Legislature:
Category:
Reset
Active:

Stockholm — Ambaxxata ġdida

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet lill-gvern, iċ-ċerimonja tal-ftuħ ta' l-ambaxxata ġdida fi Stockholm, broken down skond l-items u li jkunu jinkludu l-ispejjeż tat-trasport bl-ajru u mhux, għad-delegazzjoni Maltija u l-ġurnalisti Maltin, l-akkomodazzjoni tal-Maltin, hospitality, eċċ?

Response (BORG, JOE)

L-Onorevoli Interpellanta qed titlaq minn premessa żbaljata għaliex iż-żjara tal-Prim Ministru fl-Isvezja ma kienetx primarjament intiża biex tiġi inawgurata l-ambaxxata Maltija fi Stockholm. L-għan prinċipali taż-żjara kien għal taħdidiet mal-Gvern Żvediż iżda ittieħdet l-opportunita biex il-Prim Ministru jinawgura l-ambaxxata Maltija fi Stockholm liema ambaxxata ġiet stabbilita għall-aħħar ta' l-1999. L-ispiża konnessa maċ-ċerimonja innifisha tal-ftuħ ta' l-ambaxxata ammontat għal SK347.62 (madwar Lm17) u kienet tikkonsisti f'żewġ fliexken xampanja. Sar ukoll riċeviment fir-residenza tal-Ambaxxatur sabiex il-Prim Ministru seta jiltaqa ma diversi personalitajiet fl-okkażjoni taż-żjara tiegħu fl-Isvezja. L-ispejjeż konnessi ma dan ir-riċeviment jammonta għal SK19712.50 (madwar Lm950).

Vetturi — Cilindraġġ 'il fuq minn 2000cc

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn karozzi reġistrati ta' cilindraġġ 'il fuq minn 2000cc? Minn dawn kemm minnhom huma reġistrati fuq kumpanniji u kemm minnhom huma reġistrati fuq diretturi ta' kumpanniji, kemm minnhom huma reġistrati fuq individwi? Mil-liema lokalitajiet ġejjin l-individwi li fuqhom huma reġistrati dawn il-karozzi, lokal lokal?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta' karozzi reġistrati ta' ċilindrata 'l fuq minn 2000cc huwa 6,438. Minn dawn, 5,058 huma rreġistrati f'isem individwi u 1,234 f'isem individwi għan-nom ta' kumpaniji. Bħalissa d-Dipartiment tal-Liċenżji u Testijiet ma jżommx statistika ta' vetturi skond il-lokalita' u ma jirreġistrax vetturi direttament fuq kumpaniji iżda fuq individwi għan-nom ta' kumpaniji.

Pensjonanti — Żieda għal għoli tal-ħajja

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-gvern se jonora l-wegħda elettorali li jagħti ż-żieda sħiħa għall-għoli tal-ħajja, lill-pensjonanti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġa kelli l-opportunita' f'din il-Kamra li nispjega l-posizzjoni tal-Gvern dwar il-qasam tal-pensjonijiet. Wara li jkollna r-rapport final tal-Kummissjoni Nazzjonali għar-riforma tal-Welfare nkunu nistgħu naħsbu bis-serjeta' għal futur tas-Sigurta' Soċjali f'pajjiżna wara li jkunu ressqu l-fehmiet tagħhom il-partijiet kollha nvoluti f'dan il-qasam. Kif taf l-Onor. Membru, l-opposizzjoni wkoll ġiet mistiedna tressaq l-opinjoni tagħha għall-ġid tas-Sigurta' Soċjali f'pajjiżna.
Leg 9 PQ #14403 Sitting 258 2000-03-07 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

Banek

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma dak li semma fil-media u dak li qed jintqal min-nies li l-banek se jibdew jitolbu ħlas biex jissarrfu ċ-cheques? Jekk dan huwa minnu, l-Ministru jista' jgħid jekk din il-miżura ġietx diskussa mal-gvern u allura ġietx approvata jew le?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-banek ilhom mill-1996 jitolbu li għandhom jiċċarġjaw għas-servizz tat-tisrif taċ-ċekkijiet. Il-Gvern ma tax l-approvazjoni imma jifhem li trid tinstab soluzjoni. Għalkemm il-Gvern tkellem mal-banek u wera t-tħassib tiegħu dwar ħlas li jista` jibda jintalab minnhom għal tisrif ta` ċekkijiet, il-pubbliku irid jifhem li l-banek, huma istituzzjonijiet kummerċjali u li għalhekk iridu jkopru l-ispejjeż tagħhom.Il-Gvern ħeġġeġ lill-banek biex jibdew kampanja sabiex il-poplu jiftaħ kontijiet magħhom biex hekk pagamenti mill-gvern ikunu jistgħu jsiru direttament f`dawn il-kontijiet.
Leg 9 PQ #14404 Sitting 258 2000-03-07 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Raħal Ġdid — Check ups

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-Health Centre ta' Raħal Ġdid, fid-diabetic clinic, pazjenti li jkollhom check ups dwar il-kondizzjoni tagħhom, ikollhom jerġgħu joqogħdu fil-queue biex it-tabib jagħmlilhom vista? Ma jidhirlux l-Ministru li jkun aħjar li l-pazjenti li jkunu jenħtieġu vista wkoll jinqdew mill-ewwel?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Kull pazjent li jattendi l-klinika tad-Dijabete f'xi Ċentru tas-Saħħa jiġi eżaminat mit-tabib. Il-proċedura li tiġi segwita fid-Diabetes Clinic ta' Raħal Ġdd, bħal fiċ-Ċentri tas-Saħħa l-oħra, hi li l-ewwel il-pazjenti jiġu eżaminati min-nurse li tiċċekja l-piż, l-awrina, l-pressjoni u d-demm ta' kull pazjent, u wara kull pazjent jiġi eżaminat mit-tabib bl-assistenza tan-nurse. Din il-proċedura hi kkunsidrata l-aktar prattika fiċ-ċirkostanzi preżenti għal dawn ir-raġunijiet: 1. Biex jiġi utilizzat bl-aħjar mod il-ħin tat-tabib, għaliex waqt li n-nurse tkun qed tipprepara l-pazjenti, it-tabib jkun jista' jagħmel xogħol ieħor. 2. Hu wkoll fl-interess tal-pazjenti, li ħafna minnhom ikunu sajma, li jlestu mit-testijiet tad-demm u l-awrina kmieni kemm jista'jkun, ħalli jkunu jistgħu jieklu xi ħaġa. Jekk joqogħdu jistennew li jibda' x-xogħol it-tabib, idumu aktar sajmin.
Leg 9 PQ #14405 Sitting 258 2000-03-07 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Żebbuġ — Olive Square - Parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li tittieħed azzjoni dwar parking, li jsir regolarment mar-roundabout f'Olive Square, Żebbuġ u li huwa ta' periklu kemm għat-traffiku, kif ukoll għal min jgħaddi bil-miexi minn hemm?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda pjazza b-isem imsemmi mill-Onorevoli Interpellanti f`Ħaż Żebbuġ.

Qormi — Triq id-Deheb - Blokk 3

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li fil-Blokk 3, Ta' Farsina, Triq id-Deheb, Qormi, fejn bħalissa qed issir il-manutenzjoni tal-common parts, u qed jiġi nbajjad il-ħajt tat-taraġ, ir-residenti ġew informati verbalment li l-ħaddiema li qed jagħmlu dan ix-xogħol m'għandhomx l-ordni li jbajdu l-letter boxes, il-kaxxa tal-metres u l-bieb ta' barra? Ma jidhirlux il-Ministru li għal ftit xogħol, dan għandu jsir, biex il-manutenzjoni ssir b'mod komplet? Jekk iva, jista' l-Ministru jara li tingħata l-ordni biex dan il-ftit xogħol meħtieġ isir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Santa Venera — Triq Patri Gwann Azzopardi - Tiswija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta Triq Patri Gwann Azzopardi, Sta. Venera, se tiġi rranġata, minħabba l-periklu li hemm għar-residenti, minħabba t-tħarbit fit-triq, u anke il-fatt li d-drenaġġ ta' spiss ifur?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol imsemmi normalment jesegwieħ il-Kunsill Lokali, u għalhekk l-Onor. Interpellant hija mitluba tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #14396 Sitting 257 2000-03-07 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Triq Nikol Baldacchino, Qormi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Planning Authority inforzatx biex ħajt ma' għalqa fi Triq Nikol Baldacchino, Qormi li suppost kellu jinbena, biex ma jitwaddabx skart fl-area, jinbena?

Response (BORG, TONIO)

L-Onor. Membru hi ġentilment mitluba tagħti informazzjoni dwar minn kellu jibni dan il-ħajt u tindika fuq Site Plan l-area li qed tirreferi għaliha.
Leg 9 PQ #14398 Sitting 257 2000-03-07 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Assessments

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex mhux fl-iskejjel primarji kollha saru assessments biex jaraw jekk l-istudenti tal-year six humiex preparati biżżejjed għall-eżamijiet tal-Junior Lyceum? Liema huma dawk l-iskejjel li għamlu l-assessments l-istudenti u liema huma dawk l-iskejjel li m'għamlux? X'tip ta' assessments saru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fi Frar fl-iskejjel kollha primarji ta' l-istat l-istudenti kollha tas-sitt sena sarilhom eżami fil-Malti, Ingliż, Matematika, Reliġjon u Studji Soċjali maħruġ mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Dan hu assessjar summattiv li jsir regolarment fis-sitt klassi, tliet xhur qabel l-eżami għad-dħul fil-Junior Lyceum. Informat ukoll li qabel dan l-eżami, fejn l-iskejjel ikunu identifikaw każi ta' diżabilitajiet jew diffikultajiet speċifiċi għat-tagħlim, dawn jirreferuhom lit-taqsima ta' l-Assessjar fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Wara, Bord ta' nies speċjalizzati jistudja x'arranġamenti speċjali huma ndikati għal dawn il-każi.
Leg 9 PQ #14399 Sitting 257 2000-03-07 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Tobba

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel il-ministeru biex jara li l-ħinijiet (shifts) li jaħdmu t-tobba (housemen) ġo l-isptar ikunu aktar umani u biex jiġu skansati l-burn outs?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li d-Diviżjoni tas-Saħħa u l-M.A.M. qed ikollhom taħdidiet dwar titjib fl-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-tobba.
Leg 9 PQ #14400 Sitting 257 2000-03-07 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Spiżerija Ċentrali tal-gvern — Special drugs

Question

Jara li huwa taħbit żejjed li dawk li jkollhom imorru fl-ispiżerija ċentrali tal-Gvern f'St. Luke's biex iġibu l-ispecial drugs, imbagħad ikollhom jerġgħu imorru fil-Health Centre biex iġibu l-mediċini normali l-oħra? Il-Ministru jara li s-sistema għandha terġa' tiġi għal li kienet qabel, jiġifieri, li dawk li jkollhom jieħdu miż-żewġ tipi ta' mediċini, jkunu jistgħu jeħduhom it-tnejn minn St. Luke's?

Response (DEGUARA, LOUIS)

1. Ma kien hemm l-ebda tibdil fil-proċedura tal-ġbir tal-mediċini Special Drugs u dawk formularji mill-ispiżerija ċentrali ta` l-isptar San Luqa f`dan ir-rigward. 2. Il-pazjenti li jippreżentaw riċetta għall-mediċini speċjali jingħataw il-mediċini speċjali u dawk formularji (normali) mill-istess spiżerija ċentrali ta` l-isptar San Luqa. 3. Mit-13 ta` Marzu ta` din is-sena ċertu mediċini li qabel kienu jingħataw biss mill-ispiżerija ċentrali tal-isptar San Luqa sejrin jibdew jingħataw mill-Health Centres. DH Circular 54-2000 ser titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra bħala parti mir-risposta.

Impjiegi — Żidiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid hijiex issa policy tal-Gvern li jdaħħal il-prinċipju tal-lump sums minflok żidiet fil-pagi, kif soltu nafuhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Meta jkun qed jikkonsidra proposti dwar ftehim kollettiv fis-servizz Pubbliku jew fis-settur parastatali, l-Gvern iqis kull każ skond il-merti partikolari tiegħu.
Leg 9 PQ #14390 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Qormi — Triq Nikol Baldacchino

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħax passi dwar storbju ta' makni, duħħan u nugrufun li joħorġu minn industrija li tinsab fl-area ta' Triq Nikol Baldacchino, Qormi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li Inspectors tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent investigaw l-ilment imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. L-'area' in kwestjoni tikkwalifika bħala waħda residenzjali u 'densely populated', fejn ilmenti ta' dan it-tip ma jonqsux. L-inkonvenjent imsemmi nstab li hu relatat ma' skips ta' kuntrattur li jagħti servizz ta' ġbir ta' skart lill-industrija fl-akkwata. Dawn l-iskips minn żmien għal żmien sfaw vittma ta' vandali li kissruhom u ħarquhom. Kemm il-propjetarju ta' din l-industrija, kif ukoll il-kuntrattur ġew imwissija biex l-inkonvenjent ma jirrepetix ruħu. Ġew infurmati wkoll il-Pulizija.
Leg 9 PQ #14391 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Warehouse - Permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid hekk huwiex permess li warehouses jiġu msaqqfa b'corrugated sheeting u b'konsegwenza li l-ilma tax-xita minn fuq dawn is-soqfa jaqa' fit-triq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-liġi sanitarja ma tippermettix li l-ilma tax-xita jintrema` bil-mod kif indikat mill-Onor. Interpellanti, peress li dan l-ilma għandu jkun miġbur qabel ma dan jitrema` għat-triq permezz ta` katusa.
Leg 9 PQ #14392 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Qormi - Triq Nikol Baldacchino

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx permess għal ħajt fi Triq Nikol Baldacchino, Qormi, mill-kumpannija Aquatess?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li minn stħarriġ li sar jirriżulta li l-ħajt li qed tirreferi għalih l-Onorevoli Interpellanti jifforma parti minn żvilupp li għalih kien ħareġ permess li jġib in-numru P2120/78/2049/77 maħruġ fl-14 ta` Lulju 1978.
Leg 9 PQ #14393 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Qormi - Triq Nikol Baldacchino

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ir-residenzi kollha fi Triq Nikol Baldacchinom, Qormi, għandhom il-permess biex jibnu parapetti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fit-triq li rreferiet għaliha l-Onor. Interpellanti, skond l-iskemi ta` l-iżvilupp ma hemmx front garden impost, iżda is-sidien jistgħu minn rajhom jagħmlu setback il-ġewwa mill-linja uffiċjali tal-bini.
Leg 9 PQ #14394 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Qormi — Triq Nikol Baldacchino - Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li tittieħed azzjoni meħtieġa, biex ma jibqax joħroġ l-ilma ta' drain ta' industrija li hemm fi Triq Nikol Baldacchino, Qormi? Jista' jara li tittieħed azzjoni biex is-sistema tad-drain issir skond il-liġi u ma tibqax permezz ta' pipe tal-plastic imqabbad ma' pipe li jagħti għat-triq u mhux mas-sistema tad-drenaġġ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Id-'drain' imsemmi fil-mistoqsija hija propjeta' tal-fabbrika 'Aquatess'. Għaldaqstant, din il-problema ġiet mgħoddija lill-awtoritajiet tas-Sanita'.
Leg 9 PQ #14395 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet r-raġuni li l-Planning Authority l-ewwel ħarġet permessi għal żewġ sulari fi Triq Nikol Baldacchino, Qormi u mbagħad ħarġet permessi ta' tliet sulari ma' l-istess bini, b'żewġ sulari?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li f`Diċembru ta` l-1993, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ħarġet policy fejn areas fejn kienu b`żewġ sulari, il-height limitation inbidlet għal tlett sulari b`eċċezzjoni ta` każijiet speċifikati fl-istess policy. Huwa għalhekk li qabel kienu jinħarġu biss permessi għal żewġ sulari u llum jinħarġu għal tlieta.