Jista' l-Ministru jgħid meta se titkompla l-parti t'isfel ta' Triq il-Ħelsien? Meta se jsir iċ-ċint min-naħa ta' l-għalqa, biex ma tkomplix timtela' biż-żibel?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob l-Onor. Interpellant tispeċifika l-parti li qed tirreferi għaliha fil-mistoqsija parlamentari.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-talba ta' ħames familji mill-parti t'isfel ta' Triq id-Deheb Fin, Ħal Qormi, biex jiltaqgħu maċ-chairman ta' l-Enemalta minn Marzu s'issa għadha ma ntlaqgħat, dwar il-każ li kellhom iħallsu madwar Lm738 biex jitwassal id-dawl fir-residenza tagħhom meta residenti oħra fl-istess parti tat-triq ħallsu madwar Lm70 biss?
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Enemalta hijiex tikkonsidra dan il-każ?
Issa li reġgħu għaddew xhur sħaħ minn meta d-dipartiment kellu jippjana biex tittieħed l-azzjoni ħalli Triq San Gwakkin, Ħal Qormi tinbena, kif kont indikajt f'mistoqsija parlamentari preċedenti, jista' l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol meħtieġ li tant ilu biex isir?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li din it-triq qiegħda fil-programm ta` xogħolijiet li qed iħejji d-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tinbena New Street, fi Triq il-Ħelsien, biex ir-residenti li jgħixu hemm ma jkomplux ibatu minn għadd inkonvenjenzi, li saħansitra uħud minnhom anke qed jaffettwa s-saħħa tan-nies?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-triq imsemmija qegħda mniżżla fil-programm ta` xogħolijiet li qiegħed iħejji d-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid jistax id-dipartment jieħu ħsieb it-tqegħid ta' mera fil-kantuniera ta' Triq il-Ħelsien, Qormi ma' Triq l-Imdina, Qormi biex tkun tista' turi min ikun ġej min-naħa ta' fuq ta' Triq l-Imdina, peress li din hija blind corner?
Response (GALEA, ĊENSU)
Irreferejt is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant għall-konsiderazzjoni tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tittieħed azzjoni biex jitneħħew karozzi li ilhom ipparkjati s-snin fl-area tal-blokki ta' l-appartamenti f'Ta' Farsina, Ħal Qormi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija ħadet il-passi neċessarji u l-karozzi abbandunati fil-lokalita` li rreferiet għaliha l-Onor. Interpellanti issa tneħħew.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gwardjani lokali hux se jingħataw xi forma ta' taħriġ prattiku qabel ma jibdew il-patrol fit-toroq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kull min japplika biex jahdem bhala gwardjan lokali irid isegwi `course` intensiv appożitu imniedi mill-`Employment Training Commission`.
Barra min hekk hemm il-hsieb li qabel mal-Gwardjani Lokali johorġu jaghmlu `patrols` fit-toroq, dawn ser jinghataw tahriġ fuq l-użu tal-`Hand held computers` kif ukoll tahriġ iehor li jkun meħtieġ.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'tip ta' xogħol/taħriġ qed jingħataw lil żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali li qed jattendu fiċ-ċentru ta' taħriġ f'Wied il-Għajn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ix-xogħol/taħriġ li qed jingħataw liż-żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali li qed jattendu fiċ-Ċentru tat-Taħriġ ta' Wied il-Għajn huma dawn:
Xogħol tal-fuħħar
Xogħol tas-suf
Ħjata
Tapestry
Xogħol tal-qasab
Granutell
Twapet tas-suf
Xogħol tal-labar
Bizzilla
Xogħol ħafif tal-injam
Crochet
Tpinġija
Xogħol bit-tappijiet tas-sufra
Arranġamenti bil-fjuri u weraq niexef
Tisjir ħafif
Tindif domestiku
Ħajja ndipendenti
Barra dan, isir ukoll numru ta' attivitajiet oħra li fost l-oħrajn jinkludu:
Ħruġ f'diversi okkażżjonijiet u attivitajiet
Parteċipazzjonijiet fid-drama u żfin (inkluż bil-wheelchairs)
Sehem f'kompetizzjonijiet tat-tpinġija, Karnival u Għid
Għawn fis-Sajf (fil-bajja ta' San Tumas
Għawn fix-Xitwa (fir Razzett tal-Ħbiberija)
Passiġġati fil-lokal
Safra ta' ġurnata fi Sqallija
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma eżatt il-pjanijiet tal-gvern dwar Bighi fil-Kalkara?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-pjan għal Bighi fil-Kalkara mressaq mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni ġie apporvat mill-Kabinett fis-26 ta' April 1999 u jinkludi diversi inizjattivi fosthom:
1. Li fl-East Wing u s-Surgical Block ta' l-ex Sptar Navali, jitwaqqaf iċ-Ċentru Malti għar-Restawr. Dan il-proġett hu l-ewwel fażi tal-pjan ta' Bighi. Fil-fatt, kif spjegat f'aktar dettall fi stqarrijiet għall-istampa kif ukoll f'risposti għal mistoqsijiet parlamentari oħra, iċ-Ċentru Malti għar-Restawr
a) twaqqaf nhar it-3 ta' Mejju 1999
b) daħal f'kollaborazzjoni ma' ċentri ewlenin Taljani
matul Mejju,
c) xandar talba għal staff speċjalizzat u għal studenti
prospettivi f'Ġunju 1999
d) fetaħ l-ewwel kors preparatorju għal 157 student fid-19
ta' Lulju 1999
e) ħa f'idejh il-bini assenjat f'Bighi nhar l-4 ta' Lulju u
nieda xogħol estensiv ta' tiswija u restawr f'dan il-bini
storiku
f) organizza l-eżami tad-dħul fl-Istitut ta' l-Istudji fir-
Restawr f'Settembru 1999
g) fetaħ l-ewwel kors ta' Degree in Conservation & Restoration
Studies (kors ta' 4 snin) nhar l-4 ta' Ottubru u liema kors
ġa ġibed lejh studenti barranin
h) qiegħed ikompli fuq ix-xogħol ta' restawr u modernizzazzjoni
tal-bini taċ-Ċentru,
i) bħalissa qiegħed iħejji biex jipproċessa madwar 40 tender
għal b'kemm jiswa aktar minn Lm400,000 f'apparat sofistikat
meħtieġ fir-restawr u li sejjer jinxtara b'fondi mir-raba'
protocol Taljan.
2. Li r-restawr ġa mibdi mill-1995 ta' Villa Bighi, jitkompla u din tintuża bħala s-seda tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija. Hu maħsub li s-sular ta' taħt nett (il-basement level) sejjer ikun jista' jintuża bħala sala għall-konferenzi mhux biss mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija iżda ukoll minn entitajiet oħra bbażati f'Bighi jew fil-Kalkara (per eżempju l-Kunsilli Lokali) kif ukoll fuq talbiet esterni fuq bażi 'first come, first served'. Dan ix-xogħol hu maħsub bħala t-tieni fażi tal-proġett ta' Bighi, matul l-1999
a) tkompla x-xogħol fuq l-aperturi esterni u interni
b) tkompla x-xogħol fuq il-kmamar tal-banju u toilets
c) tkompla x-xogħol fuq ir-raised flooring u twapet
d) inħarġet is-sejħa għal xogħolijiet ta' inġinier ta' l-impjant
elettriku
e) saru stimi dettaljati fuq ix-xogħol ta' cabling tal-kompjuter
f) wara li jitlesta x-xogħol ta' installazzjoni tad-dawl u
wiring tal-kompjuter ikun jonqos xogħol ta' brix, tikħil u
tibjid
3. Li l-ex Zymotic Block li bħalissa jinsab ivvandalizzat jissewwa u jintuża bħal "Discovery & Archaeological Resource Centre" fejn it-tfal, speċjalment it-tfal ta' l-iskola ta' Malta kollha, jistgħu jmorru biex jitgħallmu b'mod interattiv fuq l-arkejoloġija u x-xjenza sa minn eta` żgħaira. Dan hu t-tielet fażi tal-proġett ta' Bighi u matul l-1999:
a) ġie approvat it-twaqqif ta' Project Group għal dan il-
Proġett
b) saru pjanijiet fuq kif għandhom jitqassmu ż-żewġ sulari
ta' dan il-blokk, b'sular iddedikat għall-arkejoloġija u
ieħor għax-xjenza
c) sar studju preliminarju fuq ċentri simili barra minn Malta
d) saru serje ta' laqgħat ta' ppjanar fuq l-esibiti meħtieġa
għal dan iċ-Ċentru kif ukoll fuq l-istaff meħtieġ
e) saru l-ewwel xogħolijiet fuq l-aperturi li kellhom jiġu
interrotti minħabba sgass ripetut fil-bini u vandalizzar
f) saret talba lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar biex titwaqqaf
"lqugħ temporanju" fid-daħla ta' Bighi sabiex nies mhux
awtorizzati ma jkomplux jisgassaw fil-biniu jivvandalizzaw.
Din il-fence għandha sservi wkoll biex jitnaqqas il-periklu
meta jkunu qiegħdin isiru x-xogħlijiet fuq is-sit.
4. Li l-ex Mental Ward jiġi restawrat u modernizzat biex jilqa' fih xi faċilitajiet oħra meħtieġa għall-kompless ta' Bighi. Dan ix-xogħol mistenni li jinbeda bħala r-raba' fażi tal-Proġett ta' Bighi.
5. Li l-ex Cot Lift, li bħalissa qiegħed jintuża bħala Child Care Centre, jerġa' jitħaddem biex jippermetti aċċess mill-baħar għat-tfal ta' l-iskola kif ukoll għat-turisti bħala parti integrali ta' mawra f'Bighi. Dan ix-xogħol, li hu l-ħames fażi tal-proġett ta' Bighi, sejjer jinbeda malli jinstab bini alternattiv tajjeb għaċ-ċentru.
6. Li l-West Wing ta' l-isptar li bħalissa jinsab bis-soqfa imġarrfa u biċċa mill-faċċata nieqsa jissewwa sabiex jintuża bħala l-Mużew Nazzjonali għax-Xjenza u Teknoloġija. Dan hu s-sitt fażi tal-proġett ta' Bighi u matul l-1999 saru studji preliminari fuq ix-xogħol meħtieġ, fuq il-finanzjament ta' dan iċ-ċentru u fuq id-disinn ta' ċentri/mużewijiet simili barra minn Malta.
Jista' l-Ministru jgħid meta Triq 10 ta' Settembru, 1456, f'Ħal Qormi se ssir? X'se jagħmel id-dipartiment dwar it-tajn li niżel minn din it-triq għal ġo Triq San Ġorġ? Sadanittant x'se jagħmel id-dipartiment meta ssir Triq 10 ta' Settembru, 1456, biex ma jinżilx volum ta' ilma fi Triq San Ġorġ b'periklu għar-residenti li joqogħdu hemmhekk?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li din it-triq hija mdaħħla fil-programm ta` xogħol li qed iħejji d-Dipartiment.
Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija ser nitlob lid-Dipartiment tat-Toroq biex jinvestiga din il-problema u jara x`azzjoni tista` tittieħed.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien fadallu żmien biex is-Sur Robert Laurenti - ex-Chief Executive ta' l-ETC, jagħlaqlu l-kuntratt?
Għaliex ġie tterminat l-kuntratt tas-Sur Robert Laurenti?
Kemm kellu remunerazzjoni skond il-kuntratt?
Kemm ħa f'terminal benefits, mal-waqfien tal-kuntratt?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li diġa tajt fil-Mistoqsija Parlamentari 10637.
Is-Sur Laurenti kien fadallu tmintax-il xhar biex jagħlaqlu l-kuntratt. Kien hemm il-ħsieb li s-Sur Robert Laurenti jiġi sekondat, a spejjeż tal-gvern, ma' koperattiva li għandha bżonn tmexxija aħjar u assistenza teknika ta' persuna midħla fis-sistemi koperattivi. Dan l-arranġament ma seħħx u għalhekk ma kienx jagħmel sens li l-Korporazzjoni jkollha, għal żmien relattiv twil, kemm 'Chief Executive' kif ukoll 'Chief Executive Designate'. Ir-remunerazzjoni li kellu s-Sur Laurenti skond il-kuntratt għaż-żmien li kien fadallu kien ta Lm10,000 fis-sena. Skond il-ftehim li intlaħaq bejn il-Korporazzjoni u s-Sur Laurenti, il-kuntratt ser jiġi terminat mill-1 ta' Jannar 2000, sa liema żmien is-Sur Laurenti ser jutiliżża l-leave tiegħu. L-ammont li ser jieħu s-Sur Laurenti f'terminal benefits hu ta Lm17,119.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-iskrivani li jaħdmu ma' l-Enemalta u li jagħmlu xogħol ta' segretarji, se jiġu promoted, ħalli jitħallsu tax-xogħol li jagħmlu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-grad ta` segretarja ma jezistix fl-istruttura tal-gradi ta` l-Enemalta. Hemm xi skrivani, li huma assenjati biex jahdmu ma` Managers jew Assistant Managers, li parti minn dmirijiethom huwa li jaghmlu xoghol ta` segretarja.
Il-Korporazzjoni irceviet talba minghand l-union li tirraprezenta lil dawn l-iskrivani bix jircievu allowance sakemm ikunu qed jaghmlu xoghol segretarjali. Il-Korporazzjoni ghadha qed tikkunsidra din it-talba.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir xi sleeping policeman jew xi forma oħra ta' deterrent fil-bidu ta' Triq Ħelsien, Qormi kantuniera ma' Triq l-Imdina, Qormi biex jiġu evitati inċidenti li ta' spiss iseħħu f'din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Irreferejt is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant għall-konsiderazzjoni tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku ħasbitx biex ittejjeb is-servizz tat-trasport pubbliku, għal area f'Ta' Farsina, Ħal Qormi peress li f'din l-area fejn jgħixu għadd kbir ta' nies, karozza tal-linja tgħaddi minn hemm kull siegħa biss?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku kienet għamlet arranġament biex ir-rotta 91 tibda topera minn ta` Farsina. Fuq insistenza tal-Kunsill Lokali din il-venda treġġet lura ħdejn il-knisja ta` San Ġorġ fis-17 ta` Awissu 1998.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif dwar il-kirjiet varji tal-postijiet tal-Gvern u l-bażi li fuqhom jinħadmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-kirjiet ta' postijiet tal-Gvern li jitbattlu u jerġgħu jinkrew huma regolati bl-Avviż tal-Gvern 202 tat-13 ta' Marzu 1987, kif amendat bl-Avviż 523 tas-7 ta' Lulju 1998. Kirjiet ta' postijiet ġodda ta' l-Awtorita' tad-Djar jinħadmu skond l-Ordinanza li Trażżan il-Kera fuq id-Djar, Kap. 116.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il student/a ġew irrifjutati li jbiddlu l-options tagħhom peress li xtaqu jieħdu xi A level wara li kienu għażlu li jieħdu O levels, fil-Higher Secondary School?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-talbiet kollha biex isir bdil fl-għażla ta' suġġetti ġew milqugħin sa tlett ġimgħat wara li fetħet l-iskola. Wara dan iż-żmien talbiet simili ma ġewx aċċettati u għaldaqstant l-iskola m'għandiex rendikont ta' kemm kien hemm studenti li xtaqu jibdlu.
Informat ukoll li r-raġunijiet għal din il-policy ġew spjegati mill-awtoritajiet ta' l-iskola waqt iż-żewġ laqgħat ta' informazzjoni li kienu saru għall-istudenti u l-ġenituri f'Awissu ta' din is-sena. It-tibdil fl-għażla ta' suġġett jikkaġuna diffikultajiet fit-Time Table u fl-ammont ta' għalliema li l-iskola jkollha bżonn. L-awtoritajiet ta' l-iskola sostnew li tlett ġimgħat huwa żmien xieraq biex l-istudenti jieħdu deċiżjoni finali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk li għandhom esperjenza ta' snin bħala segretarji, iżda m'għandhomx A levels, humiex se jiġu kkonsidrati għal school secretary fil-Higher Secondary School?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fis-Sejħa għall-Applikazzjonijiet li ġiet ippublikata fit-12 ta' Ottubru 1999 u li għalqet fid-29 ta' Ottubru 1999, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni laqgħet applikazzjonijiet mingħand applikanti li kellhom ħames suġġetti fis-Secondary Education Certificate (jew ekwivalenti) li tnejn minnhom intalbu fil-livell Advance Matriculation jew kellhom il-Full Certificate in Secretarial Studies ta' l-iskola Sir Hannibal Scicluna Secretarial School. Għaldaqstant se jkunu kkunsidrati dawk l-applikanti li għandhom il-kwalifiki kif mitluba fis-sejħa għal applikazzjonijiet kif pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern.