistenni jitkompla l-proġett ta’ tisħieħ tal-kapaċitajiet ta’ l-Awtorita’ kif ukoll jinbdew żewġ proġetti oħra. Wieħed biex ittejjeb il-kapaċita’ amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-programm EQUAL u l-ieħor biex jibni l-kapaċita’ amministrattiva u teknika tal-Kummissjoni Nazzjonali kontra l-Abbuż mid-Drogi, Alkoħol u Dipendenzi Oħra biex din tkun tista’ tipparteċipa b’mod attiv u effettiv bħala l-focal point nazzjonali fil-European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction (EMCDDA).