Jista' l-Ministru jgħid għaliex mhux jingħata l-Pembritine mill-bereġ tal-gvern lil min hu ntitolat għalih u għandu bżonnu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-ampicillin ma għadhux jingħata mill-ispiżeriji tal-gvern għax ġie sostitwit b`antibiotiku aktar effettiv (amoxycillin).
L-antibiotiċi jingħataw fuq preskrizzjoni tat-tabib biss u ma jinħarġux bħala `repeat-prescription`.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex mhux tittieħed biżżejjed azzjoni biex ix-xatt tax-Xgħajra, fuq in-naħa tal-Kalkara u fuq in-naħa ta' Wied il-Għajn, ma jibqax iservi ta' rubbish dump?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-areas indikati mill-Onorevoli Interpellant jaqgħu parti taħt il-Gvern Ċentrali u parti taħt il-Kunsilli Lokali.
Il-parti li taqa' taħt il-Gvern Ċentrali ser tiġi mnaddfa fil-futur qarib. Rigward il-parti l-oħra, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li l-kumpannija Guard and Warden Services House ħadet ħames kuntratti tal-wardens lokali, minkejja li l-offerta tagħha hija ogħla minn ta' ħaddieħor? Jista' jikkonferma li l-proprjetarju ta' din il-kumpannija huwa kunsillier Nazzjonalista fil-kunsill ta' l-Imsida?
Response (GATT, AUSTIN)
Id-Direttur tal-kumpanija Guard and Warden Service House Ltd. kien kunsillier fil-Kunsill Lokali Msida, u dan sal-31 ta` Marzu 2000.
Peress li t-tenders ghas-servizz ta` Gwardjani Lokali ma jinħargux mill-Gvern iżda mill-kumitati kongunti mwaqqfa mill-Kunsilli Lokali u jigu `awarded` mill-istess Kunsilli Lokali, l-Onor. Interpellant hi mitluba li taghmel id-domanda taghha lill-istess Kunsilli Lokali li, kif naħseb taf, huma korpi legali statutorjament indipendenti mill-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnhom il-pelican lights li suppost kellhom jiġu nstallati fi Triq Manwel Dimech, Qormi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku u d-Dipartiment tat-Toroq fil-preżent qegħdin fil-fażi li jiddeterminaw il-post eżatt fejn dawn it-`Traffic Lights` għandhom jitwaħħlu.
Jaf il-Ministru li t-traffic lights fil-junction ta' Triq ir-Repubblika fir-Rabat, Għawdex, ħdejn l-għassa tal-pulizija ilhom bil-ħsara sa minn qabel l-elezzjoni ta' l-1998? X'inhi r-raġuni li ma ssewwewx? Meta se jissewwew?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fuq talba tal-Ministeru għal Għawdex u tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku kien ġie mitlub biex iħejji pjan tas-sistema tat-`traffic flow` għaż-żona ta` Triq ir-Republika bħal alternativa għall-użu tat-`traffic lights` li qed jirreferi għalihom l-Onor. interpellant.
Dan il-pjan ġie sottomess lill-Kunsill Lokali tar-Rabat, u l-Bord qiegħed jistenna risposta minn għand il-Kunsill biex jikkonferma li din is-sistema tat-traffiku ġdida hija aċċettabli għar-residenti ta` l-inħawi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-anzjani residenti fid-dar ta' l-anzjani f'Bormla, qed jiġu mitluba biex jaqilbu l-ID card tagħhom fuq Bormla? Peress li qed issir insistenza minn uffiċjali li qed imexxu din id-dar biex l-anzjani jagħmlu dan, għaliex qed isir hekk? Għaliex l-anzjani meta qed jistaqsu għaliex qed jiġu mitluba jagħmlu dan mhux jingħatawx tweġiba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skond il-Liġi Elettorali kull resident għandu jkollu l-Karta tal-Identita' skond il-post fejn ikun qed jorqod abitwalment. L-anzjani qed jiġu mitluba biex jibdlu l-Karta ta' l-Identita' biex jikkonformaw ma' l-istess Liġi u dan qed jiġi spjegat lilhom f'kull ċirkostanza.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel id-dipartiment tal-kummerċ dwar il-fatt li f'ċerti lokalitajiet il-fancy bread għola wkoll, minkejja li dan ma kellux jogħla bħal ħobż tal-Malti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jinghad li l-prezz tal-hobz fancy mhuwiex ikkontrollat b`ordni tal-prezzijiet bhalma hu dak tal-hobz Malti shih jew imqatta`. Il-konsumatur jista` jixtri hobz fancy minn ghazla kbira ta` kwalitajiet bil-prezz li jaqbel lilu.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-berġa tax-Xgħajra ma tiftaħx regolarment?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-Berġa tax-Xgħajra tiftaħ regolarment skond il-ġranet u il-ħinijiet skedati, li huma:
It-Tnejn mill-11.15a.m. sa 12.15p.m.
Il-Hamis mill-11.15a.m. sa 12.15p.m.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed jagħmel il-gvern biex jassigura li jwettaq il-wegħda tiegħu biex id-dar ta' l-anzjani ta' Bormla sservi għall-anzjani tal-Kottonera u ta' madwar? Ir-residenti anzjani li hemm fid-dar ta' Bormla, minn liema lokalitajiet ġejjin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif wieħed jista' jara mill-lista hawn taħt annessa, il-Gvern qed jagħmel l-almu tiegħu biex jakkomoda lill-anzjani tal-Kottonera u ta' madwar f'din id-Dar.
Ir-residenti anzjani li hemm fid-dar ta' Bormla ġejjin minn dawn il-lokalitajiet:
Bormla - 31
Birgu - 6
Qormi - 2
Tarxien - 2
Paola - 5
Żabbar - 2
Kalkara - 5
San Ġwann - 1
Għaxaq - 3
M'Scala - 2
Fgura - 1
Pieta' - 2
Isla - 2
Santa Luċia - 1
Luqa - 1
Floriana - 1
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa ż-żjara tal-President Prodi, għall-gvern ta' Malta, attivita', attivita'?
Response (BORG, JOE)
Għal dak li jikkonċerna l-Ministeru tiegħi l-ispejjeż kienu jirrigwardjaw biss xiri ta' arranġamenti ta' fjuri sabiex jissebbaħ il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u il-kiri ta' karozzi a bażi ta' kuntratt mogħti mid-Dipartiment tal-Kuntratti. L-ispiża attwali ghall-kiri ta'dawn il-karozzi għad mhix magħrufa għax il-kont għadu ma wasalx il-Ministeru. L-ispiża għall-arranġament ta' fjuri laħqet is-somma ta' LM65.49. Rigward spejjeż li setgħu intefqu minn Ministeri oħra nirrferi lill-Onorevoli Interpellanta lill-Ministeri konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed isiru testijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma fuq il-provvista ta' l-ilma f'Ħal Qormi? Meta sar? X'riżultati dwar il-kwalita' ta' l-ilma nstabu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li testijiet fuq il-kwalita` ta` l-ilma, mhux f`Hal Qormi biss izda f`lokalitajiet ohra, isiru fuq bazi regolari kull xahar bhala parti mill-programm ta` analizi li ssegwi l-Korporazzjoni ghas-Servizzi ta` l-Ilma.
Fil-kaz ta` Hal-Qormi, mill-analizi li saret matul Jannar u Frar ta` din is-sena, jirrizulta li l-provvista ta` l-ilma f`dan il-lokal dejjem instabet batterjologikament tajba ghax-xorb. Il-parametri l-ohra li gew analizzati juru wkoll li l-ilma t`hemmhekk jaqa` fin-norma tal-provvista ta` l-ilma madwar Malta u Ghawdex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il messaġġier ġie trasferit mill-qorti? Għal-liema dipartimenti ġew trasferiti? Kemm huwa l-full complement tal-messaġġiera fil-qorti? Kemm hemm messaġġiera jaħdmu l-qorti llum?
Response (GATT, AUSTIN)
B`referenza ghall-ewwel parti tal-mistqosija ta` l-Onorevoli Interpellant, kien hemm persuna waħda fil-grad ta` Messaggier tal-Qorti li ġiet ittrasferita mill-Qorti ghal Ministeru ta` l-Edukazzjoni.
Dwar il-`full complement` tal-messaġġiera fil-Qorti, wieħed jassumi li l-Onor. Interpellant kien qed jirreferi ghan-numru ta` messaġġiera rikjesti f`kull Awla ma` kull ġudikant. Il-full complement ghandu jkun ta` wieħed u tletin Messaġġier tal-Qorti. Fil-prezent f`dan il-grad hemm tmienja u huwa previst li ghall-aħħar ta` dan ix-xahar jiġu appuntati ghaxar Messaġġiera tal-Qorti oħra. Tajjeb li l-Onor. Interpellant ikun infurmat li impjegati fi gradi oħra qeghdin jaghmlu wkoll xoghol ta` messaġġiera biex jaghmlu tajjeb ghan-nuqqas ta` impjegati fil-grad ta` Messaġġier tal-Qorti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega x'kalkoli qed isiru biex jiġi assigurat li persuna anzjana jkollha dħul xieraq biex tgħix indipendentement, meta din tkun tagħmel parti minn koppja pensjonanta, fejn il-persuna l-oħra tkun residenti f'St Vincent de Paule, u minħabba f'hekk jinqatgħalhom 60% tal-pensjoni? Xi kriterji qed jintużaw għal każijiet bħal dawn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-liġi tipprovdi li biex jiġi assigurat li persuna anzjana jkollha dejjem dħul xieraq biex tgħix independentement meta din tkun tagħmel parti minn koppja pensjonanta fejn il-persuna l-oħra tkun residenti San Vinċenz de Paule, il-persuna li tibqa' d-dar tibqa' tirċievi sittin fil-mija (60%) tal-Pensjoni li tkun qiegħda tiġi mħallsa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhija l-proċedura uffiċjali li għandha tiġi segwita biex persuna tirreġistra għax-xogħol? Xi trid tagħmel eżattament biex persuna tirreġistra għax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-preferenzi uffiċjali li persuna tintalab tagħżel minnhom meta din tirreġistra għax-xogħol? Kemm tista' persuna tagħżel preferenzi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Tista' l-Ministru tgħid kenitx konxja li kien hemm talba mill-ex-direttur tal-customer services, li ismu qed jintbagħat separatament, biex id-direttorat tiegħu jiġi upgraded għal skala 4 u dan peress li kienet tingħatalha kopja tal-korrispondenza kollha li kienet għaddejja? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid x'passi ħadet biex issolvi l-problema jew almenu tara x'kien qiegħed jiġri?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-impjegat li qed tirreferi għalih l-onor interpellant kien iffirma kuntratt għal tliet snin b'seħħ mid-29 ta' Awissu 1996 permezz tiegħu kien ġie assenjat il-pożizzjoni u d-doveri ta' Direttur għal Customer Services b'rimunerazzjoni ekwivalenti għas-salarju ta' Skala 5. Dan sar wara li kienet ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet u l-istess impjegat kien applika għall-pożizzjoni msemmija.
Tajjeb li l-onor interpellant tkun taf li fid-9 ta' Lulju kienet ħarġet applikazzjoni biex, fost oħrajn, timtela mill-ġdid l-pożizzjoni ta' Direttur għal Customer Services b'rimunerazzjoni ta' Skala 5 fi tmiem il-kuntratt fuq imsemmi ta' l-impjegat li qed tirreferi għalih l-onor interpellant. L-impjegat imsemmi applika biex jerġa' jimla din il-pożizzjoni minkejja li r-rimunerazzjoni għaliha kienet se tibqa' bħal qabel, jiġifieri ekwivalenti għas-salarju ta' Skala 5 u minkejja li kien ilu jsostni li ma kienx lest li jkompli jimla dik il-pożizzjoni wara li jagħlaqlu l-kuntratt jekk il-pożizzjoni ma tkunx upgraded għal skala 4.
Tajjeb li l-onor interpellant tkun taf li kien hemm diversi applikanti għal din il-pożizzjoni, minkejja li baqgħet fi Skala 5.
Tista' l-Ministru tgħid għal-liema raġunijiet lid-direttur tal-customer services, li ismu qed jintbagħat separatament, ma ġġeddidlux il-kuntratt? Tista' tgħid jekk hi qablitx ma' din id-deċiżjoni qabel ma fil-fatt din id-deċiżjoni ġiet ikkommunikata lill-istess persuna? Jekk fil-fatt ma kienet taf b'xejn, tista' tgħidilna jekk hijiex kuntenta dwar kif saru l-affarijiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Il-ħatra ta' Diretturi ssir mill-Prim Ministru wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku kif titlob il-Kostituzzjoni ta' Malta. Hekk ukoll sar fil-każ tal-ħatra tad-Direttur Customer Services.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji, sena b'sena mill-1989 sa l-1999, dwar kemm sar twelid b'caesarean section?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-istatistika mitluba mill-Onorevoli Intepellant tingħata fuq bażi volontarja lill-Ministru tas-Saħħa mill-isptarijiet kollha fejn iseħħu t-twelid. Din l-istatistika fuq bażi nazzjonali bdiet tinżamm mis-sena 1995.
Sena Numru ta` Ċesarji
1995 838
1996 867
1997 918
1998 960
1999(Jan-Ott.) 840
Jista' l-Ministru jgħid f'liema każi l-facilitators jistgħu jidħlu ma'l-istudenti waqt l-eżami?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull każ ta' diżabilita` (eż. nuqqas ta' smigħ) jew ta' diffikulta` speċifika għat-tagħlim (eż. dyslexia) jitqies fuq il-merti tiegħu, għaliex ikun jirrikjedi arranġamenti partikulari skond in-natura tad-diżabilita` jew diffikulta` u tal-bżonnijiet ta' l-individwu.