Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #13211 Sitting 231 2000-02-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Ċentri tas-Saħħa — Spiżjara

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex xi wħud mill-ispiżjara fil-health centres qed inaqqsu l-ammont tal-mediċina lill-pazjenti u jgħidulhom biex imorru għand it-tabib tagħhom biex jirrevedilhom ir-riċetta minħabba li qed jieħdu wisq mill-mediċina preskritta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-ispiżjara fiċ-Ċentri tas-Saħħa jnaqqsu l-ammont tal-mediċini lill-pazjenti biss f'dawk il-każi meta l-ammont ta' mediċina partikolari mitlub ikun jeċċedi l-massimu tad-doża rakkomandata mill-awtoritajiet farmaċewtiċi nternazzjonali w għalhekk jista' jkun ta' ħsara għas-saħħa tal-pazjent. F'każi bħal dawn il-proċedura hija illi l-ispiżjar jinforma lill-pazjent illi d-doża massima rakkomandata qed tiġi maqbuża. L-ispiżjar jiddispensa għal xahar l-ammont massimu li ma jeċċedix ir-regolamenti farmaċewtiċi, u javża lill-pazjent biex jikkonsulta lit-tabib tiegħu. Dożi aktar minn dawk rakkomandati jinħarġu biss jekk il-pazjent jippreżenta ċertifikat mit-tabib kuranti tiegħu, li jkun ħareġ ir-riċetta, fejn jikkonferma illi hemm bżonn dik id-doża żejda u jassumi r-responsabbilta' tagħha. Din il-proċedura hija konformi mal-liġi MKPO (Medical and Kindred Profession Ordinance) No. 30(2).
Leg 9 PQ #13212 Sitting 231 2000-02-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Qormi — Triq Sta. Katerina - Sqaq Nru.2

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitħammel l-isprall li jiġbor fih l-ilma tax-xita fi Sqaq Nru.2, fi Triq Sta. Katerina, Ħal Qormi, li minħabba li jinsab mimli, jista' fl-eventwalita' ta' xita qawwija bħalma kellna dan l-aħħar, jgħarraq id-djar ta' biswit?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onor. Membru hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġerilu li jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali interessat.
Leg 9 PQ #13213 Sitting 231 2000-02-01 Oral · Interim From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tal-Ħandaq - Pjanċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir il-manuntezjoni tal-pjanċi li jgħattu l-passaġġi li jinsabu fuq barra fl-iskola tal-Ħandaq, f'Ħal Qormi, minn fejn jgħaddu t-tfal għal klassijiet, minħabba li dawn huma imtaqqbin, bil-konsegwenza li meta tkun ix-xita, it-tfal jixxarrbu?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #13214 Sitting 231 2000-02-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tal-Ħandaq - Lockers

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu ntrodotti l-lockers għat-tfal li jattendu fl-iskola tal-Ħandaq, Qormi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma jirriżultax li xi studenti jew ġenituri qatt talbu li jkun hemm lockers. L-iskola hija lesta li tistudja l-possibilta` li jkun hemm lockers għall-istudenti. Informat ukoll li peress li f'din l-iskola tintuża s-sistema fejn l-istudenti jmorru fil-klassi tas-suġġett u mhux l-għalliem tas-suġġett imur fil-klassi, anke jekk ikun hemm lockers, ma jkunx possibli li jkunu viċin l-istudenti.

Day Centres — CSAs

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-applikazzjonijiet għal care workers ħarġux għas-CSAs li jaħdmu d-day centres biss, jew għas-CSAs kollha nklużi dawk li jaħdmu fid-djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għal "care workers" hija miftuħa skond id-dettalji murija fil-gazzetta tal-Gvern tas-7 ta' Jannar 2000.
Leg 9 PQ #13216 Sitting 231 2000-02-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel Speċjali — Adult Training Centres

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena l-Adult Training Centres humiex se jaċċettaw studenti li spiċċaw mill-Ispecial Schools?

Response (GALEA, LOUIS)

Nissuġġerixxi lill-Onor. Membru tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Leg 9 PQ #13205 Sitting 230 2000-01-31 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

Kummissarju tat-Taxxi Interni

Question

Issa li l-Ombudsman qed jirrikmanda bidla fil-liġi biex tingħata eżenzjoni fuq bażi individwali lil kull min japplika lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni fil-każ ta' rġiel separati bonarjament u li jħallsu l-manteniment, iżda xorta waħda baqgħu kkonsidrati bħala single għal finijiet ta' taxxa, jista' l-Ministru jgħid meta din il-bidla se ssir?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni qiegħed jeżamina x`emendi huma meħtieġa fl-Income Tax Act dwar dan is-suġġett. Dawn mistennija jkunu inkorporati f`Abbozz ta` liġi li jkompli jemenda l-Att dwar l-Income Tax fi żmien qasir.
Leg 9 PQ #13206 Sitting 230 2000-01-31 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Qormi - San Ġorġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-tfal ta' Primary School B, San Ġorġ, Ħal Qormi, ma jiddaħħlux qabel il-ħin meta jkun temp ta' xita, iżda jitħallew barra fix-xita jistennew, sakemm isir il-ħin ta' l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-bieb ta' l-iskola normalment jinfetaħ għat-tfal fit-8.20am biex it-tfal jibqgħu sejrin fil-kuritur għall-Assembly. Informat ukoll li f'każ ta' xita, il-bieb jinfetaħ malli tidħol l-ewwel caretaker biex it-tfal jibqgħu deħlin kif jaslu u jibqgħu deħlin dirtt fil-klassi peress li mhux possibli li ssir it-talba fil-kuritur meta tkun ix-xita. Flaħarnett informat li fl-iskola jeżistu arranġamenti ma' l-Ladies Circle ta' l-iskola sabiex dawn ikunu preżenti qabel il-ħin ta' l-iskola biex jgħinu jieħdu ħsieb it-tfal li jaslu kmieni.
Leg 9 PQ #13207 Sitting 230 2000-01-31 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tat-Taxxi — Refunds

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta d-Dipartiment tat-Taxxi se jħallas lura r-refunds fuq taxxa li tħallset żejda fis-snin l-imgħoddija?

Response (DALLI, JOHN)

Id-Dipartiment perjodikament iħallas ir-refunds fuq taxxa li tħallset żejda fis-snin l-imgħoddija, dejjem fil-limiti tal-flus ivvotati fil-Budget għal kull sena finanzjarja. Għas-sena 1999 il-limitu kien ta` Lm3,000,000 u matul l-1999 tħallsu refunds għal dan l-ammont. Għas-sena 2000 l-ammont involut huwa wkoll ta` Lm3,000,000 u huwa stmat li jitħallsu refunds għal dan l-ammont matul l-2000. Taħt is-sistema l-ġdida tas-self assessment, taxxa mħallsa żejda matul sena partikolari tiġi mħallsa lura fi żmien 6 xhur skond il-liġi u għalhekk dawn ir-refunds mhux se jibqgħu jinġemgħu.
Leg 9 PQ #13209 Sitting 230 2000-01-31 Oral · Interim From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Dipartiment ta' l-Oftalmoloġija - Appuntamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex appuntamenti fid-Dipartiment ta' l-Oftalmoloġija, fl-Isptar San Luqa qed idumu ix-xhur kbar biex isiru?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Risposta tingħata f'seduta oħra.

Mediċina Riopan Plus

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-mediċina Riopan Plus minn Lm1.21 saret Lm2.33?

Response (BONNICI, JOSEF)

Mhux korrett li jinghad li l-medicina tal-marka Riopan Plus gholiet minn Lm1.21c ghal Lm2.33c. Fil-fatt f`Dicembru 1998, il-prezz rakkomandat ghall-konsumatur tar-Riopan Plus 480mg x 350ml kien ta` Lm2.18c. F`Jannar 1999 il-prezz sar Lm2.21c u rega` nbidel ghal Lm2.33c f`Ottubru ta` dik is-sena. Tajjeb jinghad li dawn iz-zewg caqliqiet fil-prezz sehhew esklussivament minhabba tibdil fir-rata tal-kambju.
Leg 9 PQ #12747 Sitting 225 2000-01-24 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ħamrun - Każi ta' bullying

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar il-każ ta' bullying li twettaq fl-iskola M'Assunta, il-Ħamrun, it-Tnejn, 10 ta' Jannar, 2000?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-każ ġie riferut lill-Guidance and Counselling Unit u lill-iSchool Psychologist għal kwalunkwe azzjoni meħtieġa sew biex ikunu protetti tfal oħra mill-bullying, kif ukoll għall-ġid ta' l-istudenta nnifisha.
Leg 9 PQ #12748 Sitting 225 2000-01-24 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Nursing aides

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-applikazzjonijiet għal Nursing Aides li kienu ħarġu f'Awissu 1997? Għaliex dawk li applikaw qatt ma ġew imsejħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 11579.
Leg 9 PQ #12749 Sitting 225 2000-01-24 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tat-Turiżmu

ITS — Stipendju

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex studenti li għandhom il-freedom of movement u li jattendu għal xi kors fl-ITS ma jingħatawx stipendju bħal studenti oħra li jattendu f'istituzzjonijiet edukattivi bħal dawk ta' Targa Gap, il-Higher Secondary u l-Junior College?

Response (REFALO, MICHAEL)

Ninsab infurmat li r-regolamenti ta' l-'I.T.S.' fuq l-għotja ta' stipendji jesiġu li student ikun intitolat għal stipendju jekk dan, jew din, ikunu ċittadini ta' Malta. Għaldaqstant, student jew studenta li jkollhom passaport barrani, iżda li jkollhom wieħed mill-ġenituri tagħhom Maltin ma jkunux intitolati għal stipendju iżda dawn jingħataw it-tagħlim bla ħlas.

Qormi — Sqaq tal-Faħal - Tiswija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat li Sqaq tal-Faħal, limiti ta' Ħal Qormi, jiġi rranġat? Meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-Onor. Interpellant mitluba tagħti aktar informazzjoni dwar il-lokalita biex din tkun tista tiġi spezzjonata mill-Uffiċċjali tad-Dipartiment.
Leg 9 PQ #13025 Sitting 225 2000-01-24 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Proġett tal-Kavallier ta' San Ġakbu

Question

Jista' l-Ministru jagħti dan it-tagħrif dwar il-Proġett tal-Kavallier ta' San Ġakbu: (1) Kemm kien stmat li se jqum il-proġett; (2) Kemm fil-fatt ġie jiswa; (3) Kif intgħażel il-konsulent ewlieni; (4) Kemm tħallas il-konsulent s'issa u kemm hu stmat l-ammont finali; (5) Fid-dawl tan-natura ferm sensittiva ta' dan il-patrimonju nazzjonali għaliex ma saritx kompetizzjoni fuq bażi nazzjonali u ladarba l-konsulent ġie magħżul, għaliex il-proposti ma ġewx esebiti għal kummenti tal-pubbliku milli l-poplu ġie mogħti "fait accompli", speċjalment fid-dawl tan-natura kontroversjali ta' l-intervent fuq dan il-wirt storiku; (6) Għas-sit ta' l-Opera House kienu sar żewġ kompetizzjonijiet nazzjonali u ġew identifikati l-aħjar proposti. X'inhi r-raġuni li x-xogħol tal-konsulenza/disinn se jerġa' jingħata b'direct order, flimkien mal-bus terminus?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

1. L-istima tal-Proġett kienet fil-bidu ta' l-1995 ta' madwar Lm2,000,000. Din kienet ibbazata fuq 'Concept Designs' biss u kif il-proġett beda jiġi disinjat u t-tenders għax-xogħlijiet jinħarġu, din l-istess stima kienet qed tkun aġġornata. 2. Huwa stmat li meta jkun lest il-proġett ikun sewa Lm3,678,830. 3. Il-Konsulent ewlieni intgħazel wara sejħa pubblika għal turija ta' interess mingħand Periti għad-disinn ta' Ċentru Nazzjonali ta' l-Arti. Ġew mitfugħa 19 -il applikazzjoni li minnhom intgħazlet dik tal-Profs. Richard England. 4. Sa issa l-konsulent tħallas Lm157,350 u għad fadal madwar Lm20,000 x'jitħallas. 5. Bħal ma taf l-Onor. Interpellant, kompetizzjonijiet ta' din in-natura fuq bazi nazzjonali qatt ma taw rizultat mixtieq. Ezempju ċar huwa propju dak għall-iżvilupp tas-sit ta' l-Opera House, li huwa parti integrali ukoll mix-xogħol li sar fuq il-Kavallier ta' San Gakbu. Għalhekk ittieħdet id-deċiżjoni li minflok issir kompetizzjoni għad-disinn, kien ikun aħjar li jintgħażel Perit fost dawk li kienu interessati fil-proġett. B'dan il-metodu seta' isir aktar djalogu dirett ma' min ikun qiegħed jiddisinja u għalhekk ir-rizultat ikun ferm aħjar milli kieku wieħed jitħalla għal rasu u joħroġ disinn fi żmien qasir u li ma jkunx jirrifletti il-bżonnijiet tal-klijent. Bħal ma għidt diversi drabi, l-Gvern flimkien mal-Perit u l-Konsulenti l-oħra tiegħu dejjem qagħad attent biex bix-xogħol li jsir f'dan il-post, ma jsir xejn li jkun ta' dannu għall-wirt storiku tal-post. Il-pjanti kollha ġew sottomessi lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-approvazzjoni tagħhom u l-Awtorita' segwiet mill-qrib ix-xogħol kollu li sar. 6. Nixtieq infakkar lill-Onor. Interpellant li ż-żewġ kompetizzjonijiet nazzjonali li rreferiet għalihom it-tnejn taw rizultat negattiv. Bħal ma kien irrealizza l-Gvern ta' qabel fil-proposti tiegħu għall-Proġett 'Malta 2000', is-sit tat-Teatru Rjal ma jistax jiġi zviluppat waħdu imma jrid ikun qiegħed integrat mal-proposti l-oħra ta' Pjazza Ħelsien. Dak inhar Pjazza Ħelsien ġiet marbuta ma' l-izvilupp tat-Teatru Rjal u l-Bus Terminus kien qiegħed jitqies bħala proġett għalih indipendenti mill-izvilupp l-ieħor. Tħalla barra l-izvilupp ta' Bieb il-Belt li suppost li kellu jagħqqad dawn iż-żewġ proġetti flimkien. Għalhekk inħasset il-ħtieġa li, qabel ma nkomplu sejrin f'din it-triq, isir Master Plan għal din il-parti tal-Belt li tkun tinkludi l-izvilupp tas-sit tat-Teatru Rjal, l-izvilupp ta' Pjazza Ħelsien, Bieb il-Belt, il-Bus Terminus u l-inħawi ta' madwarhom. Dan li ġie mqabbad jagħmel il-Konsulent.
Leg 9 PQ #11405 Sitting 202 1999-12-07 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptarijiet — Appuntament għal lipid clinic

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex appuntament għal lipid clinic fl-isptar qed idum madwar sitt xhur?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ir-raġunijiet huma diversi: 1. Il-clinic issir darba fil-ġimgħa. Ikun hemm 17-il appuntament (sitta ġodda u l-oħrajn follow-ups). 2. Jattendi biss tabib wieħed u żewġ part time nurses. 3. Qiegħed ikun hemm ħafna `referrals' (15 `new referrals' fil-ġimgħa). Bil-ħatra ta' konsulent ieħor fid-Diabete u l-Endokrinoloġija, din il-klinika tibda ssir aktar spiss.
Leg 9 PQ #11579 Sitting 193 1999-11-30 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Nursing aides

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir b'dawk li applikaw għal nursing aides madwar erba' snin ilu? Għaliex ma ntbagħatx għalihom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-applikazzjonijiet li għalihom qed tirreferi l-Onor Interpellant kienu għall-kors ta' Nursing Aides b'risposta għal sejħa li ħarġet fil-Gazzetta tal-Gvern tat-22 ta' Lulju 1997. Billi m'hemm l-ebda intenzjoni li jinfetaħ kors ieħor ta' Nursing Aides għax il-``complement'' meħtieġ issa ntlaħaq, mhux ser tiġi proċessata s-sejħa għall-applikazzjonijiet msemmija.
Leg 9 PQ #11580 Sitting 193 1999-11-30 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Tal-Qroqq — Taraġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux veru li twaqqa' t-taraġ ta' ġewwa fl-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq? Jekk iva, għaliex? Kemm sewa flus?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Huwa veru li twaqqa` t-taraġ ta` ġewwa fl-Isptar il-Ġdid f'tal-Qroqq, minħabba li kien hemm bdil fid-disinji. Ix-xogħol sewa LM2000.