Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti lill-pulizija rigward swat fuq tfal taħt is-16-il sena u, dawk bejn is-16 u t-18-il sena?
Kemm tressqu l-Qorti f'dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena fuq reati bħal dawn?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru ta` din is-sena, il-Pulizija kellha rapport wieħed ta` swat fuq tfal taħt is-16-il sena, filwaqt ma` kien ebda każi ta` l-istess reat fuq persuni bejn is-16 u 18-il sena. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li t-tagħrif hekk kif mitlub ma jinżammx taħt forma komputerizzata.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti lill-pulizija rigward abbuż sesswali fuq tfal taħt is-16-il sena u, dawk bejn is-16 u t-18-il sena?
Kemm tressqu l-Qorti f'dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena fuq reati bħal dawn?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru ta` din is-sena, il-Pulizija kellha 22 każ ta` abbuż sesswali fuq tfal taħt is-16-il sena u 10 każi ta` l-istess reat fuq tfal bejn is-16 u 18-il sena. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li t-tagħrif hekk kif mitlub ma jinżammx taħt forma komputerizzata.
B`referenza għal tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 19693 niġbed l-attenzjoni tal-Kamra li kien hemm żball fir-risposta li riedet tkun li n-numru ta` dawk abbużati, li l-eta` tagħhom tvarja bejn il-5 xhur u l-14-il sena, kien ta` 19 u mhux ta` 33.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-azjendi li qed jikkonformaw mal-liġi li tesiġi li 2% tal-workforce, kienu persuni b'diżabilita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' l-ażjendi li jimpjegaw iżjed minn 25 persuna u qed jikkonformaw mal-liġi li tesiġi li 2% tal-workforce ikunu persuni b'diżabilita'.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-security guards, impjegati ma' l-Enemalta, ingħatawx l-uniformi tas-sajf? Jekk le, għaliex? Se jingħataw uniformi tas-sajf is-sena d-dieħla?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Uffiċju tas-Sigurta' tal-Korporazzjoni Enemalta għadhom ma ingħatawx l-uniformi tas-Sajf peress li l-proċeduri ta' l-aġġudikar ta' l-offerti ħa ftit taż-żmien aktar mis-soltu. Pero' issa l-proċess spiċċa u saret l-għażla tal-kuntratturi li offrew li jfornu dawn l-uniformijiet.
Għaldaqstant l-Uffiċjali tas-Sigurta' ser jingħataw l-uniformi li huma ntitolati għaliha.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li dawk l-impjegati mal-Gvern li fl-1987 il-Gvern Nazzjonalista ddikjara bħala irregolari, wara tant snin qatt ma ngħataw promozzjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li dawk l-impjegati fis-Servizz Pubbliku li fl-1987 kienu kkunsidrati bħala rregolari ġew assimilati fil-gradi ndustrijali skond il-provvedimenti tal-ftehim relattiv u għandhom id-dritt igawdu mill-opportunitajiet għall-promozzjonijiet li jagħtihom l-istess ftehim.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw trasferimenti ta' ħaddiema Għawdxin fis-Servizz Pubbliku li kienu jaħdmu Malta għal Għawdex minn Settembru, 1998 sa Settembru, 2000? Xi kriterju ntuża biex dawn ġew trasferiti? Min huma? F'liema dipartimenti kienu u fejn intbagħtu f'Għawdex u meta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u rrisposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ħaddiema tas-Servizz Pubbliku, impjegati bħala security mad-Dipartiment ta' l-Ambjent, qed jintbagħtu b'cash il-Bank Ċentrali? Huma koperti b'insurance dawn il-ħaddiema? X'tip ta' sigurta' għandhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li sa ftit ilu l-kaxxiera tad-Divisjoni tax-Xogħlijiet kienu jmorru jiddepositaw fil-Bank Ċentrali akkompanjati biss minn messaġġier jew 'Impressed Driver'. Issa dawn qed ikunu akkompanjati min 'Security Guard' tad-Dipartiment sakemm jigu finalizzati l-arranġamenti li qed isiru sabiex il-kaxxiera tagħna jakkompanjaw dawk tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni li jkunu akkompanjati mir-Revenue Security Corp.
Ta' min jgħid li s-'Security Guards' tad-Dipartiment dan jafuħ.
Jista' l-Ministru jgħid f'idejn min qiegħda d-dixxiplina tal-wardens li jaħdmu f'Għawdex? X'passi jittieħdu jekk jiġi ppruvat li warden ikun naqas milli jagħmel id-doveri tiegħu sewwa, fis-sens li jekk fi triq ikun hemm ipparkjati tliet vetturi ħażin lil waħda l-warden jagħmillha avviż ta' kontravenzjoni u lit-tnejn l-oħra ma jagħmillhomx? Jista' l-Ministru jgħid jekk, meta, u f'liema ħinijiet l-uffiċċju tal-wardens f'Għawdex ikun miftuħ għall-pubbliku?
Billi l-uffiċċju tal-wardens f'Għawdex, fil-ħinijiet kollha tal-ġurnata jkollu fuq il-bieb ta' barra "No Entry", jista' l-Ministru jgħid kif għandu jagħmel u/jew fejn għandu jmur ċittadin li jkun joqgħod f'Għawdex jekk iħoss li għandu jagħmel ilment kontra xi warden li fl-opinjoni ta' dan iċ-ċittadin ikun qiegħed jabbuża waqt il-qadi tad-dmirijiet tiegħu?
Jista' l-Ministru jgħid jekk ċittadin li jkun għamel ilment jingħatax sodisfazzjon fuq l-ilment li jkun għamel?
Ma jidhirlux il-Ministru li billi dawn il-wardens huma mħallsin minn flus il-poplu u mit-taxxi li ċ-ċittadini qegħdin iħallsu, il-pubbliku għandu jkollu dritt li jidħol fl-uffiċċju tal-wardens biex ikun jista' jagħmel l-ilmenti tiegħu?
Response (GATT, AUSTIN)
Kunsill Lokali jottjeni s-servizz tal-Gwardjani Lokali licenzjati skond il-ligi minn ghand Agenzija li wkoll ikollha licenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Meta Kunsill Lokali ma jkunx sodisfatt bil-performance ta' Gwardjani Lokali ghandu il-fakolta kollha li, skond it-termini tal-kuntratt li ghandu mal-Agenzija, jitlob li dak il-Gwardjan Lokali ma jkomplix iforni servizz lil dak il-Kunsill.
L-Ufficcju tal-Agenzija qieghed hemm biex taqdi l-funzjonijiet taghha l-istess Agenzija fir-rigward tal-Kunsilli Lokali w mhux biex jisma jew jitratta lmenti tal-pubbliku liema ilmenti ghandhom jitwasslu direttament lill-Kunsill Lokali koncernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 13741, li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': b'riferenza għall-avviż għall-għanijiet ta' l-Att ta' l-1996 dwar gwardjani privati u lokali (Att Nru. XIII ta' l-1996) nru 898 maħruġ fil-gazzetta tal-gvern nru.16,878 bid-data tas-26 ta' Novembru, 1999, paġna 8266, għaliex il-lista ta' l-applikazzjonijiet li rċieva l-Kummissarju tal-pulizija skond l-artikoli 7 u 8 ta' l-Att ta' l-1996 dwar gwardjani privati u lokali, ma ġietx stampata kif attwalment jindika l-avviż imsemmi? Jista' l-Ministru jagħti din il-lista ta' l-applikazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ma għandi xejn xi nżid mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 17800.
Jista' l-Ministru jgħid issa li tneħħew il-bandli minn biswit iċ-ċimiterju ta' Ħal Qormi, u allura jidher li hemm area libera, hemm il-ħsieb li l-gvern jagħti spazju biex jitkabbar iċ-ċimiterju?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tali suġġeriment ser jiġi kkunsidrat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex iċ-ċnus ta' bini mikri għal kummerċ u li kien tal-Knisja, issa amministrat mill-gvern, il-kerrejja m'humiex jitħallew jifduhom? M'għandux il-gvern jikkonsidra li jagħti dan iċ-ċans? Jekk iva, meta huwa ppjanat li jsir possibbli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-iskemi li ħarġu sa issa dwar proprjeta` li kienet tal-Knisja, kemm għal fidi ta` ċens, kif ukoll għal xiri ta` postijiet mikrija, kienu japplikaw għal residenzi biss.
Is-suġġeriment tal-Onorevoli Interpellant ġie nnotat u ser ikun ikkunsidrat flimkien ma` oħrajn li diġa` saru.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri minn dawk l-applikanti li kienu għamlu l-interivews għal dental paramedics fl-1997?
X'sar minnu r-riżultat ta' dawn l-interviews?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-interviews li għalihom qed tirreferi l-Onor. Interpellant kienu saru lill-persuni li applikaw għal sejħa li kienet ħarġet fil-Gazzetta tal-Gvern tat-2 t'Awissu 1996 għal dħul fil-kors ta' taħriġ għal Paramedic Aides, li jinkludu Chairside Assistants fid-Dentistrija.
Ir-riżultat ta' dawn l-interviews baqa' ma ġiex ippubblikat minħabba li nbdew proċeduri kriminali kontra żewġ persuni li wieħed minnhom kien iċ-Chairman tal-Bord tal-Ghażla dwar allegazzjoni ta' tbagħbis fl-insemmi riżultat. B'sentenza tal-Qorti mogħtija fit-13 ta' Lulju 2000 ġie mittiefes. Ghaldaqstant id-Dipartiment qed jitlob parir kif għandu jipproċedi.
Jista' l-Ministru jgħid meta se titneħħa l-eżenzjoni li konsumatur ma jistax jieħu passi legali kontra l-Enemalta, minħabba ħsarat f'appliances eċċ ikkawżati minn upsurge tal-voltage?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ma jirriżultalix li l-liġi ċivili timpedixxi liċ-ċittadin milli jieħu passi legali fil-konfront ta' l-Enemalta għaliex fl-opinjoni tiegħu ikun sofra danni ħtija ta' l-operat tal-Korporazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għamlitx environmental impact assessment u health impact assessment dwar l-effetti fuq l-ambjent tar-raħal ta' Ħal Kirkop u fuq is-saħħa tal-Komunita' Koppina, fl-eventwalita' li tiftaħ il-fabbrika tal-Multigas li qed tissemma għal din l-area? Jekk saru, x'inhuma l-konklużjonijiet? Jekk ma sarux se jsiru? Meta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-proċess ta` l-Ippjanar jinkludi provvedimenti għal studji ta` l-impatt ambjentali meta jkunu qed jiġu pproċessati applikazzjonijiet għal żviluppi partikolari. Dawn it-tip ta` proġetti huma identifikati fi skeda ppublikata fil-Policy and Design Guidance for EIA in Malta (May 1994).
Dawn l-istudji dwar l-impatt ambjentali ta` proġetti huma r-responsabbilita` ta` l-iżviluppatur u jitħejjew minn konsulenti indipendenti mqabbda apposta. L-istudji isiru abbażi ta` termini ta` riferenza maħruġa mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar u d-Dipartiment għall-Ħarsien ta` l-Ambjent.
Fil-każ tal-proġett tar-rilokazzjoni tal-fabbrika Multigas mill-Ħamrun għal Ħal Kirkop l-istudju dwar l-impatt ambjentali sar fl-1999 u ittratta diversi aspetti bħalma huma:
a) L-impatt fuq il-kwalita` ta` l-arja (kemm fir-rigward ta` tniġġis ta` l-arja u ta`
impatt fuq is-saħħa u s-sigurta`)
b) Trasport
c) "Noise impact assessment"
d) L-ekoloġija u agrikoltura
e) Impatt viżwali
f) Trabijiet
g) L-arkeoloġija
Il-konklużjonijiet ta` l-istudju kienu:
a) Kwalita` ta` l-arja
L-istudju wrew li l-manifattura, l-ibbottiljar, l-importazzjoni u l-ħażna tal-gassijiet m`għandux ikollu impatt negattiv fuq il-kwalita` ta` l-arja peress li kwalunkwe emissjoni ta` gass mill-impjant jinvolvi biss gassijiet li huma komponenti ta` l-atmosfera, bħal ossiġenu u nitroġenu. Anki jekk ikun hemm "leakage" minn ċilindri maħżuna fuq is-sit, l-impatt ambjentali ikun insinifikanti anki għal gassijiet iktar agressivi bħalma huwa l-"ammonia".
L-uniku riskju li ġie identifikat għandu x`jaqsam ma` akkumulazzjoni ta` komponenti ta` żjut fil-fabbrika innifisha. Hija prattika stabbilita li impjanti bħal dawn jiġu ċċekkjati u mnaddfa b`mod regolari. L-iżviluppatur huwa diġa` kopert bl-ISO standards neċessarji għal dan it-tip ta` xogħol.
b) Trasport
It-trasport tan-nitroġenu ma jikkreax perikli partikolari fir-rigward ta` inċidenti jew nirien. Huwa biss f`ċirkostanzi eċċezzjonali, bħalma huma inċidenti li jinvolvu trailers bl-ossiġenu li hemm ċans ta` ħsara estensiva kkawżata minn nirien u/jew periklu għas-saħħa.
Ir-rilokazzjoni ta` l-impjant se jwassal għat-tnaqqis tat-traffiku li jgħaddi minn żoni urbani, speċjalment minħabba li parti kbira tal-gassijiet se jgħaddu mill-fabbrika għall-ikbar klijent tagħha permezz ta` pipeline.
M`għandux ikun hemm impatt ta` traffiku fuq żoni urbani.
c) Storbju
Is-sit huwa diġa` suġġett għal "background noise" li jirriżulta mill-fabbrika ta` l-STMicroelectronics. Sakemm jittieħdu provvedimenti neċessarji, l-iżvilupp propost m`għandux joħloq inkonvenjent ta` storbju lir-residenti ta` Ħal Kirkop.
d) Ekoloġija u Agrikoltura
M`għandux ikun hemm impatt fuq l-ekoloġija mill-impjant.
e) Impatt Viżwali
L-impatt viżwali tal-proġett għandu jkun minimu minħabba l-kuntest industrijali tal-lokal u minħabba li hemm propost skreen viżwali permezz ta` siġar. Madankollu l-iżviluppatur għandu mnejn ikollu jieħu miżuri biex inaqqas l-impatt viżwali tal-"air separation unit" u l-"istorage tanks".
f) Trabijiet
Il-materjali wżati għal ħafna mill-istrutturi m`għandhomx joħolqu impatt ambjentali, ħlief għal xi emissjonijiet ta` trabijiet mill-kostruzzjoni tal-Blokk Amministrattiv.
g) Arkeoloġija
L-unika fdalijiet arkeoloġiċi fl-inħawi huwa menhir fid-daħla ta` Ħal Kirkop. M`għandux ikun hemm impatt fuq l-arkeoloġija u l-wirt storiku mill-impjant.
Ta` min isemmi li l-permess approvat mill-Awtorita` huwa wieħed "outline" u li fih l-Awtorita` għamlet 14-il kundizzjoni f`dak li għandu x`jaqsam ma` fire fighting u safety. Barra minn dan aktar dettalji għandhom jiġu ppreżentati meta ssir il-'full development permit application'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kawża saret fil-Qorti minn konsumaturi kontra l-Enemalta, matul dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena, u n-natura tal-kawża? Kemm minn dawn il-kawżi ntrebħu mill-konsumaturi?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba, li tkopri perjodu mhux żgħir, għadha qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Dipartiment tal-Konsumatur — Rapport ta' l-operations review
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport ta' l-operations review li sar għad-Dipartiment tal-Konsumatur u għall-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ir-rapporti kollha li tħejjew s'issa kienu intenzjonati għall-management. Fil-preżent qed jitħejja summary ta' dawn ir-rapporti. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kif hemm il-ħsieb li tkun l-organigramma tal-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija l-lista li d-Dipartiment tal-Kummerċ,iqies bħala "essential commodities"?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li ma teżistix lista fissa ta' oġġetti essenzjali. Fiż-żminijiet ta' llum, fid-dawl tal-kompetizzjoni u l-għażla li teżisti fis-suq u fid-dawl ta' kemm il-konsumatur jista' jagħmel użu minn din l-għażla, mhux faċli li titfassal tali lista.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm rapporti dwar nugrufun li qed jaqa' fl-area magħrufa bħala f'Ta' Farsina, Qormi? Jekk iva, x'sar jew x'se jsir dwaru?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent qatt ma rċieva rapporti rigward dan il-kaz.