Jista' l-Ministru jgħid x'jiġri issa li ddaħħlet il-VRT meta persuna li jkollha bżonn tagħmel xi tiswijiet ta' vettura tagħha biex tkun konformi mal-liġi, ikollha tistenna biex tagħmel dan minħabba li l-aġent ma jkollux l-ispare parts għal vettura partikolari? Min se jkun responsabbli għal dan id-difett fil-vettura?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-sustanza ta` din il-mistoqsija hija l-`availability` ta` spare parts tal-karozzi. Tajjeb jinghad li f`pajjizna, bhal f`pajjizi ohra, ma hemm ebda ligi li tobbliga lill-bejjiegh li jkollu `in stock` certu ammont ta` spare parts.
Dwar il-parti tal-mistoqsija relatata mal-VRT nissuggerixxi lill-Onorevoli Interpellant jaghmel il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.
Jista' l-Ministru jara li tittieħed azzjoni dwar parking, li jsir regolarment mar-roundabout f'Olive Square, Qormi u li huwa ta' periklu kemm għat-traffiku, kif ukoll għal min jgħaddi bil-miexi minn hemm?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija qed tieħu passi sabiex l-abbuż li rreferiet għalih l-Onor. Interpellanti ma jkomplix iseħħ.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13745?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba minn Settembru sa Jannar 2000 maqsuma fuq bażi ta':
(i) full time jew part time u
(ii) fi rġiel u nisa.
Din it-tabella teskludi nies li jaħdmu mal-Gvern.
Rigward il-figuri ta' nies li jaħdmu mal-gvern, din tista' tinġabar mill-Management and Personnel Office fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11322, dwar it-tindif tal-widien f'Ħal Qormi, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-istudju li kien indika fit-tweġiba tiegħu, fit-22 ta' Novembru, 1999?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Kif diġa' spjegajt drabi oħra, dan ix-xogħol huwa responsabbilta' tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jittieħdu l-passi biex fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi, wara l-Hockey Club ma jibqax isir parking ta' heavy vehicles mal-bankina ta' djar residenzjali li jlaħħqu sal-gallarji tagħhom, b'riskju għas-sigurta' tagħhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11583, dwar Triq San Gwakkin, Ħal Qormi, jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju tal-programm tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet, kif indikat mit-tweġiba parlamentari tiegħek, qegħda din it-triq? Meta huwa ppjanat li jinbena x-xogħol f'din it-triq, li hija tant perikoluża?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-prijoritajiet ta` xogħolijiet bħal dawn imsemmija mill-Onor. Interpellant ikunu diskussi regolarment mal-Kunsill Lokali u jvarjaw minn żmien għal żmien skond l-esiġenzi li jinqalgħu. Għalhekk m`hemm xejn x`jista` jiżdied għalissa mar-risposta għall-mistoqsija parlamentari Nru. 11583.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8825, jista' l-Ministru jgħid xi progress sar fuq ix-xogħol li kien indika fit-tweġiba tiegħu, dwar il-problema ta' l-ilmijiet kbar li jinġabru fi Triq il-Mitħna, f'Ħal Qormi kif taqbeż il-pont?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol qiegħed fil-fażi ta` ippjanar u m`għandux idum biex jibda jiġi mwettaq.
Jista' l-Ministru jara li jsir xi ħaġa urġenti dwar il-ġrieden kbar li hemm partikolarment fl-area tal-blokki ta' l-appartamenti tal-gvern, f'Ta' Farsina, Ħal Qormi, minħabba l-ambjent u s-saħħa tan-nies u tal-post in ġenerali?
Response (DEGUARA, LOUIS)
B`referenża għal mistoqsija Parlamentari Nru. 15340, nixtieq ninforma lil Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Saħħa permezz tal-`Pest Control Section` jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jiġu kkontrollati dawn it-tip ta` ilmenti. Fil-lok imsemmi, sar tqegħid ta` velenu fl-24 ta` Marzu 1999, 24 ta` 1999, 9 ta` Marzu 2000 u fit-23 ta` Marzu 2000, wara xi ilmenti.
Matul April, Mejju u Diċembru tas-sena l-oħra u Jannar ta` din is-sena, ħaddiema minn din is-sezzjoni għamlu xogħol ta` tqegħid ta` velenu f`Hal-Qormi kollu, inkluż fis-sistema tad-drenaġġ, bħala rutina.
Ta` min isemmi, li ttieħdu passi legali wkoll kontra sid ta` art mitluqa li hemm f`din iż-żona. Il-Pulizija ġiet wkoll infurmata dwar `container` abbandunat li jista jikkawża nfestazzjoni ta` ġrieden.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk is-surgical spirit li kien jingħata lil persuni li jbatu mid-diabete, hux se jibqa' jingħata?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-pazjenti li huma dijabetiċi u li jużaw l-insulina bħala parti mill-kura tagħhom ser jibqgħu jingħataw surgical spirit.
Pazjenti fuq l-insulina qed jingħataw struzzjonijiet illi s-surgical spirit m'għandux jibqa' jintuża biex titnaddaf il-ġilda qabel l-injezzjoni. Fil-fatt l-istruzzjonijiet il-ġodda huma illi l-ġilda għandha titnaddaf permezz ta' ħasil b'sapun u ilma filwaqt li s-surgical spirit jintuża biex jitnaddaf it-tapp tal-lastiku tal-fjala ta' l-insulina qabel dan jittaqqab bil-labra ħalli ttieħed minn ġo fih id-doża ta' insulina.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tinfetaħ is-subway għal pubbliku min-naħa ta' l-iskola primarja fi Triq Manwel Dimech, Qormi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minħabba li s-subway taqa' taħt ir-responsabilita` tagħhom, l-awtoritajiet ta' l-iskola Primarja 'B' fi Triq Manwel Dimech, Qormi, qed iżommuha miftuħa għall-istudenti tagħhom u l-pubbliku fil-ħinijiet u fil-ġranet li l-iskola tkun miftuħa.
Barra dawn il-ħinijiet is-subway tinżamm magħluqa biex jiġu evitati abbużi. Dan kien ukoll il-parir li tawhom il-pulizija tad-distrett.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11329, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'sar mis-suġġeriment tiegħu lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar, dwar il-blokki ta' appartamenti f'De La Crux Avenue, peress li issa għaddew ta' lanqas erba' xhur, minn meta sar is-suġġeriment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar li s-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant ma jaqbilx li jsir għax toħnoq l-arja fit-tromba tat-taraġ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet iċ-ċelebrazzjoni lil Gvern fi Brussels, meta formalment ġiet inawgurat l-bidu tan-negozjati għas-sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE, broken down, f'items separati u li jkunu jinkludu t-trasport bl-ajru u mhux, akkomodazzjoni, hospitality, eċċ?
Response (BORG, JOE)
Filwaqt li ma saret l-ebda ċelebrazzjoni (f sens ta xi riċevimenti eċċ...) meta ġie formalment inawgurat il-bidu tan-negozjati għas-sħubija ta Ewropeja, iż-żjara fi Brussels tad-delegazzjoni Maltija għall-inawgurazzjoni tan-negozjati għas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropeja, sa fejn għandu x jaqsam il-Ministeru tiegħi, ġiet stmata li tiswa Lm3,809.12.
Din is-somma tikkonsisti fi:
(a) Lm2,167.18 fi spejjeż ta' trasport, inkluż dak bl-ajru
(b) Lm1,080.67 f'akkomodazzjoni
(c) Lm462.30 f'subsistance allowance
(d) Lm98.97 fi spejjeż oħra
Mill-ispejjeż ta' trasport, għad iridu jitnaqqsu l-ammont ta' rebates fuq il-biljetti tal-ajru dovuti lil Ministeru, wara li dawn jinħadmu mill-AirMalta.
Id-delegazzjoni Maltija li għaliha jirreferu dawn l-ispejjes kienet tikkonsisti minni u erba minn nies oħra.
OR
Ma' saret l-ebda ċelebrazzjoni meta formalment ġie inawgurat il-bidu tan-negozjati għas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropeja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-eżamijiet tal-Matsec u d-degrees ta' l-Universita' ta' Malta hux se jkunu rikonoxxuti fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, jekk Malta ssir membru sħiħ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li diġa' ma hemmx diffikultajiet biex ċertifikati ta' l-Universita` ta' Malta jkunu rikonoxxuti fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea. Aktar u aktar ma jkunx hemm diffikulta` meta Malta ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni.
Jista' l-Ministru jispjega l-avviż li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tat-22 ta' Frar, 2000, No. 16912, paġna 1499, li kien jgħid:
Dipartiment ta' l-Artijiet
Il-Kummissarju ta' l-Artijiet jgħarraf illi -
Offerti ssiġilatti għall-Avviż li ġejjin għandhom jintefgħu fil-kaxxa ta' l-offerti tad-dipartiment ta' l-artijiet, Auberge de Baviere, Valletta sal-10.00 a.m. tal-Ħamis, l-24 ta' Frar, 2000... ... ...
Dan ifisser li l-avviż ħareġ jumejn biss qabel ma kellhom jgħalqu dawn l-offerti? Ma jidhirlux l-Ministru li min jirċievi l-Gazzetta tal-Gvern bil-posta, irċieva dan l-avviż probabbli fil-ġurnata li għalqu l-offerti u għaldaqstant kienet inġusta ma' dawk li xtaqtu japplikaw, iżda per konsegwenza, ma setgħux?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-avviżi li rreferit għalihom l-Onor. Interpellanti dwar l-offerti li kellhom jinfetħu l-Ħamis, 24 ta` Frar 2000, fl-10.00 ta` filgħodu, dehru għall-ewwel darba fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern ta` l-4 ta` Frar 2000.
Bħall-avviżi kollha li joħroġ id-Dipartiment ta` l-Artijiet għall-kiri / bejgħ ta` proprjeta`, dawn l-avviżi baqgħu jidhru kull nhar ta` Tlieta u kull nhar ta` Ġimgħa, jiġifieri fit-8 ta` Frar 2000, fil-11 ta` Frar 2000, fil-15 ta` Frar 2000, fit-18 ta` Frar 2000 u fit-22 ta` Frar 2000, sakemm għalqu l-offerti fl-24 ta` Frar 2000.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kellhom punti dawn il-persuni li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament biex ikkwalifikaw għal postijiet u li ġew mogħtija residenza alternattiva bħala housing soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-dettalji mitluba jingħataw biss meta l-Onor. Interpellant jipproduċi awtoriżżazzjoni bil-miktub mingħand l-applikanti konċernati peress li din l-informazzjoni hija waħda strettament kunfidenzjali.
Jista' l-Ministru jgħid liema skejjel sekondarji sejħu l-Parents' Day qabel ma saru l-eżamijiet ta' nofs is-sena u allura qabel ma' l-ġenituri ħadu r-riżultati?
Għaliex sar dan?
Il-Ministru jidhirlu li hi sistema tajba li l-Parents' Day issir qabel l-eżamijiet?
Jekk iva, x'se jagħmel biex dan ma jibqax isir?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskejjel Sekondarji li sejħu Parents' Day qabel ma saru l-eżamijiet ta' nofs is-sena kienu dawn li ġejjin:
Cospicua Girls' Secondary School
Ħamrun Girls' Secondary School
St Andrews Girls' Secondary School
B'Bajda Girls' Secondary School
Mrieħel Girls' Secondary School
S'hurst Girls' Secondary School
Samra Girls' Secondary School
Rabat Girls' Secondary School
Informat li l-amministrazzjoni ta' l-iskejjel imsemmija ħasset illi iktar kien jaqbel li l-ġenituri jiltaqgħu ma' l-għalliema ta' wliedhom qabel l-eżamijiet ta' nofs is-sena sabiex dawn jingħataw informazzjoni dwar l-andament ta' wliedhom u jekk ikun il-każ tittieħed xi azzjoni korrettiva li jkun hemm bżonn qabel ma' t-tfal joqogħdu għall-eżami.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jasal l-apparat għat-taqsima tad-drenaġġ, issa li diġa' għaddew tliet xhur mit-traġedja taċ-Ċirkewwa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ bħalissa pprepara 'specifications' biex ikun jista' jinxtara l-apparat kollu li hemm bżonn. Dan ix-xogħol issa ġie ffinalizzat u d-Dipartiment issa se jkun f'pożizzjoni biex jagħmel l-ordni.
Jaf il-Ministru li l-istudenti tal-Form IV li jattendu fil-Junior Lyceum ta' l-Imrieħel, damu sa Frar bla għalliem tar-reliġjon? Jaf li dawn l-istudenti ġew mitluba joqogħdu għall-eżamijiet ta' nofs is-sena, mingħajr ma kienu għamlu s-syllabus tas-suġġett imsemmi? Għalhekk jista' l-Ministru jgħid issa x'se jiġri mit-tagħlim li suppost ħadu dawn l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għalkemm għal xi żmien ma kienx possibbli li tintbagħat teacher tar-Reliġjon, dawn l-istudenti kienu, permezz ta' arranġament intern, ikollhom lezzjoni fil-ġimgħa.
Minn Jannar, minn meta intbagħatet għalliema sar kull sforz biex l-istudenti jirkupraw dak li tilfu. Fil-fatt kull mistoqsija fil-karta ta' l-eżami kienet ġiet ittrattatha fil-klassi.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel id-Dipartiment tas-Saħħa biex is-servizz tat-tabib partikolarment fil-health centre ta' Ħal Qormi, isir effiċjenti u mhux jibqa' jkun hemm dewmien kbir għal min ikollu bżonn dan is-servizz?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Diviżjoni tas-Saħħa ilha li bdiet tieħu passi biex ittaffi n-nuqqas ta` tobba fiċ-Ċentri tas-Saħħa. Fil-fatt ġiet implimentata skema li biha tobba maltin taħt il-65 sena jistgħu jaħdmu 'part-time' sa sittax il-siegħa fil-ġimgħa f'dawn iċ-Ċentri tas-Saħħa. Sfortunatament ir-rispons kien mingħand għaxar tobba biss.