Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-karozza l-qadima li kien juża s-Segretarju Permanenti ħarġet għall-bejgħ bl-offerti meta d-dipartimenti tagħha qegħdin inħallsu l-belli liri biex jikru diversi karozzi mill-privat li ma tantx huma aħjar minnha? Ma jidhirliex li din il-karozza minflok tinbiegħ kelha tiddaħħal flok waħda mis-self-drive cars li għalihom il-gvern qiegħed iħallas ħafna flejjes?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-ħruġ ta' sejħa għall-offerti għall-bejgħ tal-karozza li għaliha l-onorevoli interpellant għamel riferenza hija skond iċ-Ċirkulari numru MFC 5/98 maħruġa mill-Ministeru tal-Finanzi u Kummerċ bid-data tat-18 ta' Marzu 1998.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex f'xi health centres mhux jagħtu kotba ġodda li jiktbu fuqhom ir-riżultati tat-testijiet tad-demm, meta dawn jimtlew?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nassumi li l-mistoqsija tirreferi għall-'card' li tintuża fid-Diabetes Clinic. 'Cards' ġodda għadhom jinħarġu fic-Ċentri tas-Saħħa kollha, iżda kien hemm xi perjodu meta dawn kienu temporanjament neqsin miċ-Ċentru tas-Saħħa ta` Raħal Ġdid.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm, minn mindu ilha sseħħ l-iskema tal-Performance Agreements, kien hemm diretturi, skond il-grad, li l-Performance Agreement tagħhom ma ġġeddidx u f'liema ministeri kienu jservu? Jista' jgħid jekk l-ex-diretturi konċernati ngħatawx iċ-ċans li jiddefendu ruħhom kontra dak li kien qiegħed jingħad dwarhom biex il-Performance Agreement ma jiġġeddidx? Jekk fin-negattiv, kif se jassigura l-Kamra li ma kien hemm ebda qerq jew rapporti vendikattivi kontra dawn l-uffiċjali għolja?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li minn mindu ilha fis-seħħ l-iskema tal-Performance Agreements kien hemm erba diretturi li wara li skada l-kuntratt tagħhom ma ngħatawx kuntratt ġdid. Wieħed minn dawn id-Diretturi kien fi Skala 4 u t-tlieta l-oħra kienu fi Skala 5.
Il-Kuntratt ta' Direttur huwa għal tliet snin u meta dan jiskadi toħroġ sejħa ġdida għall-applikazzjonijiet u l-għażla ssir fuq bażi kompetittiva.
Ma jidhirlix li hemm għalfejn jingħataw dettalji aktar minn hekk.
Bħal ma taf l-Onorevoli Membru, llum fil-pajjiz hawn ħafna meżżi kif wieħed jista' jassigura li qed issir ġustizzja miegħu. Fil-każi ta' Diretturi hemm il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku li tara li l-affarijiet isiru kif suppost.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13866, dwar l-assigments li ngħataw lill-external accountant jew auditors li ġew mogħtija l-ġurament fi żmien il-gvern Laburista preċedenti biex jinvestigaw abbużi fir-returns ta' l-income tax u lil min ingħataw, ma jihirlekx li la dawn l-external accountants jew auditors li inti fit-tweġiba tiegħek għedt kienu 14 b'kollox, ġew imqabbda mill-gvern u allura tħallsu mit-taxxi tal-poplu, fl-interess pubbliku, inti għandek tagħti l-ismijiet tagħhom?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m`għandi xejn x`inżid mar-risposta li tgħajt fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 13866.
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir Triq Nikol Baldacchino, Qormi, meta din it-triq hija kollha mibnija u b'konsegwenza tat-tħarbit li fiha, ir-residenti m'humiex moqdija bis-servizzi, bħal distribuzzjoni tal-gass, vannijiet ta' l-iskola, tal-ħalib u tal-ħobż, eċċ.?
Response (GALEA, ĊENSU)
M`hemm xejn x`inżid mar-risposta diġa` mogħtija għall-mistoqsija parlamentari Nru. 11574.
Jista'l-Ministru jagħti dettalji dwar l-informazzjoni u programmi ta' edukazzjoni li jingħataw mill-gvern lil nisa fit-tqala, dwar it-tqala, twelid u kura tat-trabi fil-perijodu immedjatament wara t-twelid?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni u programmi ta` edukazzjoni li jingħataw mill-Gvern lil nisa` fit-tqala, dwar it-tqala, twelid u kura tat-trabi fil-perjodu immedjatament wara t-twelid, huma ipprovduti mid-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa u mid-Dipartiment tal-Maternita` fl-Isptar Karin Grech.
Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa
--------------------------------------- -
Id-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa iqassam kwantita` konsiderevoli ta` il-maternita`. Dawn il-fuljetti jikkonċernaw
(1) It-Tqala u t-Tipjip
(2) L-Ikel waqt it-Tqala u xi xhur qabel
(3) Il-Ħalib ta` l-Omm.
Il-fuljetti jiġu mqassma waqt il-Parent Craft Classes u fil-Post Natal Ward, kif ukoll miċ-Ċentru Tagħrif Dwar Saħħtek, Triq il-Merkanti, il-Belt. Id-Dipartiment qiegħed fil-proċess li fix-xhur li ġejjin ilesti gwida fuq is-Saħħa tat-Tfal mill-eta` ta` 0-15 'il sena. Dan il-materjal edukattiv maħsub li jsegwi l-iżvilupp tat-tfal u jiġbor ħafna tagħrif utli għall-ġenituri fit-trobbija tat-tfal. Dan il-proġett qed jiġi maħdum flimkien mad-Dipartiment tal-Pedjatrija u t-Taqsima School Medical Service.
Dipartiment tal-Maternita` fl-Isptar Karin Grech
------------------------------------------- ------
Id-Dipartiment tal-Maternita` fl-Isptar Karin Grech jorganizza programmi ta` edukazzjoni għall-ommijiet matul it-tqala. Kull programm jikkonsisti fi 8 laqgħat ta` siegħa u nofs il-waħda. Fost oħrajn jiġu diskussi:
1. Kif l-omm għandha tieħu ħsieb saħħitha matul it-tqala.
2. Xi problemi li jistgħu jinqalu u x'għandha tagħmel biex
tevita jew ittaffi dawn il-problemi.
3. Benefiċċji soċjali.
4. Eżerċizzji.
5. Żvilupp tat-tarbija fil-ġuf.
6. Il-Ħlas.
7. Il-Breastfeeding.
8. Il-kura ta` l-omm u t-tarbija wara t-twelid.
9. Żvilupp tat-tarbija wara t-twelid, developmental milestones.
10. Kif tevita il-periklu (safety) fid-dar.
11. Ippjanar tal-familja.
Fl-aħħar tal-programm l-ommijiet jittieħdu jżuru s-swali tal-Maternita` li 'l quddiem ser ikunu fihom.
Jista'l-Prim Ministru jgħid għaliex meta jiġu ppublikati l-ħatriet ta' diretturi fil-Gazzetta tal-Gvern ma tingħatax l-iskala ta'salarju li jkun intitolat għaliha d-direttur konċernat? Ma jidhirlux il-Prim Ministru li llum, u kuntrarjament għal qabel, hemm diversi diretturi li għalkemm kollha jissejħu direttur għandhom skali differenti ta' salarji? Jista' jassigura li din l-informazzjoni tibda tingħata ladarba dawn ikunu se jitħallsu minn fondi pubbliċi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-iskala ta' salarju ta' Direttur Ġenerali hija skala numru 3 (Lm8234 fis-sena) waqt li Direttur jista jkun jew fuq skala numru 4 (Lm7534 fis-sena) jew fuq skala numru 5 (Lm5543x199 - Lm6737 fis-sena). Dan jirriżulta mill-iSkeda ta' Gradi li wieħed isib ippubblikata f'pagna 399 ta' l-Estimi għas-sena 2000.
L-informazzjoni ppersonaliżżata tiġi ppublikata fl-Staff List li kopja aġġornata qed tiġi ppreparata għall-pubblikazzjoni aktar tard din is-sena.
Ma jidhirx li hemm għalfejn isir tibdil fil-proċedura preżenti rigward informazzjoni ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inħatru assistenti diretturi dan l-aħħar? Taħt liema ministeri qegħdin iservu? Jista' jgħidilna jekk isimhom hux se jiġi ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern? X'inhuma l-punti ewlenin u ġenerali tad-dmirijiet li obbligati jwettqu u x'inhuma l-konċessjonijiet li jgawdu dawn l-assistenti diretturi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
B'kollox inħatru 127-il Assistent Direttur, imqassmin fil-Ministeri kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra flimkien ma kopja tal-position description ta' l-Assistenti Diretturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Ninsab infurmat li l-prattika kurrenti hija li l-ħatriet ta' Kapijiet ta' Dipartiment biss li jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern.
Barra l-paga, l-Assistenti Diretturi huma ntitolati wkoll għall-performance bonus.
Tagħrif dwar id-dmirijiet ta' l-Assistenti Diretturi li qegħdin f'Ministeri oħra għandha tintalab mill-Ministri konċernati.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm f'dawn l-aħħar sitt snin ex-segretarji permanenti u ex-diretturi, skond il-grad, ingħataw il-faċilita' li jixtru l-karozza tal-gvern li kellhom fil-pussess tagħhom meta kienu fis-servizz? F'kull każ, kemm-il sena kienet ilha fil-pussess tagħhom il-karozza rispettiva? Kemm kienu l-ex-diretturi u s-segretarji permanenti li ma għamlux użu minn din il-faċilita' u x'sar minnhom f'kull każ il-karozzi rispettivi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li fid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi kien hemm direttur wieħed biss, minn meta bdiet din il-faċilita, li xtara l-karozza li kien juża meta rtira. Din il-karozza kienet ilha għand dan id-direttur sena u xahrejn.
Kien hemm direttur ieħor li meta rtira ma għamilx użu minn din il-faċilita' u l-karozza li kellu baqgħet tintuża mid-dipartiment.
Rigward ex-segretarji permanenti u ex-diretturi li kienu f'Ministeri oħra, nitlob lill-Onorevoli Nterpellant tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministri ndividwalment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn permessi ta' swimming pools f'residenzi privati? F'liema lokalitajiet qegħdin, lokal, lokal?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li sat-2 ta` Marzu, 2000, in-numru ta` permessi għall-swimming pools fi djar residenzjali maħruġa mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar kien ta` 751.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-lokalitajiet u n-numri ta` permessi rispettivi għal dawn is-swimming pools.
Jaf il-Ministru bil-każ ta' menangitis f'St. Albert the Great College, li jidher li l-ġenituri tat-tfal ġew informati matul il-ġimgħa li bdiet, fl-14 ta' Frar, 2000? Jaf li l-ġenituri ġew informati madwar ħamest ijiem wara li nstab il-każ? Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proċeduri li suppost li jiġu addottati f'ċirkostanzi bħal dawn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat illi l-każ imsemmi f'din il-mistoqsija ġie rappurtat lit-Taqsima Sorveljanza tal-Mard fis-16 ta' Frar 2000 dakinhar stess li ħareġ ir-riżultat mill-laboratorju, u immedjatament ittieħdu l-passi kollha neċessarji.
Dawn jinkludu:
Ġbir tal-listi tal-kuntatti mill-qrib mingħand il-familjari u
mill-iskola fejn jattendi l-pazjent.
Trattament b'mediċina preventiva lill-kuntatti mill-qrib
kollha.
Nirreferi wkoll għar-risposta li kont tajt għall-Mistoqsija
Parlamentari Nru. 14314.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn yachts Valletta registered mal-Malta Maritime Authority?
Kemm hawn dgħajjes "S" registered mal-Malta Maritime Authority?
Kemm hawn yachts proprjeta' ta' ċittadini Maltin li huma reġistrati f'portijiet barranin li jagħmlu użu mill-faċilitajiet ta' marinas f'Malta?
X'inhuma r-rati ta' liċenzji "S" registered u tal-motor yachts Valletta registered?
X'inhuma r-rati għal berthing fil-marinas u s-servizzi/facilitajiet li jkopru dawn ir-rati?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li sa l-aħħar ta` Diċembru 1999 kien hawn 1383 `pleasure yachts` reġistrati taħt l-Att ta` l-1973 dwar il-Bastimenti Merkantili.
Jien infurmat ukoll li sa l-aħħar ta` Frar 2000 kien hemm 5800 dgħajsa mar-reġistru tas-`Small Ships Register` li kellhom il-liċenzja mħallsa kif ukoll madwar 2500 dgħajsa oħra li huma reġistrati iżda m`humiex suġġetti li jħallsu liċenzja.
Skond ir-`records` tal-Malta Maritime Authority ma jidhirx li hemm `yachts` reġistrati barra u li huma propjeta ta` ċittadini Maltin li qed jagħmlu użu mill-Yacht Marina ta` Malta.
Ir-rati ta` liċenzji ta` dgħajjes u `yachts` huma kif ippublikati b`avviż Legali Nru. 240 ta`l-1997.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija ser inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid minn huwa responsabbli li jara li rampa ta' garaxx li qegħda f'Olive Square u li hija wieqfa wisq u anke mbaqqna fuq bankina, u li b'konsegwenza ta' hekk la wheelchair u lanqas b'pushchair ma tista' tgħaddi minn fuqha, issir kif suppost, u skond il-liġi biex tagħti l-aċċessibbilita'? Min huwa responsabbli li jara li dawn l-affarijiet ma jsirux, il-kunsill lokali jew il-pulizija, jew xi awtorita' oħra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' inkarigat lill-perit u l-avukat tagħha biex jistabillixxu ta' min hi r-responsabilita' li jara li rampi li jostakolaw bankini lill-persuni b'diżabilita' u persuni oħra jitneħħew jew isiru sew. Malli jiġi stabbilit dan, il-Kummissjoni ser tieħu l-passi kollha neċessarja biex, kemm fuq bażi nazzjonali, kif ukoll fuq bażi ndividwali, l-Liġi titħares.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13951 dwar kemm hemm social workers assenjati għal St Vincent de Paule u għal residential homes oħra tal-gvern, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid in-numru ta' social workers li hu semma fit-tweġiba tiegħu, li jaħdmu f'pool ċentrali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani għandu pool ċentrali ta' Social Workers li jiġu assenjati xogħol fil-qasam ta' l-anzjani skond il-każ. In-numru totali ta' Social Workers fid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani hu ta' sebgħa (7).
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13950, dwar l-abbużi jew tilwim rrapportati minn anzjani dwar CSA's u dwar abbużi jew tilwim irrapportati minn CSAs dwar anzjani, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti n-numru ta' rapporti li saru mill-1988 sa l-1999 sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li r-rapporti li xi kultant jinqalgħu bejn l-anzjani u l-helpers jiġu rreġistrati fil-file rispettiv tagħhom biss u għalhekk ma jistax jingħata n-numru.
Jista' l-Ministru jgħid meta r-residenzi fi Triq il-Ħelsien, Ħal Qormi se jingħataw in-numri biex ma jibqgħux bl-ismijiet tad-djar biss, minħabba inkonvenjenzi għal residenti fir-rigward ta' posta eċċ, u biex ukoll jitħaffef ix-xogħol tal-ħaddiema tal-posta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li Triq il-Ħelsien ma tistax tingħata numri tal-bibien għalissa minħabba li tirrikjedi tibdil fl-isem ta' parti minnha u dan minħabba fil-forma tagħha. F'każ bħal dan, il-Kunsill Lokali jkun irid jagħmel talba uffiċċjali lill-Kumitat ta' l-Ismijiet tat-Toroq u wara li t-talba tkun milqugħa jkun jista' jsir ix-xogħol meħtieġ biex jingħataw in-numri tal-bibien.
Ma jidhirlux l-Ministru li huwa fl-interess pubbliku li l-Ministru qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-chart li kien ippreżenta fl-MCED, dwar id-dikjarazzjoni tat-taxxa ta' nies li d-dħul tagħhom ma jiddependix minn paga? Jista' l-Ministru jqiegħed din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m`għandi xejn x`inżid mar-risposta li tgħajt fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 14139.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu mas-settur privat u pubbliku li l-qliegħ tagħhom huwa ta' Lm100 fil-ġimgħa jew anqas, fulltime u part-time għalihom?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mir-returns li ġew ipproċessati s`issa n-numru ta` ħaddiema li qalgħu inqas minn Lm5500 minn xi impjieg huwa ta` 93,969.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm mill-ħaddiema Maltin fis-settur governattiv, parastatali, awtoritajiet, korporazzjonijiet, mas-settur privat eċċ, huma msieħba f'xi trade union u kemm m'humiex, settur settur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma tinżammx statistika kif mitluba mill-Onor. Membru, iżda sknod l-aħħar Rapport tar-Reġistratur tat-Trade Unions, f'Ġunju 1999, in-numru ta' ħaddiema imseħbin f'xi Trade Union kien, 84,033. (Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-Rapport). Skond statistika miġbura mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, f'Ġunju 1999, nies fl-impjieg kienu jammontaw għal 122,432. B'dan jirriżulta li 38,399 ħaddiema ma kienux membri f'xi Trade Union.