Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawk in-nisa tal-female section tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin li talbu biex jidħlu fi programm ta' riabilitazzjoni mid-droga għand il-Caritas u għand is-Sedqa, ġew aċċettati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li mill-priġunieri nisa li preżentament qegħdin fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin, ħadd minnhom ma talab biex jattendi għal xi programm ta` riabilitazzjoni mid-droga.
Ninsab infurmat ukoll li kemm ilu fis-seħħ ir-Regolament li priġunieri jistgħu jingħataw prison leave biex isegwu programm ta` riabilitazzjoni mid-droga kien hemm 5 priġunieri nisa li ntbagħtu fl-istituzzjonijiet indikati fil-Mistoqsija.
Sptar San Luqa — Dipartiment ta' l-Oftalmoloġija - Appuntamenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex appuntamenti fid-Dipartiment ta' l-Oftalmoloġija, fl-Isptar San Luqa qed idumu ix-xhur kbar biex isiru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-waiting list għal appuntamenti ta' każi ġodda hi madwar 5 - 6 ġimgħat.
Jekk pazjent ikun irid appuntament urġenti dan jista' jiġi l-Ophthalmic Casualty Service u jiġi eżaminat dakinhar stess.
Jekk l-Onor. Membru għandha xi każ partikulari tista' tgħaddili l-informazzjoni skond kif indikajt fir-risposta għad-Domanda Nru. 13567 f'seduta 235.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13732, peress li nħoss li huwa fl-interess pubbliku, u l-għola istituzzjoni tal-pajjiż, il-Parlament, għandha kull dritt li tkun taf x'inhija l-order of merit tal-kandidati li qagħdu għall-eżami għad-dħul bħala suldati fl-armata, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dan it-tagħrif?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għal-liema raġuni ġiet mibdula l-klassifikazzjoni ta' l-HS Code, fejn għolew id-dazji fuq apparat ta' reception tas-satallite, fejn ogħla minn 8% għal 25%? X'numru ta' klassifikazzjoni kien sa l-aħħar ta' l-1999 bid-dazju relatat tat-8% u x'numru ta' klassifikazzjoni huwa llum bid-dazju ta' 25%?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li wara li sar studju tekniku fuq l-elementi li jiffurmaw l-apparat li jirċievi sinjali televisivi bis-satellita, l-Kumitat tal-`Harmonised System` tal-`World Customs Organisation` iddeċida li `receivers` ta` apparat bħal dan, għandhom jiġu iklassifikati taħt H.S. 8528.12.
Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata b`emenda li saret fil-`Harmonised Commodity Description and Coding System` tal-W.C.O. u għalhekk qed tiġi applikata minn dan id-Dipartiment.
Fl-aħħar tas-sena 1999 din il-kassifikazzjoni kienet diġa qiegħda tiġi applikata.
Jista' l-Ministru jara jekk il-pulizija jistgħux jikkonfiskaw apparat elettroniku, bħal computer hard discs, biex jieħdu tagħrif ta'natura kummerċjali u personali minn stabbilimenti kummerċjali u djar privati? X'safeguards hemm għat-tagħrif li jkun ittieħed mill-hard discs?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija ma tikkonfiskax oġġetti, iżda tista` televa kull oġġett li jista` jkun utli għall-investigazzjoni. L-operat tal-Pulizija waqt l-investigazzjoni huwa soġġett għall-liġi kif previst fil-Kodiċi Kriminali.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13573, dwar kemm hemm persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol sa l-aħħar ta' Jannar 2000 skond il-lokal minn fejn ġejjin, x'inhi l-eta' tagħhom, skond il-lokal tagħhom? X'inhuwa l-livell edukattiv tagħhom skond l-eta' u l-lokal? Għal-liema mpjiegi qed jirreġistraw skond l-eta' u l-lokalita'? Kemm ilhom jirreġistraw, skond l-eta' u l-lokalita', maqsumin skond is-sessi?
Peress li t-tweġiba tal-Ministru irriferitni għall-istatistika ppubblikata mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika u peress li din l-istatistika ma tagħtix ħafna mill-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija, u wkoll ħafna mill-informazzjoni li tingħata mhux organizzata bil-mod mitlub, jista' jagħtiha, anke jekk jieħu ċertu żmien?
Il-Viċi Prim Ministru ma jarax li eżerċizzji bħal dawn huma meħtieġa, għall-analisi, biex wieħed jifhem xi trends li jista' jkun hemm? Ma jarax li eżerċizzjoni bħal dawn huma meħtieġa wkoll għal ċertu ppjanar strateġiku f'dan il-qasam importanti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif qalet l-Onor. Membru fil-Mistoqsija tagħha biex tinġabar l-informazzjoni mitluba fil-forma li talbet hi jenħtieġ ħafna żmien u użu ta' kwantita' ta' riżorsi umani li bħalissa huma meħuda kważi kompletament fuq ġbir ta' nformazzjoni biex jitwieġbu Mistoqsijiet Parlamentari.
Jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid dwar xiex ġew reġistrati t-tilwim industrijali minn Settembru, 1998 sa l-aħħar ta' l-1999 u minn liema trade union?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-Tilwim Industrijali li ġie reġistrat minn Settembru 1998 sa' l-aħħar ta' l-1999 kien fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw ftehim kollettiv, kondizzjonijiet ta' xogħol, impjegati individwali, "union recognition" u temm ta' impieg.
It-trade unions involuti kienu:
General Workers Union
Union Ħaddiema Magħqudin
Drydocks Senior and Executive Staff Union
Casino Employees Union
Union Ħaddiema General Soft Drinks
Union Gradwati Maltacom
Malta Union of Bank Employees
Union of Water Services Corporation Professionals
Enemalta Senior Staff Union
Malta Union of Midwives and Nurses
Union tal-Professjonisti ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar
Enemalta Professional Officers Union
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet li għamel il-Ministeru s-sena l-oħra dwar l-adult training centres u x'inhuma l-ħwejjeġ li jenħtieġu biex dawn il-pjanijiet jitwettqu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali s-sena l-oħra għamel il-pjannijiet tiegħu biex ikun jista' jilqa' persuni b'diżabilita' li jridu jimxu mill-iskejjel speċjali għal "adult training centres".
Dawn il-pjannijiet kienu jinkudu
a) talba biex jiżdiedu l-finanzjament għal dawn iċ-Ċentri ħalli nkunu nistgħu nimpjegaw aktar "careworkers" u professjonisti oħra li jkunu jistgħu jieħdu ħsieb dawn il-persuni.
b) l-ingaġġ ta' Assistent Kap li jieħdu ħsieb dawn iċ-Ċentri u l-programm ta' transizzjoni.
c) kuntatti mill-qrib mad-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni biex jitħejja programm ta' transizzjoni individwali għal kull persuna konċernata.
d) studju dwar il-ftuħ ta'Ċentru ġdid.
Rigward l-ewwel talba, għaddejjin diskussjonijiet intensivi biex iċ-Ċentru jkollu l-finanzjament meħtieġ. Nittama li fi ftit tal-ġimgħat oħra ikunu jistgħu jiġu ingaġġati "careworkers" u professjonisti oħra neċessarji.
L-Assitent Kap (Grad 5) għal dawn iċ-Ċentri inħatar u diġa beda jaħdem, fost l-oħjar, fuq dan il-programm inkuż kuntatt mill-qrib mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u kull Ċentru individwalment biex f'Settembru li ġej dawn il-persuni jkunu ppreparati jieħdu s-servizzi li jipprovdu dawn iċ-Ċentri.
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', f'isem il-Ministeru, għada kemm lestiet rapport inizjali dwar Ċentru ġdid. Il-Ministeru ser ikompli jaħdem fuq din l-"issue" minħabba li fil-futur qarib, ma hemm dubju, li ser ikun hemm bżonn ta' Ċentru ieħor għalhekk mhux neċessarjament li jiffunzjona bl-istess mod li qed jiffunzjonaw dawk preżenti.
Barra minhekk il-Ministeru flimkien mal-Kummissjoni imbarkat fi programm ta' taħriġ lill-"careworkers" li qegħdin jaħdmu f'dawn iċ-Ċentri.
Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq id-dipartiment fuq kampanji ta' prevenzjoni kontra t-tipjip, mill-1989 sa l-1999 sena b'sena? Kemm intnefqu flus fuq l-ismoking cessation clinics minn meta twaqqfu, sena b'sena? Jista' jgħid ukoll il-kampanji ta' prevenzjoni lejn min qed ikunu ndirizzati, per eżempju, tfal, adulti, eċċ.?
Response (DEGUARA, LOUIS)
a) Infiq f'kampanji ta' prevenzjoni kontra t-tipjip:-
1989 - 1993 F'dan iż-żmien ma hemmx rekords li
kienu jsiru kampanji nazzjonali
kontra t-tipjip.
1994* approx. Lm3000
1995 approx. Lm2000
1996* approx. Lm5000
1997 approx. Lm2000
1998* bejn Lm2000 - Lm3000
1999 bejn Lm5000 - Lm6000
* f'dawn is-snin saret il-kampanija `Ieqaf u Irbaħ'
b) Is-Smoking Cessation Clinics bdew fl-1991 u l-infiq sena
b'sena kien kif ġej:-
1991 Lm320
1992 Lm968
1993 Lm504
1994 Lm1028
1995 Lm960
1996 Lm412
1997 Lm408
1998 Lm144
1999 Lm248
c) Il-kampanji ta' prevenzjoni huma mmirati lejn il-pubbliku
ġenerali b'enfasi partikulari fuq iż-żgħażagħ u biex iħajru
lil dawk li jpejpu biex jieqfu.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li l-Water Services Corporation iddeċiedit unilitteralment li kull residenza f'areas bħal Mellieħa, fejn hemm għadd ta' holiday flats mhijiex residenza permaneneti iżda hija residenza tas-sajf, bil-konsegwenza li m'humiex jieħdu r-rebate li suppost u lanqas ma rċevew l-Lm10 tal-kumpens tal-ħobż?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-kumpens ta` ghaxar liri qed jinghata lil kull persuna residenti f`Malta u Ghawdex. Il-hlas isir lill-persuna fl-indirizz fejn hi registrata mal-Korporazzjoni ghas-Servizzi ta` l-Ilma u fejn tircievi s-sussidju tad-dawl u l-ilma.
Ghaldaqstant ma ttiehdet ebda decizjoni kif allegat fil-mistoqsija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il każ ġie rrapportat ta' tilwim jew abbużi minn anzjani dwar il-home helpers tagħhom? Kemm-il każ ġie rrapportat ta' tilwim jew abbużi minn home helpers dwar l-anzjani assenjati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li kemm ilu li nbeda s-servizz (Home-Help) fil-1988, ġew irrapurtati każi ta' abbużi/tilwim li huma ftit fin-numru. Dawn ir-rapporti jvarjaw bejn ix-xogħol li jsir mill-helper u wkoll x'jistennew l-anzjani mill-helpers. Ta' min jgħid li kien hemm każi fejn is-servizz kellu jiġi sospiż minħabba ċertu tilwim u/jew abbużi tas-servizz.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm social workers assenjati għal St Vincent de Paule Residence u kemm hemm social workers assenjati għal residential homes?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-anzjani għandu pool ċentrali ta' Social Workers li jiġu assenjati xogħol fil-qasam ta' l-anzjani skond il-ħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-eżerċizzju li ġie mħabbar fil-budget, dwar ir-reviżjoni ta' l-hekk imsejħa kartuna roża u safra, inbediex? Jekk inbeda, x'qiegħed isir? Jekk għadu ma nbediex meta se jinbeda? Kif beħsiebu l-gvern jagħmel dan l-eżerċizzju?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Jiena nfurmat li l-ewwel fażi ta' l-eżerċizzju li ġie mħabbar fil-Budget dwar ir-reviżjoni ta' l-hekk imsejħa Kartuna Roża w Safra li jintitolaw persuna għal għoti ta' mediċini b'xejn inbeda. F'dan l-istadju ġie mwaqqaf kumitat fid-Dipartiment tas-Saħħa, u li fuqu hemm rappreżentant tad-dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. Dan il-kumitat għandu l-kompitu li jiġbor l-informazzjoni eżistenti dwar it-tħaddim ta' din is-sistema, il-punti tajbin u d-difetti. Jien infurmat li r-rapport ser ikun iffinalizzat fi żmien qasir. Dan iservi bħala bażi biex it-Task Force ikun jista' jagħmel ir-reviżjonijiet meħtieġa.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13556 dwar it-taxxa li qed tinqata' lill-pensjonanti, jista' l-Ministru jgħid jekk ir-rata ta' inqas minn 10% tal-pensjoni, kif indikata fit-tweġiba tal-mistoqsija msemmija, hijiex marbuta ma' l-ammont tal-pensjoni? Jekk iva, jista' l-Ministru jagħti l-iskeda tar-rati skond id-dħul mill-pensjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-rata ta` tnaqqis mill-pensjoni tas-Sigurta` ġiet stabbilita għal kull individwu separatament skond id-dħul tiegħu mill-pensjonijiet inkluż dik tat-Teżor jew tas-Servizzi Ingliżi, skond il-każ, kif ukoll skond l-istatus ta` l-individwu. Għalhekk ma teżisti l-ebda skeda skond id-dħul mill-pensjoni tas-Sigurta` Soċjali iżda skond iċ-ċirkostanzi partikolari ta` l-individwu.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar ħaddiema barranin jaħdmu f'Malta sena b'sena mill-1989 sa l-1999, minn liema pajjiżi ġejjin u f'liema xogħol qed jaħdmu?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li kull l-ewwel Tnejn tax-xahar id-Dipartiment ta` l-Informazzjoni jippubblika lista voluminuża u aġġornata ta` nies barranin li għandhom il-liċenzji ta` l-impjieg skond l-artikolu 11(3) ta` l-Att dwar l-Immigrazzjoni (Kap. 217). Din il-lista tinkludi l-isem tal-barrani, il-professjoni jew ix-xogħol li jagħmel, ma` min jaħdem, u sakemm hi valida l-liċenzja.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu dawk li kienu qed iservu bħala Segretarji Permanenti f'Settembru 1998, ministeru, ministeru min minnhom ġie mibdul, min huma dawk li qed iservu llum, ministeru, ministeru?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra żewġ listi li juru ministeru ministeru, l-Uffiċjali Pubbliċi li kienu qed iservu bħala Segretarji Permanenti fl-1 ta' Settembru 1998, u dawk li hemm fil-preżent.
Mill-lista ta' l-1 ta' Settembru 1998, is-Sinjuri Frederick Fearne u Godfrey Demarco irtiraw bl-eta' u s-Sur Alfred Fiorini Lowell inħatar Segretarju tal-Kabinett.
Is-Sur Joe R Grima ġie irtirat mill-Amministrazzjoni preċedenti minn Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u floku kien inħatar is-Sur Anthony Mangion. Jiena erġajt ħtart is-Sur Joe R Grima, Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tiegħi. Is-Sur Anthony Mangion irritorna fil-Ministeru tat-Trasport u Kommunikazzjoni u, fuq talba tiegħu, wara fil-Malta Maritime Authority.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti d-dettalji ta' x'inhuma d-demolition and construction works fid-Dar Residenzjali ġdida għall-anzjani f'Bormla, li ngħataw lil C&F Bld Contractors Ltd għas-somma ta' Lm294.56,9 li dehru fil-gazzetta tal-gvern tal-11 ta' Frar, 2000 nru 16907?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ix-xogħolijiet żejda li saru kienu mħabba li nstabet barriera fuq quddiem tas-sit filwaqt li fuq wara nstab ġibjun li saqaf tiegħu ma kienx jiflaħ il-piż ta' l-istruttura l-ġdida. Il-barriera ntużat bħala "basement" filwaqt li l-bir baqa' bl-istess funzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm matul dan l-aħħar sena u nofs kemm ġew impjegati nies fil-Freeport, mil-liema lokalitajiet u kemm ilhom jirreġistraw għax-xogħol?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul dawn l-ahhar sena u nofs gew impjegati 72 haddiem gdid mal-Malta Freeport. Dawn gejjin minn dawn il-lokalitajiet
persuna wahda kull wiehed minn dawn il-postijiet: Bahar ic-Caghaq, Balzan, Dingli, Gwardamangia, Gzira, Kalkara, Mellieha, Mqabba, Naxxar, Qrendi u San Giljan
zewg persuni minn kull wiehed minn dawn il-postijiet: Birkirkara, Birzebbugia, Floriana, Marsascala, Marsaxlokk, Paola, Rabat u Sliema
tlitt persuni minn kull wiehed minn dawn il-postijiet: Ibragg, Siggiewi, Tarxien, Zabbar u Zebbug
erba` persuni mill-Hamrun u erbgha ohra miz-Zurrieq, sitta mill-Fgura, 7 minn Hal Qormi u disgha mill-Belt Valletta.
L-informazzjoni dwar l-ahhar parti tal-mistoqsija tista` tinkiseb mill-Korporazzjoni tax-Xoghol u Tahrig, liema Korporazzjoni ma tifformax parti mid-dekasteru tieghi.