Jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li hejja s-segretarjat tal-kummissjoni nazzjonali persuni b'diżabilita dwar ir-riżorsi umani li għandha bżonn il-kummissjoni biex taqdi sew il-funzjonijiet tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' ħejjiet rapport dwar ir-riżorsi umani li l-Kummissjoni għandha bżonn biex taqdi sew il-funzjonijiet tagħha. F'dan ir-rapport il-Kummissjoni stabbiliet li bħala minimu għandha bżonn żewġ ħaddiema oħra, wieħed jew waħda fil-livell maniġerjali u ieħor jew oħra fil-livell ta' Uffiċċjal tas-Servizzi. Dan ir-rapport jorbot mal-ftehim kollettiv.
Minħabba li għadhom għaddejjin diskussjonijiet dwar dan il-ftehim bejn il-Kummissjoni, il-Union Ħaddiema Maqgħudin u l-Ministeri tal-Finanzi u għall-Politika Soċjali, ma nħossx li jkun għaqli, jekk f'dan l-istadju jiġi ppubblikat aktar tagħrif.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultat tas-survey nazzjonali li l-kummissjoni nazzjonali persuni b'diżabilita' kienet nediet matul s-sena 1992?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' ppubblikat żewġ analiżi tas-survey nazzjonali li hi nediet mill-1992 wieħed ippubblikat fl-1994 u ieħor fl-1999. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-aħħar survey. Barra minn hekk dan is-survey qiegħed ukoll fuq il-homepage tal-Kummissjoni bl-indirizz www.knpd.org.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li madwar 110 applikazzjonijiet għall-iżvilupp ma ġewx rakkomandati mill-kummissjoni nazzjonali persuni b'diżabilita' matul is-sena li għaddiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-1 ta' Jannar 2000 il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' bdiet tivvettja l-applikazzjonijiet lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-Iżvilupp ta' bini miftuħ għall-pubbliku u ta' użu maġġuri.
Matul din is-sena, l-Kummissjoni vvettjat 251 applikazzjoni li minnhom
a) ġew rakkomandati 8
b) ġew rakkomandati b'kundizzjoni 98
c) ma ġewx rakkomandati 110
Ir-raġunijiet għala dawn ma ġewx rrakkomandati huma diversi iżda dawk prinċipali huma:
a) li dawn ma għandhomx aċċess għall-bini adekwat għall-persuni li jużaw siġġu tar-roti;
b) ma għandhomx lift jew il-lift mhux tajjeb għall-persuni li jużaw siġġu tar-roti;
c) ma għandhomx faċilitajiet sanitarji tajbin għall-persuni li jużaw siġġu tar-roti.
Il-Kummissjoni ppubblikat ktieb bl-isem "access for All - Design Guidelines" biex tgħin lill-periti jiddisnjaw dan il-bini b'tali mod li meta jiġu vvettajti mill-Kummissjoni dawn ikunu jistgħu jiġu approvati. Qieghed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-ktieb li jinsab ukoll fuq il-web-page tal-Kummissjoni bl-indirizz www.knpd.org.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pjan imhejji mit-task force imwaqqfa apposta dwar is-servizzi ta' matul il-jum għal persuni b'diżabilita' tlestiex? Jekk le, meta huwa mistenni li jitlesta? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dan il-pjan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-informazzjoni qieghda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk adult training centres għal persuni b'diżabilita' hux se jkunu f'qagħda li jieħdu l-istudenti li s-sena d-dieħla se jispiċċaw mill-Ispecial Schools? Hemm xi pjanijiet ġodda kif dawn l-adult training centres jistgħu jiżviluppaw programmi li jhejju aħjar lil dawn iż-żgħażagħ kemm għal qasam tax-xogħol kif ukoll għall-oqsma oħra fil-ħajja? X'inhuma dawn il-pjanijiet, jekk iva?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex ipoġġi l-mistoqsija lill-Ministru tal-Politika Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport dwar is-servizzi residenzjali fil-komunita' għal persuni b'diżabilita' mhejji mill-kummissjoni nazzjonali persuni b'diżabilita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' (KNPD) ikkummissjonat rapport mingħand il-Management Efficiency Unit (MEU) dwar "Residential Services for Persons with Disabilities". Fl-4 ta' Ġunju 1999 dan ir-rapport ġie ppreżentat mill-MEU lill-Kummissjoni. Kopja ta' dan ir-rapport flimkien mal-appendiċi qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-istess MEU komplew jaħdmu fuq dan ir-rapport u f'Jannar 2000, ippreżentaw lill-KNPD "Feasability Study" dwar l-ewwel rapport. Kopja ta' dan l-istudju qed jitpoġġa ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-fakulta' ta' l-arkitettura ta' l-Universita' għadha m'aċċettatx li l-kummissjoni nazzjonali persuni b'diżabilita' tagħti serie ta' lectures fuq issues dwar id-diżabilita lill-istudenti biex tikber l-awareness u jkunu jistgħu jithejjew aħjar dwar l-issue ta' l-aċċessibilita' fil-bini f'pajjiżna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-suġġett ta' aċċessibilita' għal persuni b'diżabilita' huwa nkluż fil-Kurrikulu tal-Fakulta' u jingħata importanza fix-xogħol tad-disinn lill-istudenti.
Informat ukoll li d-Dekan tal-Fakulta' se jkollu laqgħa maċ-Chairperson tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' bl-iskop li jsiru l-arranġamenti neċessarji għal koperazzjoni bejn il-Fakulta' u l-Kummissjoni.
Jista' l-Ministru jara li ż-żewġ zebra crossings li dan l-aħħar saru fi Triq il-Ħelsien, Ħal Qormi jsirilhom d-dawl u jiġu mmarkati aħjar għaliex kif inhuma illum m'humiex jilħqu l-għan tagħhom, minħabba li ħafna sewwieqa ma jindunawx li ġew fuq zebra crossings u għalhekk min jaqsam minn fuqhom mhux sigur biżżejjed, speċjalment fid-dlam? Jista' jara li din il-faċilita' (zebra crossing jew xi facilita' oħra) tiġi estiza għal parti ta' fuq ta' Triq il-Ħelsien u għal parti t-isfel ta' l-istess area, magħrufa bħala Triq il-Ħammieri?
Response (GALEA, ĊENSU)
Dwar l-ewwel parti tad-domanda, għaddejt it-talba lil Bord għall- Kontroll tat-Traffiku.
Dwar il-kumplament, jien infurmat li l-punti mqajjma ġew riferiti lill-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx pjanijiet biex isir xi xogħol ta' embellishment fl-area ta' qrib il-blokki ta' l-appartamenti fi Triq id-Deheb Fin, f'Ħal Qormi, bħal per eżempju bankijiet eċċ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li xogħol ta` embellishment isir mill-Kunsill Lokali, l-Onor. Interpellanta hi mitluba tirreferi l-mistoqsija tagħha lil-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk dawk il-familji li mhux qed jikkwalifikaw għac-children allowance u għandhom tfal b'diżabilita' iffissirx li dawn m'humiex se jikkwalifikaw għall-allowance tad-diżabilita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-test tal-mezzi għal talbiet ta' l-Allowance għal tfal b'Diżabilita' huwa aktar miftuħ minn dak għal talbiet għal Allowance tat-Tfal. Infatti, fil-każ ta' ġenituri li għandhom tfal b'Diżabilita' jittieħed biss l-ogħla dħul ta' wieħed mill-ġenituri, u sakemm dan ma kienx iżjed minn Lm13,270 fis-sena preċedenti, il-ġenituri jiġu mħallsa l-Allowance għal tfal b'Diżabilita'.
Għalhekk mhux il-każ li familji li ma jikkwalifikawx għall-Allowance tat-Tfal minħabba l-meżżi, neċessarjament ma jikkwalifikawx għall-Allowance għal Tfal b'Diżabilita'.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-istudenti ta' l-iskola Sekondarja Maria Assunta ħarġu madwar tlett darbiet f'ġimgħa, matul il-ġimgħa li tibda 29 ta' Jannar 2001?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul il-ġimgħa li bdiet fid-29 ta' Jannar, mill-iskola Marija Assunta, ħarġu l-istudenti tal-Form I:1 darba, u l-Form IV:4 darba biss, fil-31 ta' Jannar 2001. Ma kien hemm ebda ħruġ ieħor ta' studenti matul dik il-ġimgħa.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li kienu għamlu l-esperti Ġermaniżi dwar is-sitwazzjoni tat-toroq f'Malta u r-rakkommandazzjonijiet tagħhom dwar it-titjieb ta' din il-qagħda?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dawn ir-rapporti tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra f'seduti Nru. 75 u 352.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex xi studenti li jattendu fl-Institute of Health Care, dan l-aħħar kien qed jirċievu l-istipendji tagħhom b'madwar tlett ġimgħat b'lura?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Bord għall-Għotjiet ta' Manteniment lill-Istudenti ma rċieva ebda ilment fis-sens li qed tgħid l-Onor. Membru. L-uffiċċju li hemm fil-Junior College Gian Franġisk Abela li fih jinħadmu l-istipendji ta' dawn l-istudenti, wkoll ma kienx informat b'dan it-tip ta' diffikultajiet.
Fid-dawl ta' din l-interpellanza qed isiru verifiki mad-Dipartiment tat-Teżor, minn fejn finalment joħorġu dawn il-ħlasijiet, biex jinstab jekk kienx hemm dewmien u kif dan jista' jkun rimedjat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie stabilit li jrid ikun it-tul uffiċjali biex persuna tkun tista' tapplika għal pulizija? Kemm kien it-tul rikjest fl-ingaġġi li kienu saru mill-1995 'l hawn, sena b'sena?
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-istudenti li jattendu l-Iskola Paolino Vassalli, u partikolarment dawn li għandhom l-B.Tech Course, humiex se jingħataw iċ-ċans li jingħataw summer work?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Summer Work normalment jipparteċipaw fih l-istudenti ta' l-Universita` ħlief f'każ eċċezzjonali fejn studenti tas-Secretarial Course ingħataw xogħol fis-sajf għax hekk kien indikat fil-prospectus ta' dan il-kors.
Din is-sena s-Summer Work se jkun ristrett biss għall-istudenti ta l-Universita` fuq proġetti konnessi ma' attivitajiet għat-tfal fl-iskejjel fil-kwadru ta' Skola Sajf.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-korp tal-pulizija li għandhom tul anqas minn 5 piedi u sitt pulzieri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kejl tal-membri tal-Korp tal-Pulizija huwa rekwiżit u jsir ma` l-ingaġġ. Infurmat ukoll illi statistika tat-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli. Ir-rekwiżit tat-tul ma għadux japplika fil-każ ta` ingaġġ ta` spetturi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern għandux pjan biex jirregola l-ħlasijiet ta' dawk il-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tas-sigurta', bħal security guards, private guards, wardens, ecc.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fit-22 ta' Diċembru 2000, ġie ppublikat Avviż Legali 264 ta' l-2000, imsejjaħ l-Ordni ta' l-2000 biex Jirregola l-Pagi mill-Kunsill tal-Pagi għas-Settur li Jipprovdi Servizzi ta' Sigurta'.
Din l-Ordni tkopri l-impjegati li jaħdmu ma' ażjendi li jipprovdu servizzi ta' sigurta' u jinkludu, bouncers, watchmen, wardens, bodyguards, security officers u security attendants. L-Ordni tirregola l-kundizzjonijiet minimi tax-xogħol ta' dawn l-impjegati fosthom, il-paga, s-siegħat tax-xogħol, l-anqas ħin ta' mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa, rati ta' sahra, u leave għal vakanzi, mard u korriment.
Din l-Ordni ser tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2002, ħlief għal dak li jirrigwarda r-rati ta' sahra li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2003.
Għal dak li jirrigwarda l-paga, sakemm jidħlu fis-seħħ il-provvedimenti ta' din l-Ordni, il-ħaddiema f'dan is-settur huma koperti bl-Ordni ta' Standard Nazzjonali ta' l-2000, dwar l-Inqas Paga Nazzjonali.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari nru. 21008?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħol imkejjel li sar fuq itTrinka li qiegħda titħaffer fi Triq Fortunato Mizzi, irRabat, Għawdex, s'issa sewa Lm33250.00. Listima taddipartiment oriġinarjament kienet ta' Lm49000. Iżżmien li kellha titlesta kien ta' 20 ġimgħa u dan għadu ma skadiex.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 21749, jista' l-Ministru jikkummenta fuq din il-mistoqsija peress li fit-tweġiba oriġinali hemm riferenza li huwa kompitu tad-dipartiment li jaqa' taħt ir-responsabbilita' tiegħu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jispezzjona t-triq u jara l-ħitan imwaqqa biex jiġi determinat min hu responsabbli tat-tiswija tagħhom.