Legislature:
Category:
Reset
Active:

Avukat Ġenerali — Liġi dwar relazzjonijiet industrijali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-pariri legali ta' l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika dwar kuntratti definiti meta hemm xi employers li qed jabbużaw minn dawn it-tip ta' kuntratti għal skopijiet tagħhom biex jaħarbu mill-obbligi tal-liġi dwar relazzjonijiet industrijali billi lill-istess impjegat joqogħdu jagħtuh kuntratt definittiv ripetutament?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellanti biex tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Cruise liners — Passiġġieri

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-passiġġieri tal-cruise liners kollha qed jiġu miġbura minn taħt il-vapuri rispettivi permezz ta' char-a-bancs eċċ, filwaqt li lura jitniżżlu barra l-gate tat-terminal?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ħal Qormi — Triq l-Iljun - xogħol fuq il-parti tal-wied

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jispiċċa x-xogħol li nbeda fuq il-parti tal-wied fl-area ta' Triq l-Iljun, f'Ħal Qormi u li jibqa' sejjer sal-Marsa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6740.

Awtorita' tad-djar — Housing units mogħtija b'kera

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm ippjanati units (housing) li l-gvern se jagħti b'kera għal finijiet ta' social housing sa l-aħħar ta' din is-sena u fis-snin sussegwenti sa l-aħħar ta' din il-leġislatura?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li hu pjanat li sa l-aħħar ta' din is-sena l-Awtorita tad-Djar tgħaddi madwar 78 fond u sas-sena 2008 tgħaddi madwar 367 fond lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex jingħataw b'kera.

Awtorita' tad-djar — Bini ta' appartamenti f'Ħal Qormi

Question

Tista' il-Ministru tgħid xi pjani għandha l-housing authority għal bini ta' appartamenti f'Ħal Qormi? Liema huma l-areas maħsuba għal dan l-iskop?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li f'Mejju 2002, l-Awtorita' tad-Djar kienet issottomettiet applikazzjoni lill-MEPA għall-bini ta' 24 appartament fi Triq Valletta, Ħal-Qormi. Ninsab infurmata wkoll li din l-applikazzjoni tinsab pendenti sakemm tittieħed deċiżjoni mill-MEPA dwar it-tqassim tat-toroq f'din il-lokalita'.

MEPA — Permessi għal żvilupp ta' arei

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-areas mitluba għall-iżvilupp f'Ħal Qormi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Pjan Lokali Abbozz għaċ-Ċentru ta' Malta, maħruġ għall-Konsultazzjoni Pubblika f' Ġunju 2002, wera t-talbiet li kien jrċieva d-Direttorat ta’ l-Ippjanar fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex jiddaħħlu diversi biċċiet ta' art fl-Iskema tal-Bini ta' Ħal Qormi. L-areas mitluba mill-pubbliku jidhru f' Mappa Nru. 89 f' dan il-Pjan.

Rapport dwar l-esklużjoni soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk ir-rapport li kellu jitlesta sal-15/7/04 dwar l-esklużjoni soċjali tlestiex? Jekk tlesta, tista' tqiegħed kopja fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-rapport dwar il-Pjan Nazzjonali dwar il-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali tlesta fiż-żmien stipulat u ġie ppublikat fl-4 ta' Settembru 2004. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan ir-rapport.

Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għad fadal persuni li ngħataw kumpens fi flus minn quddiem it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji u għadhom ma tħallsux? Min huma? Kemm għandha tieħu kull persuna? Xi proċedura qed tintuża biex dawn jitħallsu? Jidhirlux li la l-Gvern kellu flus biżżejjed għall-festi, dawn il-persuni għandhom jingħataw il-kumpens li rebħu mingħajr aktar dewmien meta wieħed iqis li dawn ilhom jistennew li ssir ġustizzja magħhom għal numru kbir ta' snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi hemm 24 persuna li ngħataw kumpens fi flus mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji u ħlas għadu ma sarx. Minn dawn hemm disgħa każi fejn il-Gvern qed jikkontesta d-deċiżjoni tat-Tribunal fil-Qorti. F’disgħa każi oħra dan l-Uffiċċju qiegħed f’korrispondenza dwar id-deċiżjoni mid-dipartiment jew l-entità li trid tħallas. F’żewġ każi wasal biex isir il-ħlas u erbgħa każijiet oħra għadu kemm inbeda l-proċess li jwassal għall-ħlas tal-kumpens. M’hiex etika li nagħti dettalji ta’ min huma n-nies li għadhom ma tħallsux u kemm għandha tieħu kull persuna. Dwar il-proċedura li tintuża biex jitħallas il-kumpens, ninsab infurmat illi wara li tiġi evalwata s-sentenza tat-Tribunal u jiġi deċiż li ma hemmx każ ta’ ritrattazzjoni u l-Prim Ministru japprova l-ħlas, joħorġu l-struzzjonijiet neċessarji sabiex id-Dipartiment jew l-entità pubblika kif ikun il-każ, jaffetwa l-ħlas dovut.

Home ta' l-Anzjani fl-Imsida — Hairdressing

Question

Jista' il-Ministru jgħid b'liema mod jintgħażlu l-persuni biex jagħmlu xogħol ta' haridressing fil-Home ta' l-Anzjani fl-Imsida? Jista' il-Ministru jgħid jekk il-persuna li tagħmel dan ix-xogħol hjiex impjegata bħala cleaner fl-istess home?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent ġewwa l-Imsida Home m'hemm ħadd uffiċjalment impjegat bħala hairdresser. Madankollu, waħda mill-impjegati li taħdem bħala Part Time Social Assistant u li għandha esperjenza f'dan ix-xogħol qegħdha tagħti dan is-servizz f'din id-dar ta' l-anzjani.

Tiġrija taż-żwiemel — Permess

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6274, jista' il-Ministru jgħid għaliex ma ngħatax il-permess għat-tiġrija taż-żwiemel fit-triq ( by-pass ta' l-Imrieħel) organizzata fl-okkażjoni tal-festa ta' San Ġorġ, f'Ħal Qormi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda applikazzjoni bil-miktub għal dan l-permess.

Ikel fid-djar ta' l-anzjani

Question

X'tip ta' skrutinji qed isir fuq l-ikel li jiġi servut fid-djar ta' l-anzjani, kemm dak li jiġi preparat u msajjar inhouse,kif ukoll ta' l-outside caterers?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal ma kien isir qabel sew nies mid-Dipartiment kif ukoll l-Ispettur mill-Public Health Unit jagħmlu l-iskrutinji neċessarji fuq l-ikel kollu li jiġi servut fid-Djar ta' l-Anzjani, kemm dak li jiġi ppreparat u msajjar in house, kif ukoll dak ipprovdut mill-outside caterers.

VAT fuq id-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Prim Ministru jassigura li l-VAT fuq id-dawl u l-ilma mhux se tgħaddi fuq il-konsumatur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-mistoqsija hi ipotetika. F’materja ta’ tassazzjoni ebda Gvern responsabbli ma jista’ jagħti xi assigurazzjoni bħal ma qed tintalab. Madanakollu żgur li dan il-Gvern mhux ser jagħmel bħal ma għamel il-Gvern Laburista meta qabad u żied ir-rati tad-dawl u l-ilma bl-addoċċ.

Imsida home — Airconditioners

Question

Jista' il-Ministru jgħid hux minnu li l-airconditioners fl-Imsida Home humiex bil-ħsara? Jekk iva meta se jissewwew?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li ġrat xi ħsara fis-sistema ta' l-arja kondizzjonata fid-Djar ta' l-Anzjani ta' l-Imsida, d-Dipartiment ħa l-passi kollha meħtieġa biex kollox jiġi għan-normal fl-iqsar żmien possibli. Fil-frattemp, biex jittaffa l-inkonvenjent ġew mixtrija numru konsiderevoli (50) ta' fannijiet sakemm kollox jiġi għan-normal.

Imsida Home

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi proċedura tiġi segwita dwar ilmenti li jitressqu quddiem min hu in charge fl-Imsida Home?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal ma kien jiġri sal-lum kull ilment li jitressaq quddiem l-persuna in-charge fl-Imsida Home jiġi trattat skond il-gravita tiegħu. Dawk l-ilmenti li jitqiesu bħala minuri jiġu trattati immedjatament mill-persuna in-charge innifsu Meta l-persuna in-charge mill-Home iqis l-ilment imressaq huwa aktar serju, dan jirreferi l-ilment bil-miktub lid-Direttur għall-Anzjani u Kura fil-Komunita' biex jikkonsidra l-każ u eventwalment tittieħed deċiżjoni. Madankollu, jista' jagħti l-każ fejn id-Direttur jordna li jsiru aktar investigazzjonijiet meta l-każ involut jimmerita din l-attenzjoni.

Mediċini — Out of Stock

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex mhux tingħata garża (gauze) miċ-Ċentru tas-Saħħa u l-Isptar lil dawk li huma eliġibbli biex jieħdu mediċini b'xejn? Jista' jgħid għaliex dan ir-rekwiżit bażiku għal kura huwa out of stock ukoll f'SVDP Residence?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar, risposta tingħata f'xi seduta oħra.

WSC — Postijiet tal-kiri - kontijiet pendenti tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jistax jikkonsidra li tinstab sistema aktar ġusta rigward kontijiet pendenti tad-dawl u l-ilma fuq postijiet tal-kiri għax ikun hemm ħafna każi fejn meta jidħlu inkwilini ġodda jkollhom iħallsu l-kontijiet ta' ħaddieħor?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li ftit taż-żmien ilu kienet introdotta proċedura li l-inkwilin (f'każ ta' kiri) li jrid jaqleb il-kontijiet fuqu jintalab depożitu ta' LM200 biex il-kont jinqaleb fuqu u fl-istess ħin ikun hemm garanzija biex meta jitlaq il-post l-inkwilin ma jħalliex dejn mal-Korporazzjoni . Naturalment kien hemm reazjoni negativa għal dan id-depositu u l-Korporazzjoni qeda tistudja tistax issib sistema aktar ġusta għall-konsumaturi kollha. Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi każ speċifiku, jista' jgħaddi l-informazjoni biex il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma tkun tista' tindaga aħjar.

WSC — Service charge fuq kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu s-service charge li dan l-aħħar deher fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma? Jista' jgħid ta' xiex qed iħallsu l-konsumaturi?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li s-service charge fil-kont tal-WSC hija l-kera tal-meter ta' l-ilma. Ir-rata tal-kera għal kont domestiku hija ta' LM12 fis-sena.

Malta Enterprise — Uffiċini Ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid fuq liema kriterji fl-area fejn hemm uffiċċini l-ġodda tal-Malta Enterprise fl-Industrial Estate, San Ġwann, ittieħed spazju kbir għal reserved parking għal din l-interpriża, bil-konsegwenza li nħolqu problemi għal impjegati ta' kumpaniji oħra li mhux isibu spazju għall-parking tal-vetturi tagħhom?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Ħal Luqa — Librerija reġjonali

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi miftuħa mill-ġdid il-librerija reġjonali ta' Ħal Luqa li ngħalqet fil-25 ta' Mejju 2004 minħabba x-xogħol ta' kostruzzjoni fl-iskola primarja tal-lokal?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-librerija Reġjonali ta' Ħal Luqa topera mill-iskola primarja tal-Lokal fejn bħalissa qed isir xogħol ta' kostruzzjoni.

WSC — Postijiet tal-kiri - kontijiet pendenti tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jistax jikkonsidra li tinstab sistema aktar ġusta rigward kontijiet pendenti tad-dawl u l-ilma fuq postijiet tal-kiri għax ikun hemm ħafna każi fejn meta jidħlu inkwilini ġodda jkollhom iħallsu l-kontijiet ta' ħaddieħor?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.