Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' monitoring qiegħed isir biex ma jsirx parkeġġ ta' trakkijiet tar-refuse fit-toroq, minħabba s-sigurta' u l-iġene?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma tagħmilx it-tip ta' monitoring li rreferit għalih l-Onor. Interpellanti. Sakemm il-vetturi msemmija ma jkunux ipparkjati f'żona fejn il-parkeġġ ta' vetturi bil-mutur huwa pprojbit jew inkella jkunu ta' ostakolu, dan ma jitqiesx bħala kontravenzjoni.
19.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir rigward dawk il-każi fejn ripetutament il-karozzi tal-linja fuq rotta ma jżommux il-ħin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dawk il-karozzi tal-linja li jinqabdu ma jżommux il-ħin, jiġu rrapurtati u jekk jinstab li m`għandhomx skuża plawsibbli, jingħataw ċitazzjoni.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5431 dwar il-pensjoni tal-wens, ma jidhirlux il-Ministru li l-kwalifiki għal din il-pensjoni huma diskriminatorji kontra persuni miżżewġa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
WL-Onor. Interpellant irreferiet għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5431 li r-risposta tagħha hija ċara biżżejjed għaliex din l-għajnuna tingħata lil min tingħata. Persuni miżżewġa irċievu benefiċċji oħra relatati mar-responsabbilitajiet tagħhom lejn il-familja. L-argument li l-kwalifiki għal Pensjoni tal-Wens huma diskriminatorji kontra persuni miżżewġa ma jreġġix għaliex dawn ikollhom doveri oħra x'jaqdu, lejn il-familja tagħhom. Wieħed ma jridx jinsa wkoll, li l-kwalifika għal din il-Pensjoni hija suġġetta għat-test tal-mezzi.
19.5.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5432 dwar programmi edukattivi għall-ġenituri f'parental skills, etc, ma jidhirlux il-Ministru li għalkemm dipartimenti u aġenziji tal-gvern qed jieħdu ċertu inizjattivi f'dan il-qasam, dawn huma marbutin biss ma' każijiet partikolari u mhux bħala parti minn proċess ongoing b'mira preventiva? Jista' l-Ministru jgħid hemmx pjani biex jiġu żviluppati ħidmiet b'dan il-għan? Meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-inizjattivi li dwarhom kont tajt rendikont fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Nru. 5432 fil-fatt mhux dejjem ikunu marbutin ma każijiet partikolari.
Per eżempju, il-programmi ta' "Parental Skills" li torganiżża l-Aġenzija Sedqa, bl-isem "Inrabbu 'l-Uliedna Aħjar" ma jsirux biss għal każi partikulari, iżda jilħqu firxa ferm usa' tas-soċjeta' Maltija. Dawn il-programmi jsiru għall-ġenituri, fl-iskejjel, fil-Kunsilli Lokali, fl-Aġenzija Sedqa stess u f'postijiet oħra fejn jiġu mitluba. S'issa, attendew madwar 3,000 ġenitur, għal dawn il-korsijiet. Programmi oħra simili, saru wkoll fuq żewġ stazzjonijiet tar-radju, fejn l-udjenza kienet ferm aktar wiesa'.
L-għan ewlieni ta' dawn il-programmi huwa l-prevenzjoni, iżda jingħata wkoll tagħrif lill-ġenituri ta' kif jgħinu lil uliedhom, f'każ li dawn imissu mal-problema tad-droga w l-alkolħol.
B'danakollu, naqbel mas-suġġeriment ta' l-Onor. Membru li hemm bżonn li nilħqu firxa akbar ta' ġenituri, b'dawn it-tip ta' programmi. Sabiex dan isir, naturalment ikun jinħtieġ aktar riżorsi, partikolarment riżorsi umani. Jidher ukoll li, f'dan il-kuntest, hemm bżonn ta' aktar ko-ordinazzjoni mhux biss fis-settur pubbliku iżda anki fil-qasam tal-volontarjat.
19.5.99
Tista' l-Ministru tgħid fuq ordni ta' min il-persuni, li isimhom qed jintbagħat separatament, qegħdin jagħmlu inspections fid-diversi dipartimenti tal-gvern f'Għawdex? Minħabba n-nuqqas ta' kwalifiki, ma jidhirliex il-Ministru li dawn iż-żewġ sinjuri m'għandhomx jagħmlu inspections f'uffiċini fejn hemm imexxu principals u senior principals? Jidhirla l-Ministru li f'uffiċini fejn hemm impjegati skrivani tas-Servizz Ġenerali l-inspections għandhom isiru minn asst. principal jew principal? Taf il-Ministru li b'persuni li m'humiex kwalifikati li qed jagħmlu l-inspections fuq skrivani tas-Servizz Ġenerali s-Servizz Pubbliku jiġi redikolat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-persuni msemmija qegħdin jagħmlu spezzjonijiet fuq l-ordni tal-kapijiet tad-dipartimenti stess. Dan l-eżerċizzju huwa kkordinat mid-Dipartiment għas-Servizzi Korporattivi.
L-Onorevoli Interpellant għandu jkun jaf li dawn iż-żjarat bl-ebda mod m'huma ntiżi biex jissostitwixxu r-responsabilta' tal-kapijiet tal-fergħat u uffiċċji tal-Gvern f'Għawdex li jeżerċitaw id-dixxiplina fuq l-impjegati li jaqgħu taħthom.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4843, jista' l-Ministru jgħid min huwa l-avukat tal-gvern u meta nstemgħet il-kawża u meta se terġa' tinstema?
Response (GALEA, LOUIS)
Propjament f'kawża bħal din il-Gvern ma jkollux l-avukat tiegħu. Iżda biex l-interessi tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jiġu salvagwardati aħjar, l-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali qed jestendi l-assistenza tiegħu lill-Uffiċċjal Prosekutur. Il-kawża tinsab differita għat-30 ta' Ġunju 1999.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitwaħħal id-dawl tat-triq meħtieġ fi Triq il-Ġdida, fi Triq il-Ħelsien, Qormi, peress li bin-nuqqas ta' dawl li hemm ir-residenti qed jiġu esposti għal diversi tipi ta' abbużi bħal per eżempju, serq, vendikazzjonijiet, eċċ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li ma jirriżultax li hemm nuqqas ta` dawl fit-triq imsemmija.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija s-sitwazzjoni llum fir-rigward tal-ftuħ ta' Triq il-Ġdida fi Triq il-Ħelsien, Qormi, biex din it-triq taqbad ma' Triq Ħammieri?
Response (GALEA, ĊENSU)
Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal domanda parlamentari Nru. 2620, jien infurmat li għad irid isir aktar żvilupp biex din it-triq tinfetaħ.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2620, re: Triq il-Ġdida fi Triq il-Ħelsien, Ħal-Qormi, jaf il-Ministru li t-triq imsemmija u li hu qal li hija asfaltata, m'hi asfaltata xejn u li għad fadal ftit xogħol mhux ħażin qabel ma din tkun tista' tissejjaħ triq? Jista' l-Ministru jindika meta dan ix-xogħol se jsir biex meta tagħmel ix-xita r-residenti ma jibqgħux jgħaffġu fl-għadajjar u t-tajn?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta ta` P.Q. Nru. 6272.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista ta' dawk il-persuni li ġew mogħtija postijiet bħala akkomodazzjoni soċjali mill-elezzjoni ġenerali tal-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn? Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti d-dettalji ta' fejn kienu joqogħdu, fejn ġew mogħtija l-allokazzjoni, il-kriterji u l-punti li ntużaw biex ġew mogħtija prijorita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-5 ta' Settembru 1998 id-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali alloka 115 il-post fil-lokalitajiet kif murija fit-Tabella A. Dawn ġew allokati lill-persuni mill-lokalitajiet kif muri fit-Tabella B. Il-kriterji li ntużaw huma l-istess kriterji li d-Dipartiment ilu juża għal dawn l-aħħar tnax il-sena.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A u Tabella B imsemmija hawn fuq.
19.5.99
Jista' l-Prim Ministru jgħid kif qed jiġi assigurat li l-membri ta' l-interviewing boards għall-ingaġġ ta' ħaddiema mal-gvern, ma jkunux gender biased?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi sa fejn hu possibli l-interviewing boards għall-ingaġġ ta' ħaddiema tal-Gvern ikun fihom membri rġiel kif ukoll nisa. Barra dan fit-2 ta' April 1990 il-Gvern kien ħareġ Linji Gwida, f'cirkulari apposta bin-numru 37/90, dwar kif għandhom jinżammu l-interviews biex ma jkunx hemm gender bias.
Jista' l-Ministru jgħid hux ippjanat li jiġu organizzati summer day centres għal tfal u żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali bil-għan li jkollhom kontinwita' u mhux għal ġimgħat sħaħ tas-sajf jinqatgħu mill-grupp li jkunu draw jagħmluha miegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għal dan is-sajf li ġej se jkun diffiċli li jiġu organizzati 'Summer Camps' residenzjali għal tfal b'diżabilita`. Dan għaliex il-post fejn kienu jsiru dawn l-attivitajiet m'għadux aċċessibli. Minflok saru żewġ 'Live in Weekends' għat-tfal b'diżabilita` u l-ġenituri tagħhom f'Novembru '98 u f'Marzu '99. Din l-inizjattiva saret bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Għaqda Nazzjonali tal-Ġenituri ta' Tfal b'Diżabilita`. Fis-Sajf se jiġi organizzat 'Day Camp' fir-Razzett tal-Ħbiberija. Dan ser isir mill-istess Għaqda bl-għajnuna tad-Diviżjoni. Madankollu, ħa nara jekk hux possibbli li jsir sforz ħalli s-Summer Camps isiru f'post alternattiv.
Jista' l-Ministru jgħid xi proċedura jew sistema tintuża ta' kif tfal bi bżonnijiet speċjali jiġu streamed jew grouped fi klassijiet fl-iskejjel tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħala regola, bħat-tfal kollha fil-mainstream, Year 1-4, it-tfal bi bżonnijiet speċjali jiġu mqassma fil-klassijiet skond l-eta' u fil-Year 5-6 jiġu streamed skond ir-riżultat ta' l-eżamijiet ta' l-aħħar tas-sena.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-gvern biex persuni bi bżonnijiet speċjali li jgħixu mal-familja tagħhom jingħataw il-kura meħtieġa meta jiġu nieqsa l-ġenituri tagħhom? Il-gvern għandu pjani għat-twaqquf ta' djar eċċ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', b'mod partikolari f'dawn l-aħħar sentejn ilha ssostni dwar il-ħtieġa li jkun hawn servizzi fil-Komunita' biex persuni b'diżabilita' jkollhom min jissaportjawhom l-aktar meta l-familji tagħhom għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu jibqgħu jagħu dan is-sapport.
Il-Ministeru għall-Ħarsien Soċjali tal-Amministrazzjoni preċedenti, konxju hu ukoll minn dan il-bżonn kbir, ikkummissjona, permezz tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' studju mill-"Management Efficiency Unit". L-amministrazzjoni preżenti kompliet fuq dan il-pass u saħħietu billi anke ġabet espert Ingliż f'dan il-qasam, is-sur Peter Kinsella, biex jgħin lil din il-Unit fit-tfassil ta' dan l-istudju.
Abbozz ta' dan ir-rapport issa jinsab f'idejn il-Kummissjoni u dan ser jiġi diskuss fil-laqgħa tagħha li jmiss. Hu ttamat li d-dokument finali, li jkun fiħ rakkomandazzjonijiet konkreti, ma jdumx ma joħroġ.
18.5.99
Jista' l-Ministru jgħid meta d-Dipartiment tat-Taxxi Interni se jħallas ir-refunds tat-taxxa li għandu pendenti mat-tax payers minħabba li hemm min għandu jieħu mijiet ta' liri u dawn ilhom pendenti għal xi snin?
Response (DALLI, JOHN)
Il-ħlas tar-refunds tat-taxxa tad-dħul minn dejjem kien marbut ma` ammont ta` flus ivvotati fl-estimi finanzjarji annwali; għalhekk il-ħlas li jista` jsir irid jkun limitat għal dan l-ammont. Pero` kif diġa` kelli l-okkażjoni ngħid is-sistema tar-refunds fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni għandha tinbidel u kulmin ikollu jieħu lura xi taxxa li tkun tħallset żejda din għandha titħallas lura fi żmien determinat, u jekk id-Dipartiment jonqos li jħallas f`dan iż-żmien ikollu jħallas l-interessi. Nispera li jekk nilħqu ngħaddu l-liġijiet relevanti mill-parlament, dan jista` jibda jseħħ mir-refunds li jirriżultaw mill-formoli tat-taxxa għal din is-sena.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati skrivani ma' l-ETC f'Għawdex? Min huma? Xi kwalifiki għandhom? Kemm applikaw? Min huma dawk li applikaw? Xi kwalifiki għandhom dawk li ma ġewx impjegati? X'kienet l-ordni tal-mertu ta' dawk kollha li applikaw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Persuni li kienu intervistati kienu dawn:
ISEM KWALIFIKI
Axiaq Joseph 8 'O' Levels, l 'A' Level
Camilleri Edel Mary 11 'O' Levels, 4 'A' Levels, B.A. (Hons) Social Work
Camilleri Marvic 6 'O' Levels, l 'A' Level
Caruana Mizzi Mary 12 'O' Levels, 2 'A' Levels
Farrugia Miriam 8 'O' Levels, l 'Intermediate' Level, 4 'A' Levels
Gatt Rosalind 9 'O' Levels, 2 'A' Levels
Psaila Alexia Maria 7 'O' Levels, 5 Intermediate Levels, 2 'A' Levels
Saliba Joseph 6 'O' Levels, 2 'A' Levels
Wara l-interview din kienet l-ordni tal-mertu.
1. Gatt Rosalind
2. Caruana Mizzi Mary
3. Farrugia Miriam
4. Psaila Maria Alexia
5. Camilleri Marvic
6. Saliba Joseph
7. Axiaq Joseph
Camilleri Edel Mary ma ġietx klassifikata għaliex ġiet meqjusa bħala 'over qualified' għal post ta' 'Clerk', dan l-aktar meta fl-interview stqarret li tara l-karriera tagħha bħala 'Social Worker'.
Wara li ġie deċiż li jiġu ngaġġati tlett (3) persuni bħala 'Clerks', Caruana Mizzi Mary, Farrugia Miriam u Psaila Maria Alexia bdew l-impjieg tagħhom nhar is-6 ta' April 1999.
Gatt Rosalind ma ġietx ingaġġata għaliex laħqet sabet impjieg fil-frattemp.
18.5.99
Jista' l-Ministru jgħid hux se jsir skal diċenti għall-użu tal-Club tar-Regatta, fil-Kalkara u oħrajn dilettanti tad-dgħajjes kif kien proġettat li jsir fil-Cottonera Rehabilitation Project? Jekk iva, meta se jiġi esegwit ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ser ngħaddi dan is-suġġeriment lill-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera meta dan jiġi rikostitwit.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ittrattaw il-guidance teachers fl-iskejjel ta' tfal bi problemi, matul is-sena 1998? Jista' l-Ministru jagħti t-tagħrif skola skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ġie kkalkulat li aktar minn 6832 student fittxu l-għajnuna tal-Guidance teachers fis-sena 1998.
Diffiċli taqta' linja; u tgħid liema kienu "każi" kbar jew kienu sempliċement diffikulta`, għax dak li hu ta' problema għal individwu jista' ma jkun ta' ebda diffikulta` għal ħaddieħor.
Jekk tingħata statistika skola, skola jista' jiġri li skola tiġi ttimbrata li għandha ħafna problemi. Għalhekk ikun xieraq li l-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija ma tingħatax.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm social workers jaħdmu fl-Education Welfare Unit tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni? Ma' kemm skejjel iridu jlaħħqu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-Education Welfare Unit hemm seba' Social Workers inkluża l-Head tal-Unit li għandha 'caseload' iżgħar iżda b'każijiet aktar diffiċli.
Dawn is-Social Workers iridu jlaħħqu ma' l-iskejjel kollha ta' l-istat (130). Fil-każ ta' l-Iskejjel tal-Knisja u privati x-xogħol ma' dawn isir fuq talba tagħhom. Apparti l-iskejjel is-Social Workers ukoll jagħmlu għadd kbir ta' 'home visits' u jaraw il-klijenti fl-uffiċċju.