Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #20773 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Nursing Aids

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'se jiġri rigward in-Nursing Aids li fl-1996 li ġew imwegħda li se jiġu upgraded għal scale 13 iżda sal-lum baqgħu scale 15?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Skond il-ftehim bejn il-Gvern u l-Unions kkonċernati, Nursing Aides jitilgħu fi Skala 13 fuq bażi personali wara li jkollhom ħames snin servizz ta' Nursing Aide fi Skala 14. L-ewwel grupp ta' Nursing Aides li ser jibbenefikaw minn dan il-ftehim biex jitilgħu fi Skala 13 imisshom fl-1 ta' Jannar 2001. Għalhekk ma nistax nifhem għaliex l-Onor. Interpellant qed tallega li saret xi wegħda lin-Nursing Aide u ma twettqietx.
Leg 9 PQ #20775 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Assistant Head

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'qed isir biex il-part-time clerks fl-iskejjel jiġu upgraded partikolarment fejn m'hemmx Assistant Head u dawn ikollhom jerfgħu ħafna responsabbilta' fix-xogħol amministrattiv ta' l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Ix-xogħol ta' part-time clerks fl-iskejjel ma għandux x'jaqsam max-xogħol ta' Assistenti Kapijiet. Ta' l-ewwel huwa xogħol klerikali/amministrattiv u tat-tieni huwa xogħol edukattiv/maniġerjali.
Leg 9 PQ #20777 Sitting 417 2000-11-06 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Ħal-Luqa — Ħajt tal-Barriera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta id-Dipartiment għall-Ambjent se jirranġa l-ħajt tal-barriera li kienet tintuża bħala refuse dump fi Triq Valletta, Ħal-Luqa, li parti minnhu huwa mwaqqa' u li b'konsegwenza qed jerġa' jitwaddab iż-żibel fiha?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tajt struzzjonijiet biex dan il-ħajt jissewwa fil-ġimgħat li ġejjin.

UE — Shipbuilding u Tarzna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' tagħrif dwar l-effetti ta' sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE qed jingħata lil ħaddiema tal-Marsa Shipbuilding u tat-Tarzna ta' Bormla? Jista' iqiegħed it-tagħrif jekk qed jingħata u hu bil-miktub fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, JOE)

L-effetti tas-sħubija ta' Malta fuq it-Tarzna jirrigwardaw il-kwistjoni tal-istate aid u l-impatt tal-politika soċjali tal-Unjoni Ewropeja. Fir-rigward tal-istate aid dina tinkwadra fl-isfond generali tal-futur tat-Tarzna bħala intrapriza vjabbli. F'dan ir-rigward sar l-istudju 'Appeldore' u qed ikompli issir evalwazzjoni kontinwa tal-posizzjoni. Fir-rigward tal-benefiċji għall-ħaddiema f'dak li għandha x'taqsam il-politika soċjali tal-Unjoni Ewropeja, il-ħaddiema jkunu jistgħu jibbenefikaw minn livelli għolja Ewropej dwar is-saħħa u s-sigurezza tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, u wkoll it-titjib tal-legizlazzjoni dwar il-qasam tax-xogħol. L-Unions tal-Ħaddiema qed jircievu fondi apposta mill-Gvern biex jinfurmaw lilhom infusom u lill-membri tagħhom dwar l-Unjoni Ewropeja, u l-Ministeru jaf li huma qed jagħmlu dan b'mod regolari.

Qormi — Valletta Road

Question

B'riferenza għall-mistoqsija u t-tweġiba parlamentari nru 19374, jista’ l-Ministru jgħid meta se jsiru x-xogħlijiet meħtieġa ġo Valletta Road, Ħal-Qormi u t-toroq tad-dawra tal-housing estate ? Jaf li dawn it-toroq ilu ma jkollhom manutenzjoni tajba għal snin sħaħ, bil-konsegwenza li f'ċertu partijiet jeżisti anke periklu serju kemm għas-sewwieqa kif ukoll għal dawk li jkunu għaddejjin bil-mixi?

Response (GATT, AUSTIN)

Bhal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet taghhom jagixxu skond il-prijoritajiet, esigenzi u l-mezzi taghhom. Ghaldaqstant nissugerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tieghu lill-Kunsill tal-lokalita' billi l-funzjoni li qed jirreferi ghaliha fil-fatt hija wahda mir-responsabbilitajiet tal-Kunsilli.

Qormi — Triq il-Vitorja - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġi nstallat dawl li jindika li hemm zebra crossing ħdejn il-health centre ta' Ħal Qormi, fi Triq il-Vitorja, peress li minkejja li hemm din il-faċilita', il-fatt li m'hemmx dawl li jindikaha, xorta baqa' r-riskju għal min jagħmel użu minnha wara li jibda jbexbex jew jidlam?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta qed tistenna risposta kemm mingħand il-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi kif ukoll mid-Dipartiment tat-Toroq wara li aktar kmieni din is-sena kienet għaddietilhom stima ta' kemm jiswa x-xogħol li għalih qed issir riferenza.

Qormi — Triq De La Cruz

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux konxju tad-diffikulta' li għandhom għadd ta' residenti li jgħixu fi flats tal-gvern fi Triq De La Cruz, Ħal Qormi, minħabba n-nuqqas ta' bibien normali, diffikultajiet ta' storbu, konsegwenzi tal-maltemp bħal ilma fl-intrata u riħ? Fi tweġiba parlamentari li l-Ministru ta ftit xhur ilu, għall-mistoqsija simili, wieġeb li bibien normali jagħlqu l-arja tal-post, x'inhija r-raġuni allura, li mhux kull blokka appartamenti fl-akwata għandha din is-sistema ta' bibien? Saru spezzjonijiet apposta mid-dipartiment tad-djar bil-għan li jistħarrġu x'jista' jsir biex jingħelbu dawn id-diffikultajiet għal għadd ta' residenti, partikolarment li jgħixu fil-ground floor? Jekk saru, x'irriżulta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M'għandix wisq x'inżid mat-Tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Numru 15548 li jien tajt f'Seduta 280 ħlief li ngħid li d-Dipartiment m'għamel ebda xogħol fuq il-bibien ta' dawn l-inħawi u jekk saru xi bidliet dawn saru mir-residenti stess jew qabel ma twaqqaf id-Dipartiment.

Qormi — Triq il-Vitorja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux konxju tal-periklu li hemm għal xi residenti li joqogħdu biswit ir-roundabout li hemm fi Triq il-Vitorja, Ħal Qormi, ftit 'l isfel mill-health centre? Jaf li l-periklu qed jirriżulta mill-fatt li din ir-roundabout m'għandhiex dawl jew markings li fi dlam minn speċjalment mhux midħla tat-triq jinduna li hemm roundabout, u b'konsegwenza s-sewwieqa, jiġbdu għan-naħa tal-bankina fejn ikun hemm in-nies? X'inhuwa ppjanat li jsir? Meta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li t-talba biex jiżdied id-dawl fit-triq imsemmija qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.

Qormi — Triq il-Vitorja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux konxju tal-periklu li hemm għal xi residenti li joqogħdu biswit ir-roundabout li hemm fi Triq il-Vitorja, Ħal Qormi, ftit 'l isfel mill-health centre? Jaf li l-periklu qed jirriżulta mill-fatt li din ir-roundabout m'għandhiex dawl jew markings li fi dlam minn speċjalment mhux midħla tat-triq jinduna li hemm roundabout, u b'konsegwenza s-sewwieqa, jiġbdu għan-naħa tal-bankina fejn ikun hemm in-nies? X'inhuwa ppjanat li jsir? Meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jispezzjona l-lokal flimkien mal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku u l-Kunsill biex ikun stabilit jekk hemmx periklu, u f'każ li hemm jiġi deċiż x'għandu jsir.
Leg 9 PQ #20638 Sitting 412 2000-10-30 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Luqa — Għassa

Question

Jaf il-Ministru li l-għassa ta' Ħal Luqa mhix tkun miftuħa, partikolarment matul il-lejl? Jekk iva, x'inhija r-raġuni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Għassa tal-Pulizija ta` Ħal Luqa qed tkun miftuħa regolarment lejl u nhar.

Qormi — Bini ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tinbena t-triq: New Street fi Triq il-Ħelsien, Ħal Qormi, meta din ilha issa mibnija kollha u saru diversi ilmenti dwar it-tbatijiet li r-residenti t'hemmhekk ikollhom jgħaddu minnhom minħabba l-istat diżastruż tat-triq imsemmija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għal risposti mogħtija għal Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 2620, 6272, 6273 u 8824.

Impjiegi — Impressed drivers

Question

Minkejja li pubblikament intqal li kien intlaħaq ftehim biex l-impressed drivers jiġu mpjegati mal-gvern, għaliex dan il-ftehim għadu ma twettaqx? Meta se jiġu mpjegati dawn l-impressed drivers?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li qed jiġu finaliżżati l-proċeduri biex il-ftehim milħuq dwar l-impressed drivers jiġi mplimentat fl-iqsar żmien.
Leg 9 PQ #20623 Sitting 411 2000-10-30 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Klieb kontra d-drogi

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-klieb ta' kontra d-drogi ftit qed jintużaw fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-klieb ta` kontra d-droga li qegħdin għal użu tal-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin jintużaw regolarment. Ma hemm l-ebda klieb li twarrbu jew ma jintużawx, jew li mhux qed tintuża l-kapaċita` tagħhom kollha.

Tribunal lokali — Wardens

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li warden li ma jidhirx quddiem it-Tribunal Lokali, meta jkollu l-każijiet tiegħu, jeħel multa ta' Lm30?

Response (GATT, AUSTIN)

Hija fid-diskrezzjoni tal-Kummissarju tal-Ġustizzja li japplika r-regolamenti relevanti għal persuni notifikati li ma jidhrux quddiem it-Tribunal Lokali.

Impjiegi — Qtugħ mir-reġistru

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta persuna li tiġi maqtugħa mill-ewwel parti tar-reġistru tax-xogħol għalxejn u tappella lill-Bord ta' l-Appell u l-każ tirbħu, biex tkompli tieħu l-benefiċċju trid terġa' tapplika mill-ġdid?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna li tappella u tirbaħ il-każ tagħha għandha minnufih tavża fl-eqreb Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali b'dan il-fatt, u l-benefiċċju dwar id-Disimpieg jerġa' jibda jinħareġ fi żmien qasir. Normalment l-ewwel ċekk ikun jinkludi l-arretrati dovuti għal dak il-perjodu li dan il-benefiċċju kien ġie mwaqqaf.

ETC — Spetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni nqabu mill-ispetturi ta' l-ETC li kienu qed jirreġistraw u jaħdmu, minn Settembru 1998 sa Settembru 2000, xahar b'xahar? Kemm minn dawn il-każijiet irriżultaw li kienu fattwali, jiġifieri li wara li l-persuni appellaw, rebħu l-każ u b'hekk ma nqatgħux minn fuq il-lista tar-reġistrar? Jista' jagħti ċ-ċifri xahar b'xahar għall-perjodu msemmi? F'kemm minn dawk il-każijiet li rriżultaw li kien hemm abbuż, ittieħdu passi kontra minn ħaddimhom, xahar b'xahar għall-perjodu msemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Reġistru Pubbliku — Abbużi Sesswali / Swat

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm Maltin u barranin (skond in-nazzjonalita') tagħhom, li sfaw vittmi ta' abbużi sesswali jew swat matul dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qeda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Abbużi Sesswali / Swat — Għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk l-Aġenziji, Dipartimenti tal-Gvern u għaqdiet volotarji li qed jgħinu b'xi mod lil vittmi ta' abbużi sesswali u swat? Teżisti statistika ta' rapporti ta' reati bħal dawn imsemmija hawn fuq u mhux għand il-pulizija? Jekk teżisti statistika, x'inhija skond l-abbuż irrapportat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qeda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #20566 Sitting 410 2000-10-27 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Abbuż sesswali / Swat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-korp tal-pulizija li huma stazzjonati fl-iskwadra li jaħdmu kontra l-abbużi sesswali, swat u vizzji oħra? X'inhuma l-gradi tal-membri ta' din l-iskwadra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-iskwadra tal-Pulizija li qed tirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellanti, hemm stazzjonati żewġ Spetturi, żewġ Surġenti u tlett Kuntistabbli. Infurmat ukoll illi Spettur u Kuntistabbli minnhom, fil-preżent, qegħdin jattendu kors l-Universita`.
Leg 9 PQ #20567 Sitting 410 2000-10-27 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Abbuż Sesswali / Swat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti lill-pulizija fuq adulti u anzjani rigward swat u abbuż sesswali kemm fuq dawk ta' sess feminili kif wkoll dawk ta' sess maskili? Kemm tressqu l-Qorti f'dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena fuq reati bħal dawn?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru ta` din is-sena, il-Pulizija kellha rapporti ta` 579 persuna, bejn it-18 u 59 sena, li kienu vittmi ta` xi forma ta` swat. Minn dawn 204 kienu tas-sess femminili waqt li 375 kienu tas-sess maskili. Kien hemm ukoll 21 rapport ta` xi abbuż sesswali. Dawn kollha kienu tas-sess femminili. Matul l-istess perijodu kien hemm 20 persuna anzjana, jiġifieri ta` 60 sena jew aktar, li kienu vittmi ta` xi offiża fuq il-persuna. Minn dawn 7 kienu tas-sess femminili waqt li 13 kienu tas-sess maskili. Ma ġewx rappurtati abbużi sesswali fuq anzjani. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li t-tagħrif hekk kif mitlub ma jinżammx taħt forma komputerizzata.