Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir xi ħaġa biex ma jibqax jinġema ilma fil-parti tal-bypass ta' l-Imrieħel li tiġi wara l-fabbrika Dowty? Meta se ssir il-bankina hemm hekk?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ma jidhirx li fil-bypass ta' l-Imrieħel fit-tul tagħha jżomm xi ilma għal raġuni li meta nbniet saru l-culverts fil-ġenb tagħha biex l-ilma jkun jista' jinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemx xi pjani min-naħa tad-dipartiment ta' l-edukazzjoni fir-rigward ta' dawk it-tfal li huma xi ftit slow, biex waqt l-eżamijiet ikollhom ambjent u sistema aktar adatta u biex isir assessment aktar xieraq tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-taqsima għall-Assessjar Edukattiv f'dawn l-aħħar snin ħolqot inizjattivi biex l-istudenti kollha jiġu milħuqa fl-eżamijiet. Ċerti elementi diġa' qed jidhru u se jiżviluppaw iżjed bl-implimentazzjoni fil-Kurrikulu Nazzjonali. Waqt li jibqgħu mħarsa l-livelli meħtieġa l-karti qed isiru dejjem iżjed 'candidate friendly' fil-preżentazzjoni u l-kontenut u l-mistoqsijiet u l-marki fil-karti ta' l-eżamijiet huma mferrxa biex jilħqu kull livell ta' l-istudenti.
Din is-sena l-kandidati tal-Year 6 b'arranġamenti speċjali għall-eżamijiet se jkunu fl-ambjent ta' l-iskejjel tagħhom. Għal dan l-iskop din is-sena sar taħriġ speċjali lil kull Assistent Kap ta' l-iskejjel primarji B u C u lill-għalliema tal-Complementary u l-Peripatetic.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm biex l-area tal-Blat II Ħal-Qormi tiġi serviced b'arranġamenti tat-trasport pubbliku xieraq biex jaqdi l-bżonnijiet tal-familji li jgħixu f'din l-area? Jekk hemm pjani, meta se jitwettqu? Jekk m'hemmx, meta se jsiru?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ma hemm l-ebda pjan sabiex jingħata servizz tat-trasport pubbliku fil-lokalita' indikata.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-iskart domestiku fl-area ta' Tal-Blat II f'Ħal Qormi jinġabar darba iva u darba le? Jista' jgħid jekk dan l-arranġament sarx ma' xi awtorita' u jekk ġewx ikkonsultati r-residenti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ġbir ta' l-iskart jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsilli Lokali. Għaldaqstant nitlob l-Onorevoli Interpellant biex tgħaddi din il-mistoqsija lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi pjani biex l-area residenzjali f'Tal Blat II Ħal Qormi, tiġi embellised b'mod biex jittaffa l-impatt negattiv li hemm fuqha minħabba li qiegħda f'zona industrijali?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19922 (Seduta 392).
Jaf il-Ministru li fl-area f'Tal Blat II Ħal Qormi fejn hemm għadd ta' familji jgħixu m'hemmx lanqas letterbox u telephone box? Jista' l-Ministru jirrimedja s-sitwazzjoni peress li biex dawn il-familji jimpustaw ittra jridu jmorru f'area imbegħda ħafna minħabba li maqtugħin kompletament miċ-ċentru tar-raħal?
Response (BONNICI, JOSEF)
Dwar il-kaxxa ta' l-ittri, jiena nfurmat li l-Maltapost lesta tikkunsidra rakkomandazzjoni mill-Kunsill Lokali biex xi waħda mis-16-il kaxxa ta' l-ittri li hemm f'Ħal Qormi tiġi rilokata b'mod li jiġi provdut servizz aħjar fl-inħawi msemmija.
It-talba rigward "telephone box" ġiet riferuta lill-Maltacom għall-konsiderazzjoni tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbena iċ-ċint li jifred Triq l-Għargħar 1979 f'Ħal Qormi mid-diżlivell li hemm għal wied, minħabba l-periklu kbir li tippreżenta s-sitwazzjoni kif inhi llum, partikularment meta jgħola l-ilma fil-wied u jaqbeż għat-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 20841.
Fl-ispezzjoni li saret fil-lokalita' irriżiluta li hemm djar li l-livelli tagħhom qiegħed prattikament mal-livell tal-wied, u għalhekk kwalunkwe kostruzzjoni tista' tikkaġuna aktar għargħar.
Id-Dipartiment tat-Toroq ikkommisjona survey dettaljat ta' din iż-żona biex ikompli jiġi stabbilit x'jista' jsir.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru arranġamenti xierqa biex jingħeleb il-periklu serju li hemm, kemm għal pedestrians u għas-sewwieqa fil-junction ta' Triq il-Mitħna, Triq l-Għargħar u Triq il-Wied, jiġifieri fuq il-pont tan-naħa ta' San Ġorġ? Jista' jgħid hux ppjanat li jsiru traffic lights jew le? Jekk iva, meta? Jekk le, x'inhuma l-pjani ta' alternattiva xierqa għal din il-problema serja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-sitwazzjoni tat-traffiku fil-lokal diġa tqajmet f'okkażżjoni oħra mill-Kunsill Lokali. Jidher iżda li ħafna mit-traffiku qed jgħaddi minn din it-triq minħabba xogħolijiet oħra f'Ħal Qormi, u għalhekk ikun aktar il-każ li wieħed jistenna li dan it-traffiku jerġa jmur għar-rotot normali tiegħu qabel ma jittieħdu deċiżżjonijiet dwar Traffic Management fil-lokal.
Jista' l-Ministru jikkonsidra konċessjoni lir-residenti ta' Triq l-Għargħar, Ħal Qormi, li f'temp adattat, jipparkjaw il-karozzi tagħhom fil-parti tal-wied li hija dead end u li dan l-aħħar ġiet magħluqa għall-karozzi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku ser jieħu l-passi neċessarji billi japprova t-tneħħija ta' No Entry Signs fi Triq l-Għargħar biex ir-residenti tal-lokal ikunu jistgħu jipparkjaw il-karozzi tagħhom f'din it-triq.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jieħu dwar il-fatt li minn sistema ta' culverts li tagħti għal parti tal-wied, taħt Triq l-Għargħar 1979, Qormi, l-ilma tax-xita qed jitħallat mad-drenaġġ u joħroġ f'din il-parti tal-wied, bil-konsegwenza li l-area tkun infestata bin-nemus u b'riskju serju għal saħħet in-nies?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-iżbroff tad-drenaġġ li ġej minn xi culvert u jispiċċa fil-wied taħt Triq l-Għargħar 1979, Ħal Qormi, huwa kkaġunat minn overflow mis-sistema prinċipali fi Triq il-Belt Valletta u dan isir biss meta tagħmel ix-xita qawwija. Id-Dipartiment qiegħed jieħu ħsieb biex issir manutenzjoni fi Triq il-Belt Valletta biex jitnaddfu l-mini baxxi li hemm biswit il-ground tal-football ta' Ħal Qormi.
Il-Masterplan Implementation Unit bħalissa għaddejja b'xogħlijiet biex tiġi mtejba s-sistema li twassal id-drenaġġ sal-Marsa.
Jista' l-Ministru jgħid meta se titnaddaf l-area tal-wied li tagħti taħt Triq l-Għargħar 1979, Ħal-Qormi, u tiġi taħt il-pont ta' San Ġorġ u li hija mimlija bil-ħaxix li huwa infestat bin-nemus?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ix-xogħol mitlub mill-Onorevoli Interpellant jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li bihom tiġi evalwata l-qgħada ta' nisa bi tfal, partikolarment li qegħdin f'shelter u li m'għandhomx residenza fejn imorru wara li jgħalqilhom it-terminu taż-żmien, li jistgħu jkunu fix-shelter mid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Sallum il-kriterji li jintużaw huma l-istess bħal dawk li jintużaw fil-każi li għandu d-Dipartiment. Madanakollu, is-sistema l-ġdida ta' kif jinħadmu l-punti, tagħti konsiderazzjoni għaċ-ċirkostanzi ta' każijiet bħal dawn.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pakkett edukattiv "Ħoloq" imniedi mill-kummissjoni nazzjonali persusni b'diżabilita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' ppubblikat t-tieni edizzjoni tal-pakett edukattiv Ħoloq fl-1999. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-pakkett.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proposti mressqa mill-kummissjoni nazzjonali persuni b'diżabilita' dwar kif il-kumitat li jeżamina talbiet mill-istudneti b'diżabilita' fl-Universita' li jitolbu provvedimenti differenti waqt l-eżamijiet biex huma jkollhom opportunitajiet indaqs, jista' jiffunzjona aħjar, intlaqgħux? Jekk iva, xi proposti ġodda ġew aċċettati, jekk le, għaliex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat mill-Universita` li l-proposti intlaqg[ħu kollha u t-talbiet ta' l-istudenti għas-sessjoni ta' l-eżamijiet li ser isiru din is-sena, u li kienu mimlija kif mitlub, diġa' ġew ikkunsidrati u deċiżi mill-Kumitat tal-Ħtiġijiet Speċjali ta' l-Universita'. Id-deċiżjonijiet ġew mgħoddija lil MATSEC u l-istudenti konċernati dalwaqt ikunu nfurmati bid-deċiżjonijiet meħuda.
Jaf l-Ministru kemm is-servizz tat-trasport pubbliku fl-area magħrufa bħala ta' Farsina f'Ħal Qormi u l-madwar, huma ineffiċjenti u inadekwati għal ħtiġijiet tal-komunita' li tgħix hemm hekk? Jaf li anke kieku l-arrangamenti li jeżistu llum kienu qed jinżammu li m'humiex (per eżempju suppost tgħaddi karozza tal-linja kull siegħa u din mhux dejjem tgħaddi mill-akwata), dan l-arranġamenti m'humiex jilħqu l-bżonnijiet tan-nies? Għaldaqstant jista' jgħid x'qiegħed isir biex isiru arranġamenti addattati biex dan is-servizz essenzjali f'din l-area fl-aħħar jaqdi bis-serjeta' l-esiġenzi u l-bżonnijiet reali tal-familji f'din l-area?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li kienet talba tal-Kunsill Lokali li wasslet lill-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku sabiex titrasferixxi l-venda tar-rotta 91 (San Ġorġ) għall-lokalita` magħrufa ta` Farsina fl-1995. Għal din il-bidla saru oġġezzjonijiet l-ewwel mir-residenti ta` madwar il-knisja ta` San Ġorġ imbagħad minn dawk ta` Farsina viċin ta` fejn ġiet trasferita l-venda. Kien għalhekk li l-istess Kunsill fl-1996 talab li jsiru l-arranġamenti preżenti biex il-venda terġa` tmur ħdejn il-Knisja ta` San Ġorġ. Sadanittant biex jinqdew ir-residenti ta` Farsina saru arranġamenti biex ix-xarabanks li jkunu ġejjin mill-Belt jgħaddu minn ta` Farsina.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-miżuri konkreti li l-ETC qed tieħu biex tiġi implimentata l-liġi ta' l-impjiegi (persuni b'diżabilita') ta' l-1969?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-Supported Employment Unit (SEU) hi t-Taqsima responsabbli fi ħdan il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ għall-persuni b'diżabilita'. Ninsab infurmat li fil-kuntatt li jkollha ma' employers, din it-Taqsima ma titlef l-ebda okkażjoni biex tassigura li l-liġi ta' l-impjieg dwar persuni b'diżabilita' ta' l-1969 tkun imħarsa.
Ninsab infurmat ukoll li l-Korporazzjoni qiegħda tħejji rapport biex jiġu identifikati dawk l-ażjendi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta' din il-liġi, bil-ħsieb li dawn jiġu avviċinati mill-uffiċċjali ta' l-SEU biex jispjegawlhom il-provvedimenti ta' din l-istess liġi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumentazzjoni li tqassmet u rakkmandazzjonijiet jew riżultati li nkisbu fil-forum tal-klijenti li ġew organizzati mill-ETC is-sena li għaddiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba għadha qiegħda tinġabar u ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm probation officers? Kemm ġew ingaġġati probations officers matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Kemm hemm studenti l-Universita' li qed jagħmlu l-kors ta' probation officer?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm għaxar probation officers jaħdmu mal-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin.
Dawn ġew ingaġġati kif ġej:-
1996 - xejn
1997 - xejn
1998 - xejn
1999 - 3 (b`effett minn 1998)
2000 - 8 (waħda minn dawn ma komplitx)
Ninsab infurmat ukoll illi fil-preżent ma hemm ħadd jagħmel il-kors ta` probation officer.