Legislature:
Category:
Reset
Active:

Siġġiewi — Art f'Ta' Kirċeppu

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'titolu legali għandhom ir-residenti fuq l-art li ngħatat lilhom mill-gvern bejn l-1981/2, fl-area magħrufa ta' Kirċeppu fis-Siġġiewi, u li bnew darhom fuqha? Jista' jinnota li wħud minn dawn ir-residenti f'din l-area għadhom b'konvenju mal-gvern u mhux b'kuntratt mal-gvern wara dawn is-snin kollha? X'qed jagħmel il-gvern biex jirregolarizza din is-sitwazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Il-parti l-kbira tal-area magħrufa ta’ Kerċeppu fis-Siġġiewi minn dejjem kienet proprjeta’ tal-Gvern u qatt ma kien hemm diffikulta’ li jsir kuntratt mar-residenti li għandhom ir-residenza tagħhom fuq din il-parti. Ir-residenti li għandhom ir-residenza tagħhom fuq il-partijiet li ġew esproprijati imma għadu ma sarx il-kuntratt mas-sidien ta’ l-art, għadhom b’konvenju. Dawn ir-residenti ikunu jistgħu jiffirmaw il-kuntratt tar-residenza tagħhom malli d-Dipartiment ta’ l-Artijiet, ikollu l-fondi sabiex ikun jista’ jħallas il-kumpens dovut lis-sidien ta’ l-art.

MTA — Gradwati fil-BA (Hons) Tourism Studies

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il Malta Tourism Authority impjegat gradwati fil-BA (Hons) Tourism Studies minn kemm ilu mwaqqaf il-kors fl-Universita' ta' Malta? Kemm gradwaw studenti f'dan il-qasam ta' studju minn kemm ilu mwaqqaf il-kors fl-Universita' ta' Malta? X'inhu l-futur ta' dawn iż-żgħażagħ li qed jispeċjalizzaw fil-qasam tal-politika u r-riċerka turistika? X'opportunitajiet ta' xogħol hemm għalihom fil-preżent u x'qed ikun ippjanat mill-gvern biex jinħolqu opportunitajiet fil-futur għal dawn il-gradwati?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li kemm ilu mwaqqaf il-kors tal-BA (Hons) Tourism Studies fl-Universita' ta' Malta, l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu mpjegat tliet gradwati. Il-kors beda jiġi organizzat fl-Universita mill 2001 'il hawn. Kien hemm 69 student li ggradwaw kemm ilu mwaqqaf il-kors. Dan il-kors huwa ntiż biex jagħti lill-istudenti bażi wiesgħa ta' studji li filwaqt li jiżviluppaw il-ħiliet u l-karattru tagħhom, jiksbu tagħrif dwar l-oqsma varji tat-turiżmu f'Malta fi sfond internazzjonali. L-istudji jkopru l-aspetti soċjo-kulturali, ekonomiċi, maniġerjali u finanzjarji tat-turiżmu. Għalhekk il-gradwati jkollhom il-possibilta' jaħdmu f'diversi oqsma ta' din l-industrija importanti għall-Malta u fl-istess waqt jikkontribwixxu biex din l-industrija tkun aktar diversifikata fil-futur. Il-parti l-kbira ta' l-istudenti li jiggradwaw f'dan il-Kors jaħdmu f'xogħol konness mal-industrija tat-turiżmu, kemm fis-settur privat u kemm fis-settur pubbliku.

Ħaddiema tax-Xatt

Question

Jista' il-Ministru jgħid fid-dettall min huma dawk il-ħaddiema tax-Xatt li għandhom id-dritt li wara li jispiċċaw mill-impjieg, l-impjieg tagħhom jista' jintiret minn dixxendenti? Jista' jgħid min jista' jiret l-impjieg, jiġifieri jekk hux l-ulied u/jew l-aħwa? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm xi tip ta' ftehim bejnu u r-rappreżentanti ta' dawn il-ħaddiema fuq din il-materja tal-wirt ta' l-impjieg? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja ta' dan il-ftehim fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-liċenzja ta' dawk il-ħaddiema tal-port li kienu hekk liċenzjati sas-17 ta' Settembru 1990 u li jirtiraw jew li jmutu tista' tintiret mill-ulied, izda fin-nuqqas ta' ulied ta' haddiem tal-port li jirtira jew imut u li kien hekk liċenzjat fl-10 ta' Ġunju 1975, il-liċenzja tista' tintiret mill-aħwa tal-ħaddiema tal-port. (Vide Regolament 13 tar-Regolamenti tal-haddiema tal-Port tal-1993). Sa llum ma sar l-ebda ftehim ġdid fuq din il-materja tal-wirt ta' mpieg.

Assistant/support care workers

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm Assistant/support care workers mal-gvern, i.e. dipartimenti, aġenziji tal-gvern, eċċ? Kif inhuma mqassmin skond l-entita'? Il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi tagħhom huma l-istess, jaħdmu fejn jaħdmu? Tista' il-Ministru tqiegħed kopja tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-iskala tas-salarji? Dawn huma mpjegati fuq bażi ta' kuntratt indefinit jew mod ieħor?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nifhem li l-Onor. Interpellanti qed tirreferi għall-gradi ta' assistant care worker, care worker u support worker. Ninsab infurmata li t-taħrif mitlub dwar id-Dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kura barra minn Malta

Question

Il-ftehim li kien għamel gvern Laburista dwar kura barra minn Malta fl-Ingilterra, se jissokta jew jispiċċa issa li aħna membri ta' l-UE? Dan bħal protokol Taljan li kien sar ukoll minn gvern Laburista li qed jiffinanzja l-bini tat-toroq u li l-gvern Nazzjonalista qed jgħid li huma ffinanzjati mill-EU?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehim bejn Malta u l-Ingilterra dwar kura medika għadu qed jiġi rivedut. Il-ftehim l-antik għadu fis-seħħ.

Protokol Taljan

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-protokol Taljan li ġab il-gvern Laburista u li permezz tiegħu qed jiġi ffinanzjat il-bini ta' toroq, imma li pero' qed jingħad mill-gvern Nazzjonalista li dawn huma fondi ta' l-EU, hux se jkun l-aħħar wieħed minħabba li issa aħna wkoll membri ta' l-unjoni?

Response (FRENDO, MICHAEL)

L-aħħar Protokoll Taljan ġie ffirmat fl-20 ta' Diċembru 2002 ġewwa Ruma meta f'Malta ma kienx hawn"Gvern Laburista" li spiċċa fl-1998. Daħal fis-seħħ fil-5 ta' Jannar 2004. Dan huwa il-ħames wieħed fis-sensiela ta' Protokolli bejn Malta u l-Italja. L-għan prinċipali ta' dan il-Protokoll huwa li jiffaċilita l-adeżjoni ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u għal dan il-għan qiegħed jiffinanzja proġetti li jikkontribwixxu b'mod dirett għat-titjib kontinwu fis-settur ekonomiku, soċjali u kulturali ta' Malta fid-dawl ta' l-integrazzjoni ta' pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.

Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, se tiġi allokata akkomodazzjoni soċjali għaliex ilha aktar minn 17-il sena li applikat u dan peress li l-fond li llum tgħix fih huwa bla arja, bil-konsegwenza li membru tal-familja tagħha żviluppat kondizzjoni medika kronika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.

Akkomodazzjoni soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta l-familja indikata separatament se tiġi allokata akkomodazzjoni soċjali peress li l-fond fejn toqgħod illum għandu biss kamra waħda u mhijiex f'kundizzjoni li jabitaw fih erbgħa minn nies, bil-konsegwenza li żewġ membri ta' din il-familja żviluppawlhom kundizzjonijiet mediċi kroniċi kif jixhdu ċ-ċertifikati mediċi li ġew mgħoddija lid-dipartiment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.

Akkomodazzjoni soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid f'liema stadju ta' proċess waslet l-applikazzjoni indikata separatament, sabiex issir allokazzjoni ta' akkomodazzjoni soċjali peress li dan il-każ ilu pendenti madwar 17-il sena? Tista' il-Ministru tinnota li tul dan iż-żmien kollu din il-familja qatt ma ġiet offruta xejn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.

Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta l-persuna ndikata separatament li trabbi familja waħedha u li tinsab homeless se tiġi allokata akkomodazzjoni soċjali? Taf il-Ministru li din il-familja ilha f'din is-sitwazzjoni aktar minn tlett snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.

UE — Fondi strutturali għal SMEs

Question

Dwar il-fondi strutturali mill-EU għal SMEs, dawn il-fondi suppost li tqassmu mill-Malta Enterprise? Meta tqassmu? Lil min? Kumpanniji? Individwi f'isem SMEs? Kemm kienu l-pagamenti individwali lil kull SME?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Membru li tirreferi 1-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Sptar San Luqa — Reserved parking

Question

Jista' il-Ministru jgħid min għandu dritt jipparkja fir-reserved parking ta' l-isptar San Luqa? a) VIPs - min? b) konsulenti/tobba - min? c) nurses - min? d) fattigi - m in? Min hu intitolat għal parking b'xejn?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Isptar San Luqa hemm diversi parkeġġi: VIP Area Dawn l-imsemmija huma eliġibbli li jipparkjaw fil-VIP Area President ta' Malta L-Arċisqof ta' Malta u l-Isqof ta' Għawdex Prim Ministru Ministri u Segretarji Parlamentari Membri Parlamentari (attivi) Kap ta' l-oppożizzjoni Kap ta' AFM Avukat Ġenerali Prim Imħallef Maġistrat ta' Għassa Seġretarju Permanenti tas-Saħħa Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita' Diretturi (Dipartiment tas-Saħħa) Uffiċjali għolja fil-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita' CP3 And CP4 Dawk l-impjegati li għandhom grad ta' konsulent huma eliġibbli li jipparkjaw f'dawn il-parkeġġ. Hemm konsulenti li għalkemm ma jaħdmux l-isptar dawn qegħdin jagħtu servizz lill-isptar u għalhekk għandhom dritt li jipparkjaw f'dawn il-parkeġġi. CP2 F'dan il-parkeġġ jipparkjaw it-tobba u dentisti kollha li jaħdmu l-Isptar San Luqa kif ukoll dawk li qegħdin jaħdmu fl-isptarijiet oħra imma qegħdin jagħtu servizz fl-Isptar San Luqa. CP6 CP7 CP8 u ring road Spiżjara infermiera paramediċi u staff ieħor li huma fi grad 5 sa 9 huma eliġibbli li jipparkjaw f'dawn l-imsemmija parkeġġi. Hemm impjegati speċifiċi li nħarġilhom permess b'deċiżjoni mill-Uffiċċju ta' CEO. L-impjegati kollha ta' l-Isptar San Luqa li huma fi grad 10 'l fuq u li jaħdmu fuq roster huma eliġibbli li jipparkjaw CP3 CP4 CP6 CP7 CP8 u ring road. Dawn huma eliġibli li jipparkjaw mis-2.30 ta' wara nofs inhar sas-7.30 ta' filgħodu matul il-ġimgħa u l-ġurnata kollha fil-Ħdud u Festi Pubbliċi. Parkeġġi għal persuni b'diżabilita Hemm numru ta' parkeġġi fl-inħawi tad-Dipartiment ta' l-Out Patients li huma allokati għal persuni b'diżabilita. Dawn huma mingħajr ħlas. Concessionary Parking Areas Hemm numru ta' pazjenti li jattendu frekwenti fir-Renal Unit u f'Wonderland li nħarġilhom permess biex jipparkjaw f'dawn l-imsemmija parkeġġi. L-istaff kollu , pazjenti li jattendu r-Renal Unit, ġenituri ta' t-tfal li jirċievu kura f'Wonderland, u pazjenti tal-Haematology li jkunu day patients huma ntitolati għal parking b'xejn ġewwa l-Isptar San Luqa.

AFM — Membri

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk is-suldati fl-Armata, li huma eliġibbli, humiex se jingħataw il-medalji kif soltu kienu jingħataw wara 18-il sena u 25 sena servizz? Jekk le, għaliex u meta din se tingħatalhom fil-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-Gvern mhux marbut li jagħti l-imsemmija medalji kull sena. Fil-fatt kemm fl-1997 u kemm fl-1998 il-Gvern ta’ dak iż-żmien għażel li ma jagħtix dawn il-medalji.

PBS — Marketing Department

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm sar u qed isir overtime mill-marketing department tal-PBS mill-eżerċizzju tar-re-structuring 'il hawn, xahar b'xahar?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li n-numru ta' siegħat ta' overtime li sar mis-Sales & Marketing Dept., minn Setttembru 2004 l'hawn huwa kif ġej, għall-eqreb siegħa: Ottubru ħamsa w sebgħin Novembru mija u tmintax Diċembru mija u tlieta w erbgħin. Ta' min jgħid li dawn it-tlett xhur huma l-iżjed xhur li fihom ikun hemm xogħol f'dan id-Dipartiment minħabba n-numru kbir ta' reklami li jkun hemm f'dawn iż-żminijiet tas-sena.

IPSL — Ħaddiema

Question

No question text.

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li meta l-ħaddiema tal-IPSL jiġu mibgħuta jaħdmu ma xi dipartiment ieħor tal-Gvern jibqgħu igawdu l-paga, l-overtime bir-rata ta' siegħa u nofs u l-leave li kellhom qabel ma ġew ingagati mal-Kumpanija IPSL. Il-paga u l-leave tal-ħaddiema jitħallsu mill-IPSL. Il-flus għall-overtime joħroġhom id-Dipartiment fejn ikun sar l-overtime imma jitħallsu mill-IPSL wara li d-Dipartiment konċernat jgħaddi l-flus dovuti lill-IPSL. Meta ħaddiem tal-IPSL jiġi trasferit ma' Dipartiment tal-Gvern jibqa bil-grad li għandu iżda għandu jwettaw ix-xogħol skond l-esiġenzi ta' dak id-Dipartiment li jkun ġie trasferit fih. Fl-eventwalita' li l-ħaddiem ikun qed jagħmel xogħol ta' anqas mill-grad, huwa jibqa jgawdi l-istess paga/salarju.

IPSL — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta l-ħaddiema ta' l-IPSL jiġu mibgħuta jaħdmu ma' xi dipartiment ieħor tal-gvern il-kondizzjonijiet li kellhom, bħal paga kollha, overtime bir-rata ta' siegħa u nofs u l-leave kollu jibqgħux l-istess bħal dawk li kellhom qabel ma ġew ingaġġati mal-kumpannija l-ġdida ta' l-IPSL? Min hu responsabbli li jħallas il-paga kollha, overtime bir-rata ta' siegħa siegħa u nofs u l-leave kollu lill-ħaddiema, l-- IPSL jew id-dipartiment li miegħu l-ħaddiema jkunu mislufin? Jista' jgħid ukoll jekk il-grad tal-ħaddiema ta' l-IPSL jibqax sostnut għall-finijiet ta' kondizzjonijiet u paga, eċċ., meta jiġu trasferiti f'dipartimenti tal-gvern? X'se jsir minn dawk li kienu fil-middle management u huma trasferiti f'dipartimenti tal-gvern? Dawn jonqsu mill-gradi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għal mistoqsija parlamentari tiegħu tingħata f'xi seduta oħtra.

Universita' il-qadima — Sala tal-librerija

Question

Jikkonsidra l-Ministru li s-sala tal-librerija ta' l-Universita' l-Qadima, illi tkun għal ħafna żmien mhux attivata, tintuża għal-lectures ta' l-istudenti ta' l-Universita' tat-terza eta' u b'hekk ikun qed jintwera rispett ġenwin u pożittiv għal dawn l-anzjani peress li fejn qed jattendu llum mhu xejn addattat biex jinħoloq ambjent tabilħaqq tajjeb?

Response (GALEA, LOUIS)

Nassigura l-Onor. Membru li napprezza tassew il-fatt li fakkritni fl-imħabba ġenwina u rispett għall-anzjani meta flimkien mal-Profs. John Rizzo Naudi, allura l-ewwel segretarju Parlamentari għall-Anzjani, u jien, allura Ministru għall-Politika Soċjali, waqqafna l-Universita' tat-Tielet Eta'. Fraħna tassew meta l-attendenza żdiedet tant li l-faċilitajiet attwali ma baqgħux aktar biżżejjed tajba għal din il-ħidma fejjieda. Il-Ministeru tiegħi ilu issa jikkonsidra sit alternattiv għal din l-Universita' jew faċilitajiet aħjar.

Adozzjonijiet

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm saru adozzjonijiet wara Ġunju ta' l-2001, minn liema pajjiżi saru sena b'sena? Kemm minn dawk tar-Rumanija li ġew imsejħa pipeline cases inqdew? Huwa minnu li għad hemm xi nies li ma nqdewx?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti fl-ewwel parti tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar żewġ partijiet tal-Mistoqsija ninsab infurmata wkoll li mid-disa familji li kienu bdew il-proċess għall-adozzjoni mir-Rumanija meta din twaqqfet, għad fadal tliet familji li ghadhom jistennew biex iġibu t-tfal minn dak il-pajjiż.

Sptar San Luqa — Hearing aids

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex mhumiex jingħataw hearing aids mill-isptar lit-tfal neqsin mis-smiegħ, bil-konsegwenza li hemm tfal li ilhom madwar sena mingħajr hearing aid?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-hearing aids issa qegħdin l-isptar San Luqa u diġa' bdew jingħataw lill-pazjenti konċernati.