Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sta Venera — Upgrading ta' area

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir upgrading ta' l-area, fi Triq il-Batterija c/w Triq il-Palazz l-Aħmar, f'Sta Venera? U meta se jsiru arranġamenti tat-traffiku aħjar, bħal xi stop sign eċċ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li xogħolijiet ta` `upgrading` u ta` arranġamenti tat-traffiku ġeneralment isiru mill-Kunsill Lokali, u għalhekk l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Qormi — Bus shelters

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir xi tip ta' bus shelter għan-nies li jkunu qed jistennew Ħal Qormi, San Bastjan fl-area ta' ħdejn il-każin tal-banda Pinto?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fl-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku ma jirriżultax li hemm talbiet ta` din ix-xorta, madankollu, wieħed irid jara jekk hemmx lok ta` `Bus Shelter` fil-post imsemmi.

Adult Training Centres — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena l-adult training centres humiex se jaċċettaw studenti li spiċċaw mill-ispecial schools?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali s-sena l-oħra għamel il-pjanijiet tiegħu biex ikun jista' jilqa' persuni b'diżabilita' li jridu jimxu mill-iskejjel speċjali għall-"Adult Training Centres". Sabiex dawn il-pjanijiet ikunu jistgħu jitwettqu jkun jinħtieġ, fost ħwejjeġ oħra, r-reklutaġġ ta' aktar "care workers".
Leg 9 PQ #13732 Sitting 241 2000-02-15 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Suldati — Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-order of merit tal-kandidati li qagħdu għall-eżami għad-dħul bħala suldati fl-Armata?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba diġa' ġiet pubblikata u min għandu interess jivverifika jista' javviċina lid-Dipartiment ta' l-Eżamijiet.

Qormi — Ċimiterju

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta d-dipartiment se jsewwi t-turġien taċ-ċimiterju ta' Ħal Qormi (fuq in-naħa ta' wara) li tkissru minn trakkijiet li jgħaddu minn hemm?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li peress li dan it-tip ta` manutenzzjoni isir mill-Kunsill Lokali l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #13556 Sitting 240 2000-02-14 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxa — Pensjonanti

Question

Issa li l-pensjonanti ġew informati li l-ħlas tat-taxxa se jibda jinqata' mill-pensjoni tagħhom direttament, jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm xi threshold ta' kemm jista' pensjonant iħallas mill-pensjoni tiegħu bħala ħlas tat-taxxa?

Response (DALLI, JOHN)

L-ogħla rata li tista` titnaqqas mill-pensjoni hi skond ir-regoli tal-FSS. Tajjeb li wieħed jgħid li 89 fil-mija ta` dawk il-pensjonanti li qegħdin jinqabdu bit-taxxa għandhom rata ta` inqas minn 10 fil-mija tal-pensjoni.

Pensjonanti — Taxxa

Question

Issa li l-pensjonanti ġew informati li l-ħlas tat-taxxa se tibda tinqatagħlhom direttament mill-pensjoni, jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru tiegħu għamilx social impact assessment fuq kif jistgħu jiġu milquta ċertu pensjonanti, minħabba din il-miżura? Jekk dan l-impact assessment sar, x'jirriżulta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-miżura ġiet mdaħħla wara kunsultazzjoni mill-Għaqda tal-Pensjonanti u kien hemm ukoll pensjonanti li talbu direttament lid-Dipartiment biex it-taxxa titnaqqas mill-pensjoni. L-Onor. Interpellant messha tifhem li din il-miżura amministrattiva tevita li l-pensjonanti jkollhom iħallsu t-taxxa dovuta minnhom fl-aħħar tas-sena u minflok din tinfirex matul ix-xhur tas-sena. B'hekk, fl-aħħar tas-sena la jkollhom iħallsu taxxa u l-anqas ikollhom taxxa x'jieħdu lura. Din hi l-istess sistema li biha jħallsu l-impjegati kollha f'dan il-pajjiż.

ETC — Reġistrazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jirreġistraw għax-xogħol sa l-aħħar ta' Jannar, 2000 skond il-lokal minn fejn ġejjin? X'inhi l-eta' tagħhom, skond il-lokal tagħhom? X'inhuwa l-livell edukattiv tagħhom, skond l-eta' u l-lokal? Għal-liema mpjiegi qed jirreġistraw skond l-eta' u l-lokalita'? Kemm ilhom jirreġistraw, skond l-eta' u l-lokalita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mhux possibbli li din l-informazzjoni tinġabar fi ftit ġranet għaliex tirrikjedi eżerċizzju dettaljat wisq. Pero, l-Onor. Membru tista' tirreferi għall-istatistika ppubblikata mill-Uffiċju Ċentrali ta' l-Istatistika li fiha tweġiba għal uħud mill-mistoqsijiet tagħha.
Leg 9 PQ #13574 Sitting 240 2000-02-14 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet ta' inmates fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin li huma relatati ma' drogi? Jista' jagħti din l-informazzjoni bin-numru ta' persentaġġ ta' l-inmates kollha? Kemm hemm minnhom li huwa l-ewwel każ tagħhom? X'inhi l-eta' ta' l-inmates b'każijiet ta'drogi? Minn liema lokalitajiet ġejjin? Kemm hemm minnhom li qed jagħmlu l-programm ta' riabilitazzjoni mid-droga?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fis-6 ta` Frar, 2000, in-numru ta` priġunieri li kienu l-ħabs dwar każijiet relatati mad-droga kien ta` 106. Din il-figura tirrapreżenta 49% tal-popolazzjoni tal-ħabs. Ninsab infurmat ukoll li minn dawn il-106, in-numru ta` dawk li għalihom kien l-ewwel każ hu ta` 49, filwaqt li n-numru ta` dawk li fil-preżent qed jagħmlu programm ta` riabilitazzjoni mid-droga hu ta` 19. It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti dwar il-lokalitajiet mnejn ġejjin dawn il-persuni u l-etajiet tagħhom hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għajnuna soċjali — Karta Roża

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-eżerċizzju li ġie mħabbar fil-budget, dwar ir-reviżjoni ta' l-hekk imsejħa kartuna roża u safra, inbediex? Jekk inbeda, x'qiegħed isir? Jekk għadu ma nbediex, meta se jinbeda? Kif beħsiebu l-gvern jagħmel dan l-eżerċizzju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li l-ewwel fażi ta' l-eżerċizzju li ġie mħabbar fil-Budget dwar ir-reviżjoni ta' l-hekk imsejħa Kartuna Roża w Safra li jintitolaw persuna għal għoti ta' mediċini b'xejn inbeda. F'dan l-istadju ġie mwaqqaf kumitat fid-Dipartiment tas-Saħħa, u li fuqu hemm rappreżentant tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, biex tinġabar l-informazzjoni meħtieġa, bl-iskop li sussegwentement it-"Task Force" li għandha titwaqqaf u li ser tinkludi wkoll rappreżentant tal-Ministeru tal-Finanzi, jkollha bażi fuqhiex taħdem. Għaldaqstant hu indikat li għal aktar dettalji dwar l-istadju li wasal fih dan l-eżerċizzju, din il-Mistoqsija tiġi riferuta wkoll lill-Ministru nkarigat mis-Saħħa.

Santa Venera — Triq il-Batterija - Culvert

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentaru numru 11317, dwar il-culvert fi Triq il-Batterija f'Santa Venera,jista'l-Ministru jgħid fiex wasal id-dipartiment tat-toroq fil-pjani li kellu iħejji għal dan ix-xogħol kif indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija msemmija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li dan ix-xogħol isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment.

Qormi — Triq il-Ħelsien

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nurmu 11395, dwar is-sigurta' ta' dawk li jaqsmu Triq il-Ħelsin f'Ħal Qormi, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-istudju li d-Dipartiment kellu jagħmel dwar il-faċilita' għal pedestrians kif ġie indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija msemmija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-istudju għadu għaddej għaliex għalkemm jidher li jgħaddi aktar traffiku minn din it-triq milli wieħed jistenna f`żona residenzjali bħal din, irid jiġi stabbilit jekk dan hux qed jiġri minħabba li għaddej xogħol f`Imdina Road jew jekk hux traffiku li żdied fil-lokalita, u allura għad jibqa jgħaddi minn din it-triq.

Djar għall-Anzjani — Miżati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk id-djar għall-anzjani tal-privat li kellhom jgħollu l-miżati tagħhom minħabba l-miżuri li ħa l-Gvern fil-budget, bħalma kellhom jagħmlu d-djar tal-Knisja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-operat tad-Djar privati tal-anzjani huwa ta' natura kummerċjali u għalhekk il-miżati jiġu stabbiliti mid-domanda u mis-suq. Ir-rwol tal-Gvern huwa biss li jiġi aċċertat li jinżammu l-istandards stabbiliti.

Qormi — Triq 10 ta' Settembru 1456

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11568 dwar Triq 10 ta' Settembru 1456 u Triq San Ġorġ, Ħal Qormi, jista' l-Ministru jgħid meta Triq 10 ta' Settembru 1456 se ssir peress li ġie indikat fit-tweġiba li din it-triq hija mdaħħla fil-programm tax-xogħol u fiex wasal id-Dipartiment tat-Toroq fl-investigazzjonijiet li kellu jagħmel, kif indikat fit-tweġiba dwar il-periklu li jeżisti għar-residenti fi Triq San Ġorġ, minħabba l-iżdingar li hemm fi Triq 10 ta' Settembru 1456?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għalissa m`għandi xejn x`inżid fuq ir-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari Nru. 11568.
Leg 9 PQ #13554 Sitting 239 2000-02-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

Income tax — Rati

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' kemm tnaqqsu l-pagi b'riżultat taż-żieda fil-ħlasijiet tas-sigurta' soċjali u fir-rati ta' l-income tax? Skala, skala, mill-minimum wage 'il fuq: (a) għall-impjegati taċ-ċivil; u (b) dawk fis-settur privat, kif stipulat mil-liġi?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-indikazzjoni ta` dan ingħatat fid-diskors tal-budget u ma għandi xejn xi nżid.

Ministru għall-Politika Soċjali — Social impact assessment

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-ministeru tiegħu għamilx social impact assessment fuq kif il-livell ta' l-għajxien tal-ħaddiema qed jiġi milqut minħabba tnaqqis sostanzjali fil-pagi, b'riżultat taż-żieda fil-ħlasijiet tas-sigurta' soċjali u biż-żieda fir-rati ta' l-income tax? Jekk dan l-impact assessment sar, x'irriżulta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-istqarrija ta' l-Onor. Membru dwar 'tnaqqis sostanzjali fil-pagi, b'riżultat taż-żieda fil-ħlasijiet tas-sigurta' soċjali u biż-żieda fir-rati ta' l-income tax' ma naħsibx li tirrifletti l-verita'. Nassigura lill-Onor. Membru li l-miżuri li kellu jieħu dan il-Gvern fl-interess nazzjonali fil-"Budget" ta' din is-sena, ttieħdu wara konsiderazzjoni serja ta' l-impatt soċjali li dawn il-miżuri jista' jkollhom u mhux kif kien sar mill-Amministrazzjoni preċedenti meta kienu tħabbru ż-żidiet qawwija fir-rati tal-ħlas tad-dawl u l-ilma.
Leg 9 PQ #13213 Sitting 238 2000-02-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tal-Ħandaq - Pjanċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir il-manuntezjoni tal-pjanċi li jgħattu l-passaġġi li jinsabu fuq barra fl-iskola tal-Ħandaq, f'Ħal Qormi, minn fejn jgħaddu t-tfal għal klassijiet, minħabba li dawn huma imtaqqbin, bil-konsegwenza li meta tkun ix-xita, it-tfal jixxarrbu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tfassal pjan ta' xogħol ta' manutenzjoni estensiv fil-Liċeo Vassalli, Ħandaq li se jibda jitwettaq fil-futur qrib. Ix-xogħol li għalih irreferiet l-Onor. Membru huwa inkluż fl-imsemmi pjan.
Leg 9 PQ #13469 Sitting 238 2000-02-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Staff list

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se tiġi ppubblikata edizzjoni riveduta ta' l-istaff list ta' l-impjegati tal-Gvern?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li wara l-bidliet li saru dan l-aħħar mal-ħatra ta' l-Assistenti Diretturi, dalwaqt jinbeda l-proċess sabiex tiġi ppublikata Staff List ġdida għal nofs din is-sena.
Leg 9 PQ #13470 Sitting 238 2000-02-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Segretarji Permanenti — Bonus

Question

Jista'l-Prim Ministru jgħid x'perċentwali ta'bonus ħadu s-segretarji permanenti skond l-aħħar awards li saru?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-aħħar awards li saru kienu ta' l-1998. Għaldaqstant nirreferi l-Onorevoli Nterpellant għar-risposta li kont tajt bi tweġiba għal mistoqsija Numru 8834.