Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #21848 Sitting 447 2000-12-04 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Qormi — Skart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu kontra min hu responsabbli għal ħruq ta' skart ta' fabbrika fi Triq Nikol Baldacchino, Ħal-Qormi u li qiegħed isir fi triq biswit?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi Spetturi tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent fliemkien ma' uffiċjal tal-Pulizija marru fuq il-post indicat fl-1 ta' Diċembru, 2000. Għalkemm fil-post instabet evidenza ta' ħruq ta' skart, ma nstabux provi li dan l-iskart u ħruq kienet responabbli ghalieh il-fabbrika msemmija. Sejrin isiru spezzjonijiet ohra fil-futur.

Separazzjoni — Bilateral Agreements

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jippjana xi tip ta' miżuri forsi permezz ta' bilateral agreements eċċ biex fejn irġiel li jkunu miżżewġin u li jkunu fi proċess ta' separazzjoni u jitilqu mill-pajjiż f'nofs il-proċess u jkunu għamlu d-dejn u jqiegħdu lil mara u lit-tfal f'saram ta' djun, ikun hemm il-faċilita' li jittieħdu l-passi kontra l-individwi kkonċernati biex isir ġustizzja?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li l-informazzjoni ghadha qed tingabar ir-risposta tinghata f'xi seduta ohra.

Qormi — Valletta Road - Bankini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsiru l-bankini fil-parti ta' Valletta Road, f'Ħal Qormi fejn sal-lum għad m'hemmx?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-kostruzzjoni ta' bankini f'żoni urbani ssir mill-Kunsilli Lokali.

Permessi — Hawkers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu permessi ta' hawkers matul dawn l-aħħar snin: 1998, 1999, 2000 sena b'sena?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-permessi li għalihom qed tirreferi jinħarġu mill-Kummissarju tal-Pulizija. Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministru kkonċernat.

Qormi — Triq il-Wied - Pont

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir xi tip ta' culvert jew upgrading ta' l-area madwar l-ewwel pont fi Triq il-Wied, Qormi bil-għan li n-nies ma jibqgħux fi żmien ix-xita jinżlu f'madwar żewġ piedi ilma biex jitilgħu fuq il-pont u jaqsmu l-wied?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li saru ħafna xogħolijiet fis-snin li għaddew biex il-wied ta' Ħal Qormi seta' jiġi rranġat u mnaddaf biex l-ilma li jaqa' fil-lokalita' ikun jista' jibqa ħiereġ lejn l-erba' qaddisin, u hu ppjanat li jsir biss xogħol ta' manutenzzjoni biex il-wied qatt ma jiġi nblukkat.

Kera

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-kriterji taż-żieda fil-kera, tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħata b'mod separat flimkien mad-dettalji tad-dħul finanzjarju tal-familja, li fl-1988 kellu kera ta' Lm 64 u fl-1999 telgħet għal Lm 150?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi s-sussidju tal-kera tal-inkwilin indikat fil-mistoqsija inħadem is-sena l-oħra (1999) fuq id-dħul tiegħu matul l-1998 skond il-ftehim tal-kirja ffirmata minnu fil-11 ta' Settembru 1987 meta ingħata l-post.

Qormi — Triq il-Wied - Traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għal Traffic Management System ġdida u xierqa għat-traffiku li jgħaddi minn Triq il-Wied, Ħal Qormi bil-għan li jitnaqqas il-periklu kemm għat-traffiku nnifsu kif wkoll għal pedestrians?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-karatteristiċi ta' Triq il-Wied joħolqu problemi partikolari, u miżuri normali ta' traffic calming, bħal road humps, build outs u pedestrian crossings, joħolqu ostakolu għal volum kbir ta' ilma li jgħaddi minn dan il-wied. Il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku flimkien mal-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi qed jaraw x'miżuri jistgħu jittieħdu biex jitnaqqas il-periklu, kemm għat-traffiku kif ukoll għal pedestrians f'din it-triq, mingħajr ma joħolqu problemi ta' water flow fil-wied.
Leg 9 PQ #21746 Sitting 445 2000-12-02 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed tagħmel il-pulizija biex jingħeleb l-inkonvenjent għar-residenti f'Valletta Road, Qormi minħabba parking ta' vetturi kbar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tagħmel ronda fl-inħawi msemmija mill-Onorevoli Interpellant, sabiex ma jkunx hemm ksur tar-regolamenti tat-traffiku.

Impjiegi — Postman Operator

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jidħlu dawk li għaddew mill-interview għal postman operator li sar f'Diċembru li għadda u li kienu parti minn grupp ta' 130 ruħ li għaddew f'kollox, iżda sal-lum għadhom daħlu biss 75 ruħ?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li fil-fatt sa llum ġew ingaġġati 86 Postal Operator u mhux 75 kif hemm indikat fil-mistoqsija. Il-Maltapost issejjaħ għall-impjieg, dejjem skond l-ordni tal-mertu, skond l-esiġenza li tinħoloq minn żmien għal żmien. Ta' min jinnota li l-Maltapost talbet lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ biex l-iskadenza tal-validita' tar-riżultat ta' l-eżami tal-Postal Operators tiġi estiża sa l-aħħar ta' April 2001.

Mdina — Tiswija ta' Ħajt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jissewwa l-ħajt ta' għalqa li qegħda fi triq ta' taħt l-Imdina li tgħaddi għal Mosta?

Response (ZAMMIT, NINU)

It-tiswija tal-ħitan tal-għelieqi hija responsabilta tal-bdiewa u f'każ fejn triq pubblika tinsab f'livell ogħla mill-għalqa r-responsabilta tiġi tad-Direttur tat-Toroq. Għalhekk nissuġerixxi li tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru responsabli, jekk ikun il-każ.

Qormi — Triq Mikel Baldacchino

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tinbena Triq Mikel Baldacchino, f'Ħal Qormi li minkejja li ilha mimlija residenti għal snin sħaħ, għadha sal-lum mhux mibnija b'detriment serju għar-residenti u għal kull min juża din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta' toroq ma' Malta kollha, u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Leg 9 PQ #21751 Sitting 445 2000-12-02 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fabbrika li hemm fl-area ta' Triq Nikol Baldacchino f'Ħal Qormi, għandhiex permessi biex topera? Jekk għandha permessi, x'tip ta' permessi għandha? Xi prodotti għandha permess biex timmanifattura u tipproduċi? Għandha permess biex ikollha saqaf tal-pjanċi u li l-ilma tax-xita li jaqa' fuqu jaqa' fit-triq bil-konsegwenza ta' ħolqien ta' inkonvenjenzi kbar u periklu? Għandha permess għal ħajt imtella' fit-Triq Nikol Baldacchino, Ħal-Qormi? X'passi ttieħdu dwar dan il-ħajt li waqgħu minn fuqu xi filati għat-triq bil-konsegwenza ta' perikli u ħsarat għal terzi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, fil-post imsemmi, hemm fabbrika liċenzjata mal-Pulizija sabiex tipproduċi, tibbottilja u tbiegħ ilma, fruit juices, ice tea u istonic drinks. Infurmat ukoll, illi minn spezzjoni li saret mill-Pulizija fl-1 ta` Diċembru 2000, ma jirriżultax li hemm xi ħitan imwaqqgħin. Għal dak li jirrigwardja l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ninsab infurmat illi l-ħajt li hu mibni fi Triq Nikol Baldacchino hu kopert b`permess tal-bini P2120/78/2049/77 maħruġ fl-14 ta` Lulju 1978. L-Awtorita` ser tinvestiga xi soqfa tal-pjanċi li nbnew fil-bitħa ta` dan il-post u jekk ikun il-każ tittieħed azzjoni rimedjali skond il-liġi appena jiġu konklużi l-investigazzjonijiet.

Qormi — St. Catherine Street - Alley 2

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta Alley 2, f'St. Catherine Street, Qormi se tingħata t-tarmak?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li peress li l-isqaq kien ilu li kien asfaltat, ix-xogħol ta` manutenzjoni/resurfacing li jrid isir fih jagħmlu l-Kunsill Lokali. Għalhekk nitlob l-Onor. Interpellanta tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Toroq — Dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi nstallata lampa fil-kantuniera ta' Triq iċ-Ċawsli ma' Triq l-Imdina li hija l-aktar area diżabilitata fl-akwata u nieqsa mid-dawl?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
Leg 9 PQ #21692 Sitting 442 2000-12-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Nursing officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-riżultati ta' l-interviews li saru bejn Lulju u Awissu għall-ingaġġ ta' nursing officers? Meta se jiġu ngaġġati dawn in-nursing officers?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma sarux interviews għall-ingaġġ ta' Nursing Officers.
Leg 9 PQ #21695 Sitting 442 2000-12-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Reconcilation Programme — Victim/offender

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sistema jew metodu ta' victim/offender reconciliation programme teżistix f'Malta? Jekk iva, liema huma dawk l-organizzazzjonijiet u dipartimenti governattivi nvoluti? Jekk saret, x'riżultati tat? Jeżistu nies kompetenti f'dan il-qasam? Il-vittmi ta' reati, x'għajnuna jirċievu mill-pulizija, mill-Qrati, mill-Gvern? Jekk victim/offender reconcilation programme mhux fis-seħħ, hemm xi ħsieb li dan jsir u min se jkun responsabbli minnu?

Response (BORG, TONIO)

L-Emendi li hemm proposti għall-Kodiċi Kriminali jaħsbu biex għall-ewwel darba fl-istorja legali ta` Malta l-vittma f`reat ikollha d-dritt li tattendi u tkun preżenti waqt il-proċeduri kriminali kontra l-akkużat. B`din l-emenda il-vittma: (a) ser tibda tgawdi mid-dritt li tkun preżenti f`kull stadju tal-proċeduri kriminali anke fejn hi ser tkun xhud; (b) ser tgawdi wkoll mid-dritt ta` assistenza legali quddiem il-Qorti ta` l-Appell Kriminali fil-gurisdizzjoni inferjuri tagħha; (c) ser tkun tista` titlob li l-atti tal-każ li jkunu ġew deċiżi mill-Qorti tal-Maġistrati jintbagħtu lill-Avukat Ġenerali biex dan jikkunsidra jekk hemmx lok għall-appell; (d) ser tkun tista` tagħmel sottomissjonijiet quddiem il-Qorti Kriminali u l-Qorti ta` l-Appell Kriminali meta din tasal biex tagħti l-piena f`kawżi ta` ġuri u l-appelli minn dawn il-kawżi. Barra minn dan jien ninsab infurmat li teżisti kooperazzjoni sħiħa bejn il-Pulizija u l-programmi tal-SWDP (Social Welfare Development Programme) fi ħdan il-Ministeru tal-Politika Soċjali biex iħarsu u jieħdu ħsieb l-interessi tal-vittmi tar-reati li jkunu għaddew minn trawma wara t-twettieq ta` dawn ir-reati. Kemm il-Pulizija u kemm l-SWDP għandhom in-nies kompetenti u b`esperjenza biex jittrattaw każijiet delikati ta` din il-kwalita`. Ninsab infurmat ukoll li diversi persuni jagħmlu użu tajjeb minn dawn is-servizzi, iżda għal raġunijiet ovvji ma jistgħux jiġu kwantifikati r-riżultati li qed jinkisbu minn dawn l-inizjattivi.
Leg 9 PQ #21648 Sitting 441 2000-11-30 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Probation order

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il probation order f'dawn l-aħħar snin ingħataw mill-qorti? Kemm minnhom kienu ta' sess maskili u kemm minnhom kienu ta' sess femminili? Kemm minnhom kienu ta' nazzjonalita' Maltija u kemm minnhom kienu ta' nazzjonalita' barranija?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21218, ninsab infurmat li l-persuni li ngħataw probation kienu mqassma kif ġej:- Irġiel Nisa Maltin 987 137 Barranin 26 3

"The Count of Monte Cristo"

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-film "The Count of Monte Cristo" fis-sens ta' kemm inġabu nies tas-sengħa minn barra minn Malta u nħarġilhom il-work permit biex jaħdmu fih? U kemm kien hemm Maltin fl-istess kategorija?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Interpellant tkun aktar speċifika dwar it-terminu "nies tas-sengħa".

Benefiċċji soċjali — Children's allowance

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħlasijiet ta' children's allowance li huma b'lura? Veru li hemm każijiet ta' trabi li saħansitra twieldu f'April 2000 u li sal-lum il-ġenituri għadhom ma rċevewx iċ-children's allowance?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' talbiet ġodda li għadhom pendenti għall-Allowance tat-Tfal huwa ta' 95 u dawn huma talbiet li waslu fid-Dipartiment bejn l-24 t'Ottubru 2000 sat-13 ta' Novembru 2000. Hemm 270 każ ta' talbiet pendenti ta' qabel l-24 t'Ottubru. Dawn għadhom pendenti minħabba li l-applikanti kkonċernati naqsu li jibgħatu d-dokumenti li talabhom id-Dipartiment sabiex ikun jista' jipproċessa t-talba tagħhom.