Jista' l-Ministru jgħid meta t-triq Sqaq ta' l-Armal, f'Ħal Qormi, se tiġi rranġata minħabba l-istat diżastruż li tinsab fiha peress li sal-lum minkejja li ilha mibnija qatt ma ġiet mogħtija l-asfalt kullimkien?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li Sqaq ta` l-Armal jagħmillu manutensjoni il-Kunsill.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ħarġux il-permessi mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-bini ta' diversi postijiet mill-Awtorita' tad-Djar għal akkomodazzjoni soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-1992 sal-lum inħarġu permessi għall-bini skond dokumenti li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
25.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti l-lista ta' l-applikazzjonijiet pendenti għall-akkomodazzjoni soċjali sal-15 ta' Mejju, 1999, lokal lokal u l-kategorija li taħtha huma applikati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru.
25.5.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6148, jista' l-Ministru jikkonferma jekk sarux testijiet fuq ilma li dejjem joskula mill-blat ta' taħt it-triq ta' taħt il-Klabb tal-Boċċi tal-Birgu bejn il-club tar-Regatta u Starky Building, il-Birgu? Saru testijiet u x'irriżulta li hu? Jekk ma sarux, meta se jsiru?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta għal din il-mistoqsija tingħata f`xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5651, jista' l-Ministru jagħti l-lista tal-mediċini li l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta qed jieħu passi biex isir roħs fil-prezz?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għandux xi pjan biex fl-inħawi residenzjali fejn sal-lum għad m'hemmx ħwienet u għalhekk il-konsumaturi m'humiex moqdija mill-aktar prodotti bażiċi, bħal ħobż u ħalib fost oħrajn, jintermedja ma' l-Assoċjazzjoni tal-Hawkers, biex jiġu provduti dawn is-servizzi essenzjali għal għadd ta' komunitajiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-suġġeriment ta` l-Onorevoli Interpellant ser ikun ikkunsidrat fid-dawl ta` proposti li qed jintalbu mill-korp kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tad-Djar u/jew l-Awtorita' tad-Djar għandhomx xi pjan dwar kif fil-Furjana jistgħu jiġu pprovduti aktar units għal skopijiet ta' social housing għall-Furjaniżi, bil-għan li l-Furjaniżi jkollhom opportunita' aħjar li jibqgħu joqogħdu fil-Furjana?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita' tad-Djar għandha pjan li tiżviluppa l-proġett tal-kantuniera bejn Triq l-Argotti u Triq l-Iljun, Floriana. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma' sidien ta' proprjeta' kummerċjali fl-inħawi biex jiġi stabbilit jekk il-proġett jistax jitkabbar minn dak ippjanat oriġinarjament.
24.5.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-art biswit l-iskola primarja tal-Kalkara fuq Triq is-Sienja hijiex se tittieħed mill-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hi policy tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li biċċiet ta' art li jmissu ma' l-iskejjel ma jingħatawx għal xi użu li mhux addattat li jkun qrib l-iskejjel u li jitħalla spazju fejn l-iskejjel ikunu jistgħu jikbru biex iżidu l-faċilitajiet u l-ispazji tagħhom meta jkun hemm bżonn.
Skond l-applikazzjoni approvata mill-Awtotita` ta' l-Ippjanar, kif sottomessa mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, l-art biswit l-iskola primarja tal-Kalkara se tkun tagħmel parti mill-iskola biex il-ħajt li jagħlaq l-iskola jersaq 'il barra u b'hekk tikber l-arja fejn jilagħbu t-tfal.
F'dan il-kuntest, wieħed irid josserva li l-"Grand Harbour Local Plan - Area Policies - September 1998 Draft" maħruġ mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar jgħid hekk dwar il-Kalkara:
"Kalkara is significant in the context of the Local Plan as being the only settlement which is continuing to attract population, due to the extent of the area included within the previous development scheme which remains unbuilt, and also because of its unspoiled, rural atmosphere and coastal location";
"The Authority will support measures to improve and expand the stock of residential accommodation in Kalkara by the rehabilitation of older dwellings, and the conversion to housing of suitable buildings currently used for other purposes. Redevelopment at higher densities will be acceptable. Changes in building heights will be considered where appropriate. The introduction of innovative forms of housing related to specific market requirements will be encouraged."
Jidher ċar li, skond il-Pjan Lokali, hemm possibbilta` kbira li l-popolazzjoni tal-Kalkara tkompli tikber, bil-konsegwenza li l-popolazzjoni ta' l-iskola ukoll tkompli tiżdied.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni hux jippjana li s-sistema ta' l-eżamijiet li jsiru mill-istudenti ta' l-ewwel sena fil-Junior College, biex jitilgħu għat-tieni sena, jinbidlu biex dawn l-eżamijiet ma jibqgħux ibbażati fuq tul ta' sitt sigħat u sitt essays?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fejn hu possibbli, il-karti ta' l-eżami biex student jgħaddi mill-ewwel għat-tieni sena jirriflettu x-xogħol li jkun twettaq matul il-kors ta' l-ewwel sena u l-format tal-karti ta' l-eżami tal-Matrikola.
It-Time-table ta' l-eżamijiet ta' l-ewwel sena tal-Junior College turi li f'erba' suġġetti biss jintlaħaq l-ammont ta' siegħat imsemmija fil-Mistoqsija , jiġifieri ta' sitt siegħat.
TALJAN
F'dan is-suġġett l-istudenti meta joqgħodu għall-eżami tal-Matrikola jkollhom tlett karti li b'kollox jieħdu seba' siegħat. Fil-Junior College dawn l-istudenti jkollhom żewġ karti li jammontaw għal tlett siegħat kull waħda.
BIOLOĠIJA
Fil-Matrikola hemm żewġ karti ta' tlett siegħat kull waħda (6 siegħat) minbarra żewġ karti ta' siegħa, waħda 'practical' u l-oħra 'written'. Fl-eżami ta' l-ewwel sena fil-Junior College il-karti huma ta' sagħtejn flok tlett siegħat (6 siegħat b'kollox).
MALTI
F'dan is-suġġett il-karti jirriflettu fedelment il-karti tal-Matrikola.
INGLIŻ
L-istudenti tal-Junior College jiġu eżaminati f'kull komponent tal-kors li jkun ġie mgħallem matul is-sena. Dawn jaqgħu taħt żewġ karti ta' tlett siegħat kull waħda.
Kull dipartiment fil-Junior College jipprova jadegwa ruħu għall-preparazzjoni ta' l-istudenti tiegħu li jkunu ser joqgħodu għall-eżami tal-Matrikola wara kors ta' sentejn. Waqt li jżomm quddiem għajnejh is-syllabus globali, kull dipartiment jeżamina l-istudent fuq il-programm li jkun twettaq matul l-ewwel sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw għal wardens lokali u kemm fil-fatt se jiġu ngaġġati?
Response (GATT, AUSTIN)
S`issa l-uniku applikazzjonijiet li ħarġu ghas-servizz tal-Gwardjani Lokali kienu ghall-kors ta` taħriġ mill-E.T.C. ghall-Gwardjani Lokali. Min itemm b`suċċess dan il-kors jinghata ċertifikat li jkun meħtieġ ghall-ghotja ta` liċenza mill-Kummissarju tal-Pulizija kif huwa stabbilit bl-Att Numru XIII ta` l-1996 dwar Gwardjani Privati u Lokali.
Mill-informazzjoni li ghandi, sa llum applikaw 544 persuna ghal dan il-kors.
Il-Kunsilli Lokali stess jridu jiddeċiedu x`tip ta` servizz ghandhom bżonn biex jiġi determinat in-numru ta` Gwardjani Lokali li jiġu ikkuntrattati.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitwaħħlu l-lights li ġew approvati xhur ilu għat-toroq Mdina Road u Manoel Dimech Street f'Ħal Qormi? Jista' l-Ministru jgħid meta se tinfetaħ is-subway għall-pubbliku min-naħa ta' l-iskola primarja fi Triq Manoel Dimech?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li ser jinbeda x-xogħol f`Imdina Road li jinkludi wkoll iż-żona tar-roundabout tat-Triq Manwel Dimech, ikun aħjar li għalissa it-traffic lights f`Imdina Road u ż-żebra crossing fi Triq Manwel Dimech ma jsirux.
Dwar is-subway li tagħti għal ġo l-iskola Primarja, l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux kull dipartiment għandu task force dwar l-iscreening li qed isir bħala parti mill-proċess għal sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea? Jekk mhux kull dipartiment għandu dan it-task force, liema dipartimenti għandhom? U fejn m'hemmx task force, min qed jagħmel dan ix-xogħol? Min huma l-uffiċjali li huma nvoluti fid-diversi task forces skond id-dipartimenti konċernati? Min huma l-uffiċjali nvoluti skond id-dipartiment li qed jagħmlu x-xogħol imsemmi?
Response (BORG, JOE)
Nista nirrispondi għal dak li jirrigwardja il-Ministeru tiegħi. Il-Ministeru għandu technical team li qed jaħdem fuq il-Common Foreign and Security Policy. Dan hu kompost mill-Permanent Secretary s-Sur Salv Stellini, kif ukoll minn Alfred Zarb, Saviour Falzon, Giovanni Miceli, John Inguanez, Charles Inguanez, Ray Sarsero u Joe Mangion. It-team jinkludi ukoll lill-Avukat Generali Dr Anthony Borg Barthet kif ukoll lis-Sur Joe Caruana mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Dwar Dipartimenti li jaqgħu taħt Ministeri oħra, nitlob lill-Onorevoli Interpellant tagħmel l-istess mistoqsija lill-Ministeri konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' monitoring qed isir fuq bażi regolari biex jiġi assigurat li ma jsirx ċertu tip ta' xogħol f'garaxxijiet fl-abitat li jista' jħarbat l-ambjent residenzjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Enforcement Officers tal-Awtorita` ta' l-Ippjanar jagħmlu spezzjonijiet regulari ta' tip ġenerali f'diversi lokalitajiet u meta jkun il-każ, jittieħdu l-passi neċessarji skond l-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp. L-istess Enforcement Officers iżommu kuntatt dirett mal-Kunsill Lokali li minn żmien għal-ieħor jinfurmaw lill-Awtorita` dwar irregolaritajiet li jkunu ġew a konjizzjoni ta' l-istess Kunsilli u l-Awtorita` tieħu l-passi neċessarji skond il-każ.
Barra minn hekk, l-Awtorita` tirċievi diversi rapporti minn terzi, liema rapporti jiġu nvestigati u jekk ikun il-każ l-Awtorita` taġixxi skond il-liġi. Ta' min isemmi li l-kuntatti ma' l-Awtorita` mill-Kunsilli Lokali u minn terzi huma mportanti minħabba l-fatt li l-Awtorita` ma tistax tkun għal 24 siegħa kuljum f'kull sit fejn ikun qed isiru xi żvilupp illegali.
24.05.9 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru x-xogħlijiet meħtieġa biex l-ilma nieżel mill-bypass ta' l-Imrieħel ma jibqax jaqleb għal ġot-toroq bħal Triq il-Milied u Triq il-Mitħna, f'Ħal Qormi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li m`hemmx pjani biex isiru xogħolijiet kif imsemmi mill-Onor. Interpellant peress li ż-żona msemmija hemm diversi postijiet fejn jinġabar l-ilma li jkun nieżel minn dawn it-toroq u li jintefa` fil-mina li nbniet taħt l-art biex tieħu dan l-ilma għal Wied ta` Ħal Qormi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattiva qed jieħu l-gvern fejn jidħol is-servizz ta' trasport pubbliku, biex irħula u ibliet kbar bħal Ħal Qormi fejn jeżistu diffikultajiet ta' nuqqas ta' servizz adegwat f'diversi nħawi, jiġu riveduti u/jew introdotti rotot ġodda ħalli ċ-ċittadini jkunu moqdija kif jixraq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku b`mod regolari tiddiskuti ma` l-operaturi tas-servizz kif ukoll mal-Kunsilli Lokali kif jista` jitjieb is-servizz tal-karrozzi tal-linja.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku kkummissjonat dwar il-kondizzjonijiet tal-karozzi tal-linja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku ma kkummissjonat l-ebda rapport dwar il-kundizzjonijiet tal-karrozzi tal-linja.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex m'hemmx servizz provdut għat-tfal ta' l-iskejjel primarja f'Ħal Qormi, minkejja li ċertu nħawi huma 'l bogħod mill-iskejjel imsemmija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'Ħal Qormi hemm żewġ skejjel primarji u ma jidhirx li hemm tfal li joqgħodu iżjed il-bogħod minn 1.6 kolometru miż-żewġ skejjel.