Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqatgħu persuni minn fuq ir-reġistru tax-xogħol minn Settembru 1998 sal-lum? Minn liema lokalitajiet ġejjin dawn il-persuni? Kemm nisa w irġiel? X'etajiet għandhom? Ir-raġuni għaliex inqatgħu? Kemm kienu ilhom jirreġistraw? Kienu miżżewġin, single jew single parents? Dawk li nqabdu jabbużaw, f'liema negozju, xogħol inqabdu li qegħdin jaħdmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'ħiliet, x'taħriġ u x'background akkademiku se jiġu kkuosidrati u l-ordni ta' prijorita' ta' dawn, għal kariga ta' head of homes li l-applikazzjoni għaliha ħarġet dawn l-aħħar xhur? Kemm applikaw għal dan il-post? Xi kwalifiki u x'esperjenza għandhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru qed tinġabar u t-Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti l-ismijiet tal-membri maħtura fuq il-bord ta' St Vincent de Paule Residence, fuq il-Bord tar-Residential Homes ta' l-Anzjani u fuq il-Bord tal-Home Helpers għall-anzjani? Il-membri fuq dawn il-bordijiet jieħdu renumerazzjoni? Jekk iva, kemm? Min huma dawk il-membri f'dawn il-bordijiet li għandhom is-servizz ta' karozza tal-kiri mħallsa mill-gvern jew ta' karozza tal-gvern? Għaliex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Bord għad-dħul fir-Residenza San Vinċenz de Paule mill-komunita' huwa kompost minn:
Dr R Fiorentino (Aġent Supretendent Meddiku)
Dr A Fiorini (Konsulent)
Dr M Said (Tabib)
Ms B Psaila (Social Worker)
Rappreżentant mill-Medical Records tar-Residenza San Vinċenz de Paule, Segretarju.
Fil-każ ta' dħul fir-Residenza San Vinċenz de Paule mill-Isptar San Luqa, x-xogħol tal-Bord jiġi fdat lil wieħed minn żewġ tobba ta' San Vinċenz - Dr J Dimech jew Dr Z Teebi - flimkien mas-Supretendent Mediku ta' l-Isptar San Luqa.
Il-Bord għad-dħul fid-Djar Residenzjali fil-Komunita' huwa kompost minn:
Dr R Fiorentino (Aġent Supretendent Mediku)
Dr G Bugeja (Konsultent)
Ms M Gauci (Ko-ordinatriċi - Djar Residenzjali)
Ms B Psaila (Social Worker)
Ms A Azzopardi (Segretarja)
Il-Bord għall-għoti tas-Servizz ta' Għajnuna fid-Dar (Home Help) huwa kompost minn:
Ms E De Lucca (Uffiċjal Inkarigat mis-Servizz ta' għajnuna fid-Dar)
Mr V Scerri (Senior Social Worker)
Ms B Psaila (Social Worker)
Dr S Mangion (Tabib fir-Residenza San Vinċenz de Paule)
Mr A Bezzina (Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita')
Ħadd mill-membri ta' dawn il-bordijiet ma jirċievi xi remunerazzjoni jew xi kumpens ieħor għax-xogħol li jagħmel f'dan il-kuntest.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li jitqiesu biex anzjani jidħlu f'St Vincent de Paule Residence? X'inhuma l-kriterji biex anzjani jidħlu fir-residential homes? X'inhuma l-kriterji biex anzjani jingħataw il-home help? X'waiting list hemm għad-dħul f'St Vincent de Paule Residence għar-residential homes u biex jingħataw home help?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13949 għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha jidhru separatament u li huwa inmate fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin, ikun eskortat mill-pulizija u mhux mill-iSpecial Response Team meta jkun ma jiflaħx? U għaliex ma jitteħidx f'St. Michael's Ward? Jista' jgħid ukoll kemm-il darba ġie eskortat għax kien ma jiflaħx?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-persuna indikata mill-Onor. Interpellanti, l-aħħar li ddaħlet il-ħabs kien fil-15 ta` Ottubru 1999. Minn dakinhar, sal-15 ta` Frar 2000, din il-persuna ttieħdet tlett darbiet l-isptar San Luqa u tmien darbiet l-isptar Monte Carmeli.
Ninsab infurmat ukoll li priġunier li jkollu bżonn li jittieħed ġo sptar dejjem jiġi skurtat mill-Pulizija, ħlief meta jkun hemm xi każ ta` emerġenza, f`liema każ l-iskorta ssir mill-membri ta` l-SRT biex ikun żgurat li ma jintilifx ħin biex il-priġunier jitwassal għal kura.
Għalkemm St. Michael`s Ward huwa dikjarat bħala parti mill-ħabs, din tinfetaħ biss fuq l-ordni tal-konsulent mediku konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi raġuni li diabetiċi dan l-aħħar bdew jiġu mitluba jieħdu flixkun vojt biex jingħataw surgical spirit, meta marru fl-ispiżerija tal-Gvern fil-Health Centre f'Ħal Qormi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-flixken li fihom jingħata is-surgical spirit lid-dijabetiċi kienu temporanjament out of stock fl-ispiżerija fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Ħal Qormi fl-ewwel ġimgħa ta' Diċembru.
Jista' l-Minsitru jgħid kemm-il assignment ingħataw l-external accountant jew auditors li ġew mogħtija l-ġurament fi żmien il-gvern Laburista preċedenti biex jinvestigaw abbużi fit-returns ta' l-income tax? Jekk ingħataw dawn l-assigments lil min ingħataw?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ngħataw 14-il assignment. Ma naħsibx li għandi noqgħod insemmi l-ismijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm swietu lil gvern l-ispiża fuq refund ta' stock li n-nies tan-negozju ġew mġiegħla jiddikjaraw li kellhom sa Diċembru 1998? X'miżuri ħa l-gvern biex dak li ġie ddikjarat min-nies tan-negozju ġie vverifikat?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-somma mitluba mill-operaturi tan-negozju għall-ħlas lura tat-taxxa tas-sisa fuq ħażniet kummerċjali miżmuma fil-31 ta`Diċembru 1998 kienet ta` Lm21.2 miljuni. Sa` l-4 ta` Frar 2000, id-Dipartiment tal-VAT kien approva l-ħlas ta` Lm14.5 miljuni. Xi talbiet ġew miżmuma billi d-dipartiment dehrlu li ma kinux jissodisfaw l-kondizzjonijiet ta` l-avviżi legali li jirregolaw il-ħlas lura tat-taxxa tas-sisa.
Fost il-miżuri li ħa d-Dipartiment biex jeżamina t-talbiet, ġew eżaminati l-istock lists kollha li l-operaturi tan-negozju kellhom jissomettu ma` l-applikazzjoni, sabiex jiġi żgurat li kull prodott li fuqu intalab refund kien taxxabbli. Kull fejn inħasset il-ħtieġa, saret ukoll verifika permezz ta` accountants u awdituri professjonali u inspectors tad-Dipartiment, ta` l-istokk, trading accounts u records oħra ta` l-operaturi tan-negozju li għamlu talba għal ħlas lura tat-taxxa tas-sisa. B`kollox kien hemm 1,376 operaturi tan-negozju li saritilhom verifika bħal din.
B'riferenza għall-avviż għall-għanijiet ta' l-Att ta' l-1996 dwar gwardjani privati u lokali (Att Nru. XIII ta' l-1996) nru 898 maħruġ fil-gazzetta tal-gvern nru.16,878 bid-data tas-26 ta' Novembru, 1999, paġna 8266, għaliex il-lista ta' l-applikazzjonijiet li rċieva l-Kummissarju tal-pulizija skond l-artikoli 7 u 8 ta' l-Att ta' l-1996 dwar gwardjani privati u lokali, ma ġietx stampata kif attwalment jindika l-avviż imsemmi? Jista' l-Ministru jagħti din il-lista ta' l-applikazzjonijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Peress li l-Avviz No. 898 fil-Gazzetta tal-Gvern tas-26 ta` November 1999 ġie pubblikat mill-Kummissarju tal-Pulizija, l-mistoqsija ghandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega ż-żidiet li ġew imħabbra f'Legal Notice 10 of 2000: Social Security Act (Cap 318); increase in the rates of benefits order 2000? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar dawn ir-rati, sena b'sena mill-1990 sas-sena 2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rati ta' benefiċċji mitluba minnha dejjem ġew ippublikati u mqegħda fuq il-Mejda ta' din il-Kamra, jew fl-emmendi għall-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318) jew permezz ta' Avviżi Legali li jemmendaw l-istess rati.
Għalhekk l-informazzjoni mitluba diġa' hija ppublikata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm xahar b'xahar minn Settembru 1999 sa Jannar 2000 ħaddiema, nisa w rġiel separatament li kienu qed jaħdmu fis-settur differenti tax-xogħol fuq din il-bażi:- B'kuntratt definit, b'kuntratt indefenit, fuq bażi ta' casual worker, fuq bażi ta' outworker, fuq bażi ta' apprendist, fuq bażi ta' student, fuq bażi part-time u fuq bażi fulltime?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-obbligi ta' min iħaddem u ta' l-impjegat, fir-rigward ta' kondizzjonijiet tax-xogħol, per eżempju: Ħinijiet ta' xogħol u paga minima (skond ix-xogħol li jagħmel), ħlasijiet tas-sigurta' soċjali, income tax eċċ, meta l-impjieg ikun:- B'kuntratt definit, b'kuntratt indefinit, fuq bażi ta' casual worker, fuq bażi ta' outworker, fuq bażi ta' apprendist, fuq bażi ta' student, fuq bażi part-time u fuq bażi fulltime?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u r-risposta tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'jiġri issa li ddaħħlet il-VRT meta persuna li jkollha bżonn tagħmel xi tiswijiet fil-vettura tagħha biex tkun konformi mal-liġi, jkollha tistenna biex tagħmel dan minħabba li l-aġent ma jkollux l-ispare parts għall-vettura partikolari? Min se jkun responsabbli għal dan id-difett fil-vettura?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il aġenzija ta' gwardjani lokali applikaw għal-liċenzja lill-kummissarju tal-pulizija? Min huma dawn l-aġenziji?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Kummissarju tal-Pulizija rċieva tmien applikazzjonijiet għall-għoti ta` liċenzja għal aġenzija ta` gwardjani lokali.
L-aġenziji li applikaw huma :
Assco Group Limited, Birkirkara;
Group 4 Securitas (Malta) Limited, Guardamangia;
Group 4 Security (Malta) Limited, Guardamangia;
The Guard & Warden Service House Limited, Msida;
Security Service Malta Ltd., San Ġwann;
Sterling Security Co. Ltd., Qormi;
Is-Sur Peter Stilon, Sliema (applika bħala individwu);
Securtiy & Consultancy Services Ltd., Sliema.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jasal is-safety equipment għall-ħaddiema fit-taqsima tad-drenaġġ? Jista' jgħid x'tip ta' taħriġ ingħataw il-ħaddiema tat-taqsima tad-drenaġġ dwar is-saħħa w is-sigurta' tagħhom fuq ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru għall-Ambjent.
Jista' l-Ministru jgħid meta persuna tkun responsabbli li tagħmel triq, u din ma tagħmilhiex, x'inhuma l-passi li l-gvern jieħu kontra dan in-nuqqas?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li skond il-liġijiet Maltin, kull persuna li tibni għandha d-dover li tibni t-triq ukoll sal-livell tal-qatran. Wara dan id-Dipartiment tat-toroq suppost li jidħol biex jagħti l-wiċċ ta` l-istess triq. Sfortunatament huma ftit ħafna dawk li jibnu t-triq kif suppost, u għalhekk l-istess Dipartiment tat-Toroq qed ikollu jibni t-toroq minn taħt.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li fuqhom jingħataw il-ħrieqi lill-anzjani? Kemm hemm anzjani li qed jieħdu l-ħrieqi? Kemm hemm talbiet ta' anzjani pendenti biex dawn jieħdu l-ħrieqi? Kemm hemm anzjani li jħallsu għall-ħrieqi u kemm hemm anzjani li ma jħallsux?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-ħrieqi bi prezz issussidjat jingħataw lill-applikanti li għandhom 60 sena jew aktar u li huma ċertifikati li għandhom problema ta' kontinenza.
Total ta' anzjani li qed jieħdu l-ħrieqi huwa ta' 1473.
Talbiet ta' anzjani pendenti biex jieħdu l-ħrieqi m'hemm xejn.
Hemm 1393 anzjani li jieħdu l-ħrieqi bi ħlas u 80 li jieħdu l-ħrieqi b'xejn.